Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tilwim Industrijali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm tilwim industrijali, xahar xahar mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:- Tilwim Industrijali Xahar b'Xahar 1998 Settembru 3 Ottubru 5 Novembru 6 Diċembru 8 ---------------- Total 22 ---------------- 1999 Jannar 6 Frar 4 Marzu 7 April 9 Mejju 6 Ġunju 7 Lulju 17 Awissu 6 Settembru 10 Ottubru 8 Novembru 7 Diċembru 5 ---------------- Total 92 ---------------- 2000 Jannar 12 Frar 10 Marzu 9 April 5 Mejju 4 ---------------- Total 40 ----------------

Kummissjoni għar-Riforma tal-Welfare

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni għar-Riforma tal-Welfare għadhiex qed tiltaqa'? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, kemm-il darba ltaqgħet minn wara li ħarġu l-interim report? Meta se joħroġ ir-rapport finali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-risposta għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hija IVA. Mill-bidu ta' April meta ħareġ ir-rapport preliminari tagħha, l-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma tal-Welfare iltaqgħet tliet darbiet filwaqt li x-xogħol tal-panel tekniku mwaqqaf mill-Kummissjoni bil-għajnuna tal-Bank Dinji baqa' miexi wkoll. Il-Kummissjoni tistenna li tlesti x-xogħol tagħha matul din is-sena.

Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mis-7 ta' Mejju, 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1996? Jista' jgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Impjegati fulltime/part-time

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fulltime u fl-istess ħin għandhom xogħol part-time? Jista' jgħid kemm minn dawn huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-Numru ta' ħaddiema li jaħdmu full time u fl-istess ħin għandhom xogħol part time huwa ta' 12,226 raġel u 3,897 mara li jfisser total ta' 16,123.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex anzjana armla - partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament - qiegħda titnaqsilha l-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Għajnuna Soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15760, qed ngħaddi d-dettalji separatament. Jista' l-Ministru issa jagħtini risposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha ġew mgħoddija separatament, ma ġietx misjuba fir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Jekk jogħġbok agħti dettalji, partikolarment in-numru tal-Karta tal-Identita'.

SVPR — Sala

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li titlesta s-sala l-ġdida li qegħda tinbena f'SVPR? Kemm huwa stmat li tiswa? Kemm se jkollha sodod, kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq li l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu u jgħid għal x'hiex qed jirreferi meta jgħid "s-sala l-ġdida".

Djar — Dawl

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir id-dawl fil-flats li l-partikolaritajiet qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, minħabba li issa l-flat ilu ġranet sħaħ bla dawl?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' lift fil-flat li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, peress li fih toqgħod persuna b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Saret spezzjoni mill-Perit ta' l-Awtorita' tad-Djar. Qed isiru l-preparamenti biex issir applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għat-twettieq tax-xogħol neċessarju għall-installazzjoni tas-sistema tal-'lift' peress li dan jirrikjedi tibdil strutturali partikolarment għall-skop ta' aċċess.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li r-relief tas-sinjura li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, joħroġ mill-aktar fis peress li issa ilu xi żmien li miet ir-raġel tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru illi 'l-persuna minnu ndikata għandha tiġi nfurmata bil-miktub dwar dan.

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ħaddiema tad-dipartiment dwar manutenzjoni tad-djar jirranġa saqaf ta' dar fejn toqgħod anzjani - partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament - peress li l-kundizzjoni tiegħu hija perikoluża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li m'hemm ebda talba pendenti dwar dan il-flat quddiem id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar.

Anzjani/pensjonanti — Żieda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-anzjani u l-pensjonati jieħdu ż-żieda kollha ta' l-għoli tal-ħajja kif imwiegħda fil-programm elettorali Nazzjonalista ta' l-aħħar elezzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma spjegajt drabi oħra, il-Gvern preżenti ħatar Kummissjoni għal riforma fil-qasam tal-Welfare biex fost ħwejjeġ oħra, jingħata parir dwar kull tibdil li jkun jidher li hu meħtieġ sew fir-rigward ta' skemi għall-pensjoni, u sew fir-rigward tal-liġi tas-Sigurta' Soċjali. Jiena nfurmat li l-Kummissjoni tilqa' kull suġġeriment li jsirilha bl-għan li jingħata konsiderazzjoni fid-deliberazzjonijiet li qed tagħmel.

