Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti ddiskuta l-kumitat tal-koordinament li jaqa’ fi ħdan id-dekasteru tiegħu bil-għan li jonqos it-traffiku fit-toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalma hija l-prassi il- kordinament dwar it-traffiku isir minni bħala Ministru flimkien mal-Pulizija, Transport Malta u entitajiet oħra meta jkun il-bżonn. S’issa ġew diskussi l-areas kollha fejn hemm bottleneck u kull fejn ġie irrappurtat li qed tinħoloq problema ta’ traffiku fit-toroq. L-għan ta’ dan huwa sabiex jittieħdu passi immedjati fejn huwa possibli u biex jinstab rimedju kemm fuq bażi short-term kif ukoll long-term.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-kumpaniji Mediterranean Oil and Gas u General Energy li għandhom il-liċenzja ta’ parti kbira ta’ area 4 se jħaffru l-ewwel bir taż-żejt fil-konċessjoni tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Il-kumpanija Mediterranean Oil and Gas u General Energy għandhom iħaffru l-ewwel bir f'Area 4 fl-ewwel kwart ta' 2014.
Jista’ l-Ministru joħroġ opinjoni teknika u indipendenti dwar il-potenzjal taż-żona fejn għandu isir it-tħaffir f’area 4, jiġifieri fil-prospett imsejjaħ Ħaġar Qim? Jista’ l-Gvern jgħid għalfejn mhux qed jinsisti biex il-prospett imsejjaħ ‘Tarxien’ jitħaffer ukoll meta dan jixbaħ struttura ġeoloġika li tipproduċi ż-żejt fil-Libja? X’kienu il-kriterji ta’ din l-għażla?
Response (MIZZI, JOE)
Qabel ma’ l-Gvern jidħol fi ftehim ta' 'Production Sharing' ma’ kumpanija taż-żejt, il-Gvern jaċċerta ruħu li l-kumpanija taż-żejt hi kapaċi biex teknikament u finanzjarjament twettaq l-obbligi tal-kuntratt. Fil-fatt dan huwa imniżżel fil-kuntratt bejn il-partijiet. Barra minnhekk, il-kuntratt ukoll jispeċifika li l-kuntrattur għandu jwettaq l-operazzjonijiet għat-tiftix u l-esplojtazzjoni taż-żejt f'isem l-Gvern u l-kuntrattur jassumi esklusivament r-riskju u spejjeż kollha involuti. Fil- kaz tal-esplorazzjoni f'Area 4, il-kumpaniji konċernati għamlu studji tekniċi sabiex jistabbilixxu liema struttura hi l-aħjar li titħaffer l-ewwel. Barra mill-istudji li saru mill-kumpaniji konċernati, l-istess kumpaniji qabdu kumpanija indipendenti sabiex tagħti l-opinjoni teknika tagħha u tagħmel studju profond sabiex tistabilixxi l-aħjar prospett meta tevalwa il-parametri kollha. Dawn l-istudji jikkunsidraw diversi parametri, minn ġeoloġija sa ekonomija. L-istudji kollha stabilixxew illi l-prospett Ħaġar Qim hu aktar vantaġġjuż mit-Tarxien u għalhekk proponew lill-Gvern sabiex dan il-prospett jitħaffer fl-ewwel fażi ta' esplorazzjoni. Il-kuntrattur huwa obligat li jħaffer bir fl-ewwel fażi ta' esplorazzjoni u l-kuntrattur għandu obligu li jħaffer aktar bjar jekk hu jagħżel li jidħol fil-fażijiet l-oħra ta' esplorazzjoni.
Jista’ l-Ministru jfassal programm ta' xogħol tal-manutenzjoni meħtieġa fuq diversi manhole covers u gradilji li jinsabu f'diversi toroq arterjali, distributorji u dawk prinċipali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manhole covers u gradilji li jinsabu fit-toroq arterjali u distributorji ssirilhom manutenzjoni waqt ix-xogħlijiet ta’ resurfacing. Jekk ikun il-każ li manhole jew gradilja partikolari jkollha bżonn manutenzjoni mmedjata din tissewwa skont il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-yacht marina proposta u mibdija mill-Gvern Nazzjonalista f’Sa Maison?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għall-iżvilupp ta’ yacht marina f’Sa Maison tħaffef, billi fil-preżent Transport Malta qegħda fil-proċess li tikkummisjona studji iktar speċjalizzati, hekk kif ġie mitlub mill-MEPA, b’konessjoni ma’ din il-marina.
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-moll fil-Port il-Kbir magħruf bħala Outer Coal Wharf li sa ftit xhur ilu kien operat mill-privat? Jista’ jikkonferma illi dan l-aħħar il-moll inkera minn Transport Malta lil kumpanija privata għal xogħol ta’ tiswijiet fuq yacht lussuż? Jekk dan hu l-każ, ma jaħsibx il-Ministru illi b’hekk l-Awtorità tat-Trasport tista’ toħloq distortion fis-suq tat-tiswijiet tal-yachts?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tevalwa numru ta’ alternattivi għall-użu u żvilupp ta’ Outer Coal Wharf. Deċiżjoni tittieħed wara li dawn l-alternattivi jiġu evalwati kollha.
Fil-preżent, dan il-moll jintuża għall-irmiġġ ta’ opri tal-baħar fuq bażi first come first serve minn terzi persuni / operaturi, u dan bi ħlas skont tariffi applikabbli. Għaldaqstant, u kif isir minn multipurpose terminals oħra taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta, dan il-moll ikun ta’ spiss użat minn opri tal-baħar lokali kif ukoll minn dawk barranin, mingħajr ebda restrizzjoni fuq it-tip ta’ dawn l-istess opri tal-baħar, wara li ovvjament jiġu kkunsidrati fatturi bħas-sigurta’ u faċilita’ għan-navigazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li mis-17 ta’ Settembru 2013 sat-18 t’Ottubru 2013 (liema arranġament jista’ jiġi estiż ġimgħa b’ġimgħa minn wara din id-data) dan il-moll qed jakkomoda superyacht li skont informazzjoni li ngħatat lil Transport Malta jinsab Malta għal skopijiet ta’ surveys. L-Awtorità mhux infurmata li qed isir xi tip ta’ xogħol ieħor, ħlief għal surveys u xogħlijiet relatati ta’ rutina li normalment isiru, u għaldaqstant m’hu qed ikun hemm l-ebda distortion tas-suq kif allegat mill-Onor. Interpellant.
Transport Malta — Highly Qualified Schemes – applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet Transport Malta dwar il-Highly Qualified Schemes fl-2012 u minn Jannar għal Settembru 2013? Għal kull perijodu jista’ jgħid x’kien l-impjieg ta’ kull applikant rispettivament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-Highly Qualified Schemes, fl-2012 Transport Malta ma rċeviet l-ebda applikazzjoni filwaqt illi minn Jannar sa Settembru 2013 Transport Malta rċeviet sitt applikazzjonijiet. L-impjieg ta’ kull applikant minn Jannar sa Settembru 2013 huwa kif jidher hawn taħt:
Flight-Ops Manager (x2)
Chief Executive Officer
Chief Technology Officer
Line Training Captain (x2)
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat bil-ħsara li hemm fl-hekk imsejjaħ Żibrun tal-Merkanti li hemm fuq is-sikka quddiem il-Casino tad-Dragonara? Jista’ jara li l-awtoritajiet jieħdu azzjoni immedjata minħabba li jista’ jkun ikkawżat inċident speċjalment għal min ma jafx iż-żona?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija nfurmati b’din il-ħsara, u diġà nħareġ Avviż għall-Baħħara (Notice to Mariners) f’dan ir-rigward. Jekk it-it-temp jippermetti, huwa mistenni li din il-ħsara tissewwa fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm miż-zebra crossings/pelican lights li hemm imsemmija fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3822 fil-fatt ġew approvati? Kemm minnhom ġew rifjutati u f'dak il-każ għal liema raġuni? Kemm minn dawk li ġew approvati fil-fatt saru fuq il-post? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għamilx xi rappreżentazzjonijiet partikulari dwar uħud jew iż-zebra crossings kollha li hemm imsemmija fl-istess risposta? Jekk kien hemm rappreżentazzjonijiet, jista' jgħid, f'kull każ x'kienu r-rappreżentazzjonijiet li saru?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li kien hemm sitt talbiet għall-faċilitajiet biex jaqsmu n-nies li ġew approvati minn Transport Malta. Kien hemm talba waħda li ġiet rifjutata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. L-implimentazzjoni ta’ tali faċilitajiet jiġu mplimentati mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u mhux minn Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq Triq Ġorġ Mifsud Chircop f’Ħal Qormi peress li għadha qatt ma ngħatat wiċċ tat-tarmak u hemm numru ta’ residenti li qegħdin joqogħdu f’din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Ġorġ Mifsud Chircop f’Ħal Qormi, skont il-policy eżistenti, tkun eliġibli biex tidħol fil-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali meta t-triq tkun mibnija iżjed minn 70% u meta l-iżviluppaturi/residenti jkunu ffurmaw t-triq hekk kif huma obligati jagħmlu skont il-Liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta approvatx it-tneħħija tas-sistema one way fit-triq li mix-xatt ta' Marsamxett tagħti għal Triq San Mark il-Belt minħabba li d-djuq ta' din it-triq joħloq kongestjoni tat-traffiku kull darba li jinżertaw żewġ vetturi kontra xulxin f'din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta approvat u mplimentat il-miżura li t-traffiku fi Triq il-Lanċa isir fiż-żewġ direzzjonijiet (two way) sabiex, għal raġunijiet ta’ sigurtà, ikun hemm żewġ aċċessi mix-Xatt tal-Belt, wieħed għal Triq San Mark u l-ieħor għal Triq San Bastjan. L-Awtorità wkoll neħħiet xi parkeġġi min-niżla ta’ Triq il-Lanċa u żiedet xi parkeġġi aktar ‘l isfel. Dan sabiex ikun kemm wisgħa biżżejjed fil-kurva tan-niżla ta’ Triq il-Lanċa fejn m’hemmx viżibilità tal-karozzi ġejjin minn direzzjonijiet opposti.
L-Imġarr (Malta) – Triq Temi Zammit — Pelican lights
Question
Jista’ l-Ministru jara li jitwaħħlu pelican lights fi Triq Temi Zammit, kantuniera ma’ Triq iż-Żebbiegħ fil-Limiti tal-Imġarr peress li din it-triq hi ta’ periklu kbir għall-persuni li jaqsmu speċjalment għat-tfal li jmorru l-iskola?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr għal din il-pelican crossing. Saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tal-Awtorità u rriżulta li minħabba l-kurvi vertikali w orizzontali li jinsabu f’din il-parti tat-triq, m’hemmx linji ta’ viżibiltà twal biżżejjed sabiex tiġi approvata pelican crossing fil-viċinanzi ta’ kantuniera ma’ Triq Żebbiegħ minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Il-parti l-aktar viċin ta’ kantuniera ma’ Triq Zebbiegħ, fejn ikun sikur li tiġi kkunsidrata tali pelican crossing, jiġi f’distanza ta’ 116-il metru bogħod minn dik il-pelican crossing eżistenti. Distanza ta’ 116-il metru bogħod hija distanza qasira wisq għal bejn pelican crossings suċċessivi.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess u l-pjanta tal-car park li kellu jsir fiż-żona ta’ Santa Margerita f’Bormla? X’inhu l-ħsieb tal-Gvern dwar dan il-car park?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-Taqsima tax-Xogħlijiet kienet applikat għall-Outline MEPA Permit għal dan il-proġett fl-2003(PA 002243/03) u l-permess ħareġ fit-8 ta' Ottubru 2003. Dan il-permess ġie mġedded mill-MITC fl-2008 (PA 03366/08) u ħareg fid-9 ta' April 2009 u għadu validu sad-9 ta' April 2014.
Il-Carpark ta’ Santa Margerita għall-ewwel darba qiegħed jiġi studjat f’kuntest aktar wiesgħa biex iservi ta’ parkeġġ kemm għall-Birgu kif ukoll għal Bormla apparti l-fatt li qed isir studju fuq l-użu ta’ proġetti futuri fiż-żona.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4762 fejn intqal li l-ħaddiema kellhom jieħdu s-somma ta’ €45,357, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq dan il-ħlas u jekk fl-affermattiv, il-ħaddiema tħallsux il-flus dovuti kollha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta saret il-mistoqsija parlamentari numru 4762, il-Kunsill Lokali Valletta għamel pagament ta €5,000 fl-24 ta’ Ottubru. Dan il-pagament se jgħaddi lill-ħaddiema fis-salarju tal-2 ta’ Dicembru 2013. B’hekk il-bilanċ dovut mill-Kunsill Lokali Valletta lid-Direttorat għat-Tindif jammonta għal €40,357.
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 3837, jista’ l-Ministru jiċċara jekk ir-risposta li ta għal din il-mistoqsija parlamentari fejn qal li, "li l-spazju f’uffiċċju u kompjuter jitqiesu bħala elementi bażiċi iżda essenzjali li ħaddiem għandu jkun ipprovdut bihom biex jagħmel xogħlu.", tapplikax ukoll għax-xufiera?
Response (MIZZI, JOE)
Naħseb li l-Onor. Interpellant japrezza li kull impjegat, ikun x’ikun il-grad tiegħu, inkluż dak ta’ xufier, għandu dritt għal ċertu elementi bażiċi fuq il-post tax-xogħol tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Inġustizzji li nħatar fi ħdan it-Transport Malta? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Fuq liema kriterji ġew magħżula dawn il-persuni biex iservu fuq dan il-bord?
Response (MIZZI, JOE)
Il-membri tal-Bord tal-Inġustizzji li nħatar fi ħdan it-Transport Malta huma dawn:
Dr Silvio Debono
Dr Aaron Mifsud Bonnici
Mr Joshua Zammit
Il-Persuni maħtura f’dan il-Bord għandhom il-kwalifiċi u l-esperjenza meħtieġa biex iservu fