Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tħaffir għaż-żejt — blata kontinentali Maltija - informazzjoni ġeoloġika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija taż-żejt Heritage Oil, li għandha l-liċenzja għat-tħaffir taż-żejt f’areas 2 u 7, kif ukoll bjar taż-żejt fl-Italja, għaddietx xi informazzjoni ġeoloġika dwar il-blata kontinentali fil-Lvant ta’ Malta, jiġifieri fl-istess żona fejn il-Gvern Taljan estenda il-pretenzzjonijiet tiegħu fuq il-blata kontinentali Maltija, lil terzi persuni jew gvernijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nixtieq niċċara li Heritage Oil ma għandiex la liċenzji u l-anqas bjar taż-żejt ġewwa l-Italja. Il-kuntratt bejn Heritage Oil u l-Gvern ta’ Malta għandu klawsoli sabiex jisalvagwardja il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Il-Gvern ukoll staqsa lill-Heritage Oil dwar dan u dawn ċaħdu li qatt għaddew informazzjoni lil terzi persuni jew lil gvernijiet. Nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk hu għandu xi provi li din l-informazzjoni għaddiet lil terzi persuni jew Gvernijiet dan għandu jgħaddili dawn il-provi ħalli jien nieħu l-passi meħtieġa.

Bormla u l-Birgu – tħawwil ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' siġar tħawlu bħala parti mix-xogħol li qed isir fil-front ta’ bejn Bormla u l-Birgu? Kemm tħawlu siġar f'dan il-post u x'tip ta' siġar tħawlu? Dan it-tħawwil sar skont l-approvazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew le? Min ta pariri biex jitħawlu dawn it-tipi ta' siġar? Minn liema pajjiż ġew dawn is-siġar u kemm hi l-istima tas-siġar li tħawlu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għażla tas-siġar saret mill-Architectural and Landscaping Consultants. Dawn is-siġar ġew impurtati mill-Italja u t-tħawwil tagħhom ġie approvat b’ permess tal-MEPA. L-istima ta’ dawn is-siġar li ġew imħawla hija ta’ €30,124. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dock 7 – bidla fi triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni li Transport Malta tbiddel iż-żona ta' Dock 7 fi triq? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-avviż legali li ġie ppubblikat li jindika dan it-tibdil?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet id-deċiżjoni li ż-żona tad-Dock 7 tintuża bħala triq pubblika fil-ġimgħat li għaddew u dan skont Kapitlu 499 tal-Liġijiet ta’ Malta li tagħti l-poteri lill-istess Awtorità biex tagħmel dan. Nagħmilha ċara ukoll li għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal, kull min jgħaddi minn hemm huwa kopert bil-polza tal-assigurazzjoni.

Coaches minflok articulated buses – apparat ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-coaches li qed jintużaw minflok l-articulated buses humiex equipped bl-arja kkundizzjonata, CCTVs, aċċess għal persuni b'diżabilità, magni Euro 5 u apparat ieħor ta' sigurtà kif kienu armati l-articulated buses?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-coaches qed jintużaw temporanjament minflok l-articulated buses bħala parti minn pjan ta’ kontinġenza minħabba dak li seħħ bil-ħruq tal-istess articulated buses. Ninfurmah li dawn il-coaches huma mgħammra bl-apparat kollu meħtieġ skont kif stipulat fil-“Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri” (SL 499.56). Infurmat ukoll li l-parti l-kbira ta’ dawn il-coaches għandhom arja kundizzjonata u l-apparat kollu ta’ sigurtà skont kif mitlub mil-liġi.

Coaches minflok articulated buses – ħlas għall-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, jekk hu jibqa’ jinsisti li l-articulated buses ma jintużawx allavolja jiġu ċċertifikati li huma siguri li jerġgħu jiġu introdotti fis-servizz pubbliku, min se jħallas għall-ispejjeż biex jinkrew il-coaches li qed jissostitwixxu l-articulated buses?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadhom għaddejjin it-taħdidiet mal-kumpanija Arriva u biex ma jiġux preġudikati id-diskussjonijiet li qed isiru, informazzjoni aktar minn dik li digà ingħatat lill-pubbliku, tingħata fil-mument opportun.

Policy għal reserved parking

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W59, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policy dwar il-personalizzazzjoni tar-reserved parking għal persuni b'diżabilità għadhiex tiġi applikata jew ġietx sospiża peress li fir-risposta tiegħu ma kienx ċar?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li, fir-rigward tal-polza fejn kien propost li jiġu ppersonalizzati l-parkeġġi riservati għal persuni b’diżabbiltà, ma nstabet l-ebda konferma li tali kienet ġiet approvata mill-Bord ta’ Transport Malta.

Diskussjonijiet mal-Arriva Malta Ltd

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W60, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu konklużi d-diskussjonijiet mal-Arriva Malta Ltd dwar iż-żieda ta' diversi rotot, il-qisien tal-vetturi li se jiżdiedu, jekk l-articulated buses hux se jiġu phased out jew le u jekk hemmx ditta partikolari ta' vetturi li qed tintalab mill-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4642.

Triq tar-Rabat tagħti għal Ta' Qali — Siġar maqlugħin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol qed isir preżentement fid-daħla li mit-triq tar-Rabat tagħti għal Ta' Qali? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm siġar se jinqalgħu, jekk se jinqalgħu, b'riżultat ta’ dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk dawn is-siġar li se jinqalgħu, jekk se jinqalgħu, hux qed jinqalgħu bl-approvazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk is-siġar li se jinqalgħu hux se jiġu kkumpensati permezz ta' siġar oħra li se jitħawlu minflokhom? Jekk iva, kemm se jitħawlu siġar oħra u fejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li bħalissa qed isir fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard huwa parti mill-proġett tal-MODUS li huwa proġett parti ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea (ERDF) u li kien oriġina bħala parti mir-riforma tat-trasport pubbliku. L-ebda siġra m’hi se tinqala bħala parti minn dan ix-xogħol, dan minħabba l-fatt li għalkemm oriġinarjament il-permess tal-MEPA u dak tad-Dipartiment tal-Agrikoltura kienu jippermettu l-qlugħ ta’ numru ta’ siġar, minkejja dan ġie deċiż li jinbidel id-disinn biex dawn is-siġar ma jinqalgħux. Infatti, filwaqt li l-junction proposta kienet roundabout, issa qed tinbena traffic light cluster; fejn dan it-tibdil sar ukoll bil-permessi tal-Awtorità kkonċernata. Għalkemm dawn is-siġar mhux se jinqalgħu, Transport Malta xorta għadha kommessa li fejn ikun possibli jinżergħu siġar ġodda.

Is-Siġġiewi – Triq l-Imqabba – stallazzjoni ta’ barriers

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata soluzzjoni oħra minflok il-barriers li ġew stallati għall-parti ta’ Triq l-Imqabba li tagħti għall-Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi, peress li dawn qed jiġġeneraw żieda sostanzjali fit-traffiku minħabba li djieqet it-triq bl-istallazzjoni tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ġejt infurmat li dawn il-barriers ġew installati bħala l-aħjar soluzzjoni biex jiġu evitati perikli. Madankollu tlabt lit-Traffic Management and Road Safety Department biex jerġa jevalwa dan il-każ.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Periti – Warranting Board

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2946, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-warranting board tal-periti ġewx ikkonfermati jew jekk ġewx maħtura membri ġodda? Min huma dawn il-membri, u min hu iċ-Chairman ta' dan il-Bord? Minn meta se jerġa’ jibda jiffunzjona dan il-Bord peress li għalkemm fir-risposta tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2013 il-Ministru kien qal li l-Warranting Board tal-Periti se jinħatar uffiċjalment fil-ġranet li ġejjin, diġà għaddew iktar minn tliet xhur u dan il-Bord għandu ma nħatarx?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nitlob lill- Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4307, nixtieq ninfurmah li l-abbozz għadda mill-ewwel Qari mill-Parlament. La darba jitlesta il-proċess kollu fil-Parlament, inkun nista’ npoġġi il-lista minn min hu kompost il-Warranting Board tal-Periti fuq il-Mejda tal-Kamra.

Periti – Ħatra tal-Warranting Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu jippersisti li ma jaħtarx il-Warranting Board tal-Periti għalkemm issa ilu aktar min sitt xhur u nofs ma jiffunzjonax?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4633.

Periti – Baċellerat tal-Arkitettura u Inġinerija Ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm gradwati fil-Baċellerat tal-Arkitettura u Inġinerija Ċivili jistennew biex jittellgħu għall-eżami quddiem il-Warranting Board tal-Periti? Kull meta suppost isir l-eżami tal-warrant u kemm saru eżamijiet tal-warrant mit-12 ta' Marzu 2013 ’l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Il-Periti Warranting Board għandu fl-uffiċċju tiegħu d-dokumenti ta’ 9 kandidati gradwati fil-Baċellerat tal-Arkitettura u Inġinerija Ċivili. L-eżamijiet tal-warrant normalment isiru skont l-esġenzi ta’ kemm ikun hemm kandidati.

articulated buses — Rapporti tekniċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex, hekk kif stqarr hu fuq diversi mezzi tal-media lokali, anke jekk ir-rapporti tekniċi juru li l-articulated buses huma siguri, xorta jrid ineħħihom mit-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onorevoli Interpellant għandu joqgħod attent għad-diskors kollu li jien ngħid ħalli ma jasalx għal konklużjonijiet żbaljati kif għamel f’dan il-każ. Għandu jkun informat li għamiltha ċara mal-ARRIVA li l-bendy buses għandhom ikunu phased-out u ma’ dan L-ARRIVA qed taqbel fil-prinċipju.

articulated buses — Rapporti tekniċi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rapporti tekniċi kollha li saru fir-rigward ta' l-articulated buses fid-dawl ta' inċidenti ta' ħruq li kienu inqalgħu reċentement?

Response (MIZZI, JOE)

Bħal ma jaf sewwa l-Onor. Interpellant, hu stess kellu l-opportunità li jiġi jara ir-rapporti kif fil-fatt għamel. Kif seta jara f’dawn ir-rapporti hemm rakkomandazzjonijiet li minħabba is-sigurtà pubblika, l-imsemmija rapporti m’għandhomx jiġu ppubblikati. Madankollu jien kont issottomettejt talba lill-Avukat Ġenerali biex ikun possibli li jiġi ppublikat sommarju tar-rapport tal-inkjesta. S’issa għad m’għandi ebda risposta.

articulated buses — alternattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' mezzi ta' trasport pubbliku alternattiv u kemm jiġu introdotti minnhom jekk jitneħħew l-articulated buses? Xi tkun l-ispiża involuta u li l-Gvern irid iħallas lill-operatur tat-trasport pubbliku jekk tali eventwalità sseħħ? Kif se jagħmel tajjeb il-Gvern għal din l-ispiża addizzjonali, se jżid in-nollijiet jew se joħroġ xi taxxa ġdida li tagħmel tajjeb għal din iż-żieda fl-ispejjeż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala miżura temporanja, fil-preżent hemm 49 vettura tal-Unsheduled Bus Service, flimkien ma’ vetturi oħra tal-Arriva Malta Ltd li qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Dan sabiex ilaħħqu mal-iskeda wara li l-użu tal-articulated buses ġie sospiż. Bħalissa għaddej proċess fejn qed jiġi evalwat l-impatt fuq is-servizz, kif ukoll qed jiġi diskuss x’tibdil jinħtieġ li jsir jekk l-articulated buses phased out għal kollox mis-servizz. Għaldaqstant, f’dan l-istadju m’aħniex f’pożizzjoni li nipprovdu dettalji finanzjarji. Infakkar li meta l-Gvern preċedenti ġie ffaċċjat b’sitwazzjonijiet fejn kellu juża s-servizzi tal- Unscheduled Bus Service, bid-differenza ta’ dak li qed jiġri llum il-Gvern ta’ dak iż-żmien kellu jħallas parti sostanzjali mill-ispiża hu.

Ħal Qormi — sinjal tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala Transport Malta waħħlet tabella fil-ħruġ tal-istabbiliment PAVI f'Ħal Qormi li tindika li wieħed jista' jdur għad-direzzjoni ta' Ħaż-Żebbuġ iżda ma jistax idur lejn il-Marsa?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li t-tabella li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet parti mill-Immaniġġjar tat-Traffiku Temporanju li kien hemm fuq il-post bħala parti mill-proġett għall-immaniġġjar tal-għargħar. Jien infurmat li l-kuntrattur intalab ineħħi din it-tabella.

Triq Reġjonali – dawl fil-mini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni meta se jinbdlu d-dwal tal-mini Ta' Triq Reġjonali u dan ħalli jitneħħa l-periklu li jeżisti li meta tkun ħafna xemx u tidħol fil-mina tidħol fi dlam ċappa u jista’ jkun hemm inċidenti gravi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dwal tal-mini ta’ Triq Reġjonali saritilhom manutenzjoni f’Awwissu li għadda. Ix-xogħol kien jinkludi tindif tal-fanali li kienu għadhom f’kundizzjoni tajba, tibdil tal-bozoz kollha kif ukoll tibdil tal-fanali li ma kienux għadhom f’kundizzjoni li jdawwlu l-mini kif meħtieġ.

Iż-Żejtun – Triq il-Palazzi – wiċċ ġdid

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet preċedenti dwar Triq il-Palazzi fiż-Żejtun, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa u x’kordinament qed isir mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun sabiex din it-triq tingħata wiċċ diċenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti minn Triq il-Palazzi, Żejtun għandha wiċċ u għalhekk taqa’ taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsill Lokali. Il-parti l-oħra li baqa’ f’din it-triq qatt ma ġiet mogħtija wiċċ u għalhekk ġiet inkluża fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru minn Transport Malta. Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi wkoll għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3590.

użu ta’ credit cards – każ ta’ allegat frodi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni, li kienet inbdiet qabel l-elezzjoni, dwar allegat frodi fl-użu ta' credit cards tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, liema cards kien ingħad li kienu ġew użati minn uffiċjali għolja tal-istess kumpanija, li llum wieħed minnhom huwa uffiċjal għoli ħafna fis-Civil Aviation Directorate taħt Transport Malta u l-ieħor illum jinsab irtirat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-investigazzjoni msemmija tlestiet.