Persuni b'Diżabilita' — Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-gvern li jiftaħ aktar djar għal persuni b'diżabilita', it-tip ta' Dar il-Wens, Raħal Ġdid? Jekk iva, fejn huwa ppjanat li tinfetaħ? Jekk le, għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru tiegħi hu konxju dwar il-bżonn li jkun hawn servizzi residenzjali għall-persuni b'diżabilita' inkluż djar simili għal Dar il-Wens. B'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', fil-preżent għaddejjin żewġ inizjattivi f'dan il-qasam: a) Maisonette u garaxx inkrew mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' b'kera ssusidjata mill-Awtorita' tad-Djar. Din il-maisonette għaddiet għal għand Dar il-Wens biex tintuża minnhom biex persuni b'diżabilita' intelletwali jkunu jistgħu jgħixu fil-komunita' b'aktar indipendenza. b) Il-Kummissjoni ħejjiet "project document" biex tinfetaħ dar żgħira fil-komunita' għall-persuni b'diżabilita' intelletwali li għandhom bżonn ta' sapport qawwi. Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet dwar il-finanzjament għal din id-dar.

SVPR — Welfare Committee - membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Welfare Committee ta' SVPR?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Welfare Committee ta' St Vincent de Paule Residence kien ġie rikostitwit f'Jannar ta' din is-sena u issa huwa ffurmat kif jidher hawn taħt: Chairman: Is-Sur Louis Cuschieri Membri: Dr Francis Agius M.D., M.P., Is-Sur George Agius Is-Sur Joseph Attard Is-Sur Louis Attard Is-Sur Michael Bezzina Is-Sur Anthony Borg Ms Anne Callus Dr Miriam Camilleri, M.D. Dr Karl Chircop M.D., M.P. Dr Ronald Fiorentino M.D. Is-Sur Lino Mizzi Is-Sur Anthony Schembri Is-Sur Joseph Spiteri Segretarju: Is-Sur Vincent Ellul

Detox Centre

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14459, jista' l-Viċi Prim Ministru issa jagħti l-figuri mitluba ta' nisa li wżaw id-Detox Centre fi Frar? Jista' jagħti l-figuri għall-Marzu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul Frar, in-numru ta' nisa li wżaw iċ-Ċentru tad-Detox għall-kura mill-abbuż tad-droga, kien kif ġej: Numru totali : 63 Minn dawn: - Mara waħda kienet taħt it-18-il sena; - L-iżgħar persuna għandha 17-il sena; - Żewġ nisa wżaw dan iċ-Ċentru għall-ewwel darba fix-xahar ta'Frar. L-informazzjoni mitluba fuq ix-xahar ta' Marzu tingħata aktar il quddiem minħabba li għadha ma nġabritx kollha.

SVPR — Social workers

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid x'tip ta' taħdidiet saru biex f'SVPR jkun hemm social workers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għall-Mistoqsija Parlamentari 15811 fejn ġie spejegat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani għandu 'pool' ċentrali ta' Social Workers li jindirizzaw il-każijiet kollha li jinvolvu l-Anzjani. Id-Dipartiment huwa kommess li jwaqqaf servizz ta' 'social work' ġewwa San Vinċenz u qed isiru taħdidiet ma' kull min hu konċernat biex jiġi stabbilit x'livell ta' servizz ta' 'social work' huwa meħtieġ ġewwa San Vinċenz de Paule.

Anzjani — Każi ta' telecare

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew installati Telecare mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? Jista' jgħid fejn ġew installati lokalita' lokalita'? Jista' jgħid bħalissa kemm hemm talbiet pendenti u f'liema lokalita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' Telecare installati mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum huwa ta' 415. In-numru ta' talbiet pendenti huwa ta' 106. Dawn huma mill-lokalitajiet kif murija fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Ittra

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra/formola li ntbagħtet lil dawk li kellhom applikazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali bejn l-1997-1998? Jista' jgħid lil kemm-il applikant intbagħtet? Kemm kienu dawk li b'konsegwenza ta' din l-ittra inqatgħu minn fuq ir-reġistru għax ma bagħtuhiex lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra li intbagħtet lil 4864 applikant li kien hemm mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Minn 4864 applikazzjoni kienu inqatgħu 1663.