Peress li l-politika tal-gvern hi dik li temmen fiż-żwieġ bħala l-aħjar forma ta' familja, jistgħu jiġu riveduti s-servizzi soċjali fis-sens li, per eżempju, jekk mara li tirċievi pensjoni ta' l-invalidita' u raġel li jirċievi benefiċċju tad-diżimpjieg jiżżewġu, il-koppja ma tkunx tista' tkompli tirċievi ż-żewġ benefiċċji, bil-konsegwenza li jkun jaqbel li din il-koppja tibqa' ma tiżżewwiġx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi biex fejn mara tkun qed tirċievi pensjoni ta' l-Invalidita' u tiżżewweġ raġel li jkun qed jirreġistra u qed jirċievi benefiċċju għad-diżimpjieg, hu mhux biss jibqa' jitħallas il-benefiċċju anzi jibda' jirċievi dan b'rata għola ta' wieħed miżżeweġ li qed imantni lill-martu.
Il-pensjoni ta' l-Invalidita' xorta waħda tibqa' titħallas lill-mara.
F'każ ta' persuni li jkunu qed jirċievu Għajnuna Soċjali għal waqt il-qagħad, peress li din l-għajnuna tinħadem skond it-test tal-mezzi, kull dħul tal-familja irid jiġi kkalkulat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13861, fejn il-Ministru kien issuġġerixxa li l-persuna konċernata tapplika taħt Skema 2 ta' l-Awtorita' tad-Djar, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti aktar informazzjoni peress li l-awtorita' qed tgħid li din l-iskema lanqas biss teżisti u ġie suġġerit li l-persuna konċernata tapplika taħt Skema Z, u meta sar dan, il-persuna ġiet informata li lanqas din l-iskema ma tapplika għalih? Qegħdin jerġgħu jintbagħtu d-dettalji tal-persuna konċernat separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-file jirriżulta li l-applikanta la hi sid u lanqas użufruttwarja tal-fond in kwistjoni u b'hekk ma tikkwalifikax taħt l-iskema. Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura kkonċernata ma kkwalifikatx skond ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13861 peress li l-informazzjoni mogħtija mill-istess Interpellant kienet żbaljata cioe' li din is-Sinjura mhijiex is-sid tad-dar in kwestjoni. Barra dan, sabiex is-Sinjura tingħata l-informazzjoni li għandha bżonn b'mod dettaljat, tista' tagħmel użu mis-servizz tal-Customer Care li għandha l-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-perjodu msemmi d-dekasteru kien jinkorpora dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet differenti minn dawk tal-lum.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'permessi għandha l-kumpannija tat-Timeshare Worldwide Holiday biex timpjega Maltin u barranin magħha?
Xi spezzjonijiet saru mill-ETC minn Settembru 1999 sal-lum biex jiġi stabbilit jekk din il-kumpannija hijiex tħaddem Maltin u barranin bla ktieb tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, minn żmien għal żmien tagħmel spezzjonijiet f'diversi kumpaniji u organiżżazzjonijiet.
Il-Korporazzjoni dejjem taġixxi b'mod immedjat meta, jew tirċievi xi rapport jew ikollha xi suspett li hemm xi persuni jaħdmu b'mod illegali. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni ma għandha l-ebda tagħrif dwar il-kumpanija bl-isem "Timeshare Worldwide Holiday' għaldaqstant l-informazzjoni li qed tintalab ma tistax tingħata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'diskussjonijiet saru mal-familji li joqogħdu fi Blokk 5, tal-qasam tad-Djar f'St George's, Pembroke dwar akkomodazzjoni alternattiva meta jitwaqqa' dan il-blokk biex jinbena ieħor? Sar qbil fuq fejn, kif u meta dan se jsir? Kemm hemm familji nvoluti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għadhom ma sarux diskussjonijiet dwar akkomodazzjoni alternattiva billi l-ewwel irid joħroġ il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Madankollu r-residenti ġew mogħtija assigurazzjoni li ser isiru diskussjonijiet magħhom dwar dan is-suġġett proprju meta jkun ħareġ il-permess. In-numru ta' familji affettwati hu ta' 9.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14458, jista' issa l-Viċi Prim Ministru jagħti l-figura mitluba għax-xahar ta' Frar? Jista' wkoll jagħti l-figuri għall-Marzu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul Frar, in-numru ta' persuni li wżaw iċ-Ċentru tad-Detox għall-kura mill-abbuż tad-droga, kien kif ġej:
Numru totali: 535
Minn dawn:
- marru għall-ewwel darba 13;
- kienu ta' nazzjonalita' barranija 53;
- l-ikbar persuna minn dawk kollha li attendew għandħa 55 sena;
- l-iżgħar persuna minn dawk kollha li attendew għandha 17-il sena;
- l-ikbar persuna minn dawk li attendew għall-ewwel darba għandha 35
sena;
- l-iżgħar persuna minn dawk li attendew għall-ewwel darba għandha 17-il
sena.
L-informazzjoni mitluba fuq ix-xahar ta' Marzu tingħata aktar il-quddiem minħabba li għadha ma nġabritx kollha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li t-tankijiet ta' l-ilma li jissupplixxu d-dar ta' l-anzjani ta' Bormla tħalltu bid-disel jew petrol? X'sar sabiex jitneħħa dan il-periklu? U għaliex għaddew aktar minn 15-il ġurnata u l-anzjani għadhom ma jistgħux jużaw l-ilma b'mod normali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa minnu li wieħed mit-tankijiet tal-ilma, li jissupplixxu d-dar tal-Anzjani ta' Bormla, tħallat b'xi ftit diesel. L-ammont ta' diesel li tħallat, tant kien minimu li bl-azzjoni li ttieħdet f' waqtha ma nħolqot l-ebda nkonvenjenza lir-residenti ta' din id-dar u għalhekk huwa assolutament mhux veru li l-anzjani ma jistgħux jużaw l-ilma b'mod normali. Ta' min iżid li b'ebda mod qatt ma ġi affettwat l-ilma tax-xorb.
Jista' l-Ministru jgħid, issa li fetħet id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla, meta se jiftaħ id-Day Centre fl-istess dar? Min se imexxi dan id-day centre?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b'kontinwazzjoni tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 15647 id-Day Centre ta' Bormla nfetaħ fil-25 ta' April, 2000 u hu mmexxi mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx pjanijiet min-naħa tal-Gvern, li jiġu nstallati lifts fi blokki ta' appartamenti tal-gvern, tip f'Ta' Farsina, Qormi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent l-Awtorita' tad-Djar qegħda tipproċessa l-applikazzjoni li rċeviet taħt l-Iskema V - Skema ta' Installazzjoni ta' 'Lifts' fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern - li tkopri il-lokalitajiet tal-Cottonera, Kalkara, Floriana u Valletta u f'dawk il-lokalitajiet f'Malta u Għawdex li fihom tgħix xi persuna b'diżabilita' ta' mobilta'. Hemm l-intenzjoni li l-quddiem l-Iskema tal-'lifts' ser tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija l-proċedura tat-trasferimenti minn residenza għal oħra, fi proprjeta' tal-Gvern? X'inhija fil-każ ta' trasferiment bejn proprjeta' tal-gvern u oħra tal-privat? X'kondizzjonijiet hemm fiż-żewġ każi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-risposta għall-Mistoqsija Numru 15823 tingħata f'Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm social workers jaħdmu f'Għawdex, fid-dipartimenti differenti, dipartiment dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fit-Taqsima ta' Ħidma Soċjali f'Għawdex tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja hemm jaħdem "Registered Social Worker II" wieħed biss. Dan hu assistit minn sitt "Casual Welfare Officers".
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar minnha l-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera? Għadha tiffunzjona? Jekk iva, x'rakkmandazzjonijiet għamlet lill-gvern? Xi pjanijiet għandu l-gvern dwar ir-rakkmandazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-Chairman ta' din il-Kummissjoni nfurmani li l-Kummissjoni lestiet id-diskussjonijiet tagħha u huwa qiegħed fil-proċess li jħejji r-rapport finali. Malli dan ir-rapport jitlesta, u jiġi ppreżentat lili, isir il-proċess ta' evalwazzjoni tal-proposti li jkun fih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema barranin li jaħdmu bil-permess f'pajjiżna?
Jista' l-Ministru jgħid fejn jaħdmu dawn il-ħaddiema, ta' liema nazzjonalita' huma, min huma u x'tip ta' xogħol jagħmlu?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permess jipposjedu u kemm ilhom jaħdmu f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar appartamenti u bini ieħor tal-gvern f'Bormla fejn se jsir xogħol ta' manutenzjoni mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar sal-aħħar ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif spjegajt f'tweġiba għal mistoqsija simili, ma nikkunsidrahx għaqli li wieħed jippubblika d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar appartamenti u bini ieħor tal-gvern fil-Fgura fejn se jsir xogħol ta' manutenzjoni mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar sal-aħħar ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15639.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar appartamenti u bini ieħor tal-gvern fil-Kalkara fejn se jsir xogħol ta' manutenzjoni mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar sal-aħħar ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15639.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar appartamenti u bini ieħor tal-gvern fl-Isla fejn se jsir xogħol ta' manutenzjoni mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar sal-aħħar ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15639.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar appartamenti u bini ieħor tal-gvern fil-Birgu fejn se jsir xogħol ta' manutenzjoni mid-Dipartment tal-Bini u Tiswija tad-Djar sal-aħħar ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15639.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex reserved parking, tal-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġiex approvat, minkejja l-bżonn urġenti minħabba mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li għaliha saret riferenza applikat għas-servizz ta' "Reserved Parking" s-sena l-oħra u ġiet rifjutata minħabba li skond il-bord tal-KNPD li jeżamina dawn l-applikazzjonijiet din ma kellhiex diżabilita' severa ta' mobilita' kif jitolbu r-regolamenti għal dan is-servizz.
Din il-persuna ġiet infurmata b'dan f'Ġunju tas-sena l-oħra u ġiet infurmata wkoll li "jekk għal xi raġuni, jkun hemm tibdil sostanzjali fiċ-ċirkostanzi li tħoss li l-bord għandu jerġa jeżamina l-applikazzjoni tagħha hi tista' terġa tapplika għal dan is-servizz".
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna armla għandhiex dritt ta' arretrati ta' żewġha mejjet - partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament - li kien jaħdem mal-gvern imbagħad mal-power station?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jgħaddi d-dettalji ta' l-armla u mhux tar-raġel tagħha biex id-dipartiment ikun jista' jinvestiga l-każ kkonċernat.