Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa l-istatus, jiġifieri jekk hijiex protetta eċċ., ta' pill box fi Triq Apap Bologna ġewwa Marsascala?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-post ta' difiża jew aħjar il-'Command Post' tat-Tieni Gwerra Dinija fit-tarf ta' Triq Apap Bologna kienet skedata fis-7 ta' April 1997 skond l-avviż GN 241/97 u kif muri fil-pjanta annessa ma' l-istess avviż b'riferenza numru 658/96. Il-proprjeta' msemmija hi ta' Grad 2 li skond il-Pjan ta' Struttura (Policy UCO 7) tfisser :
Buildings of some architectural or historical interest or which contribute to the visual image of an Urban Conservation Area. Permission to demolish such buildings will not normally be given. Alterations to the interior will be allowed if proposed to be carried out sensitively and causing the least detriment to the character and architectural homogeneity of the building.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jgħid jekk razzett antik fi Triq San Ġużepp (faċċata ta' Triq Sant'Antnin) ġewwa Ħaż-Żabbar huwiex bini skedat u xi pjani hemm fuq dan il-bini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-inħawi ta' Triq San Gużepp u Triq Sant' Antnin tal-Plier, f'Ħaż Żabbar, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma skedat l-ebda proprjeta'. Din iż-żona qiegħda ukoll barra ż-żona ta' konservazzjoni urbana. L-Environmental Management Unit tkun interessata tiskeda dan ir-razzett jekk huwa ta' interess storiku u kulturali u tkun grata jekk tiġi sottomessa pjanta u l-proprjeta' msemmija tkun immarkata għal-investigazzjonijiet ulterjuri. Dan l-inħawi huwa rik b'eżempju ta' arkittettura vernakulari.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk il-minuti tal-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar (bħala koporazzjoni pubblika) humiex uffiċjalment pubbliċi? Jekk iva, meta ġew ippubblikati l-aħħar dawn il-minuti? Jekk le, x'aċċess jeżisti għalihom?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant huwa infurmat illi dawn il-minuti mhumiex pubbliċi u huma aċċessibbli biss għall-membri tal-bord.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont iddettaljat ta' kemm mill-impjegati ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandhom karozza jew car allowance jew it-tnejn li huma? Jista' jgħid ukoll: (a) kemm hemm impjegati li għandhom karozza jew car allowance jew it-tnejn li huma, fil-kuntratt tagħhom; (b) liema gradi u karigi jokkupaw dawn l-impjegati; (ċ) id-dati ta' meta ngħataw il-karozzi u l-allowances in kwestjoni; u (d) kemm hemm xufiera u karozzi impressed jaħdmu ma' l-awtorita' jew mqabbda fuq bażi kuntrattwali?
Jista' l-Ministru jipprovdi rendikont iddettaljat tal-kondizzjonijiet, benefiċċji u bonuses kuntrattwali li għandhom l-membri individwali tal-management tad-Direttorat ta' l-Ippjanar inkluż ż-żewġ diretturi?
Jista' l-Ministru jipprovdi ukoll rendikont tal-performance bonuses li ngħataw lid-Direttur ta' l-Ippjanar, lill-managers individwali u lill-impjegati?
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf is-Susbtance Abuse Therapeutic Unit?
X'inhu l-irwol tiegħu?
Kemm hemm priġunieri f'dan il-unit?
Hemm il-ħsieb li jiżdiedu l-priġunieri f'dan il-unit?
X'sar minn dan il-unit fis-sena u nofs li għaddew?
Response (BORG, TONIO)
Is-Substance Abuse Therapeutic Unit ġiet imwaqqfa f'Ottubru 1996 f'Diviżjoni VII tal-Ħabs.
L-irwol ta' din il-Unit huwa li tkun ta' għajnuna permezz ta' programm ta' rijabilitazzjoni għal dawk il-priġunieri li għandhom problema tad-droga u alkoħol u li, volontarjament, ikunu jridu jagħmlu dan il-programm.
Fil-preżent hemm 14-il priġunier f'dan il-Unit.
It-tkabbir ta' dan il-Unit qiegħed jiġi kkunsidrat fid-dawl ta' l-esiġenzi tad-diversi priġunieri li jidħlu fil-Ħabs.
Fis-sena u nofs li għaddew, il-Unit kompliet tagħti programm ta' rijabilitazzjoni lill-inmates li ntgħażlu għal dan il-għan u fl-istess waqt kompla għaddej ix-xogħol ta' rranġar fl'istess Unit. F'Marzu ta' l-1997 il-Unit ġiet trasferita għal dik li kienet l-iskola ta' l-Imtaħleb. Il-Unit hi attrezzata biex titħaddem independentiment mill-Ħabs. Matul dan il-perijodu għaddew mill-programm ta' rijabilitazzjoni 100 priġunier. Din il-Unit qed tagħti servizz ta' kommunita` fuq bażi regolari f'Dar il-Kaptan l-Imtarfa.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2419 u dan b'riferenza għall-PAB 587/95/E rigward l-iżvilupp fil-Qawra wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli kontra l-istess applikant?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li b'referenza għad-domanda parlamentari 2419 segwita b'2688 irid jingħad illi l-każ inbeda bi ħruġ ta' ordni ta' infurzar ECF 451/94 nhar il-31 ta' Awissu, 1994. Appell minn din l-enforcement ġie dikjarat invalidu fis-26 ta' Jannar, 1998. Sussegwentement, applikazzjoni PA 443/98 ġiet sottomessa fis-27 ta' Jannar, 1998 u rifjutata fit-8 ta' April, 1998.
Fiċ-ċirkostanzi l-każ qiegħed jiġi eżaminat sabiex jittieħdu dawk il-passi neċessarji skond il-liġi u possibilment segwiti bit-tneħħija tal-ksur b'azzjoni diretta mill-Awtorita` għas-spejjeż tas-sid.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jara min ta l-ordni u taħt liema permess skond il-liġi ngħatat din l-ordni biex żona f'Hope Street, Mosta fejn dan l-aħħar saret bus shelter ġie wkoll dikjarat "no parking zone"?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirrferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' barranin li għandhom il-work permit illum? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom jaħdmu hawn dawn il-persuni u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond il-lista uffiċjali li ġiet ippubblikata fis-7 ta' Diċembru, 1998, kien hemm 2241 persuna barranija li kellhom permess biex jaħdmu Malta, liema lista ma tinkludix l-ismijiet ta' dawk il-persuni li l-permess tagħhom ikun validu għal anqas minn xahar.
Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar kemm dawn il-persuni ilhom jaħdmu f'Malta.
Madwar 850 applikazzjonijiet pendenti qed jiġu pproċessati.
15.12.98am
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku li fihom kienet involuta vejikola tal-pulizija din is-sena? Kemm kienet l-ispiża totali biex dawn ġew irranġati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 52 vettura tal-pulizija li ġarrbu ħsarat b'riżultat ta' inċidenti tat-traffiku. L-ispiża totali sabiex jiġu rranġati dawn il-vetturi hija stmata li tammonta għal Lm6,245.
15.12.98am
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sezzjoni tal-pulizija - l-Administrative Law Enforcement (ALE) - waqfitx milli tkompli tieħu passi biex tneħħi karozzi abbandunati fit-toroq? Jekk le, kemm ġabret karozzi, xahar b'xahar, minn Jannar 1998 sa Novembru 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sezzjoni ta' l-A.L.E. tal-Pulizija, ma waqfitx milli tneħħi vetturi abbandunati. Fil-fatt matul din is-sena tneħħew dawn il-vetturi :
Jannar 28
Frar 25
Marzu 17
April 23
Mejju 16
Ġunju 11
Lulju 17
Awissu 4
Settembru 9
Ottubru 17
Novembru* 15
14.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal: (a) bini ta' skejjel ġodda; u (b) estensjoni ta' skejjel eżistenti?
Liema huma dawn l-iskejjel?
F'liema stadju waslu, f'kull każ, dawn l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
14.12.98(am)
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa r-relapse rate ta' persuni li xi darba kienu diġa' skontaw sentenza l-ħabs? Kemm kien fil-każ ta' persuni li weħlu probation jew sentenza sospiża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-1997, li hi l-aħħar sena sħiħa li dwara nġabet statistika fir-rigward tas-suġġett tal-Mistoqsija, minn 246 sentenza ta' ħabs li ngħataw, 93 ingħataw lill-persuni li kienu ngħataw sentenza ta' ħabs qabel.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi ma jżommx statistika dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija.
14.12.98pm
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni miżmuma fil-ħabs ta' Kordin li nstabu taħt l-effett tad-droga, xahar b'xahar din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri li nstabu pożittivi għad-droga, xahar b'xahar, minn Jannar 1998 sa Novembru 1998 kien kif ġej :
Jannar 9
Frar xejn
Marzu xejn
April 2
Mejju xejn
Ġunju xejn
Lulju xejn
Awissu xejn
Settembru xejn
Ottubru xejn
Novembru 1
14.12.98pm
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' hold-ups mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u d-9 ta' Diċembru, 1998, il-Pulizija kellha 15 -il-rapport ta' hold-up. Barra minn dan kien hemm wieħed li rriżulta li kien rapport falz. Minn dawn 5 ġew solvuti.
Kien hemm rapport ieħor, mhux solvut, ta' tentattiv ta' hold-up li fih ma nsteraq xejn.
14.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna twaqqfet mill-pulizija biex isirilha t-test tal-breathalyser minn Settembru, 1998 sal-lum? Kemm minnhom instabu pożittivi? Kemm minn dawk li twaqqfu kieu rġiel u kemm kienu nisa? Meta se jittellgħu l-Qorti? Il-Gvern beħsiebu jagħmel xi kampanja edukattiva kontra x-xorb waqt is-sewqan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-breathalyser test huwa maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel parti ssir fit-triq. Jekk dan ikun pożittiv, il-persuna tittieħed id-Depot tal-Pulizija fejn isirulha żewġ testijiet oħra b'apparat ieħor. Skond ma jien infurmat, ma jinżammux records ta' persuni mwaqqfa jekk l-ewwel test ikun fin-negattiv.
Ninsab infurmat ukoll li bejn l-1 ta' Settembru u t-18 ta' Novembru, 1998, kien hemm 29 persuna li sarilha dan it-tieni test, li minnhom waħda kienet mara. Minn dawn, 20 irriżultaw posittiv. Hemm uħud li diġa' tressqu l-Qorti u l-oħrajn ser jitressqu mas-seduti tat-traffiku. Infurmat ukoll illi l-Pulizija, bħal ma' sar fil-passat, qed tipprepara għall-kampanja edukattiva dwar xorb u sewqan għal żmien il-Milied.
14.12.98(2pm)
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija rigward ir-Rave Party msejjaħ Independence Day fejn kien allegat li daħlu għal dan il-party madwar 7,000 persuna, meta suppost li l-permess kien għal xi 450? Min kien responsabbli għal dan il-Party u jekk ittieħdux passi kriminali għal min kiser il-liġi, u dan peress li kienu l-istess pulizija li waqqfu l-istess party għax kienet qed tiġi miksura l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ttieħdu l-proċeduri quddiem il-Qorti u l-każ ġie deċiż.
14.12.98(2pm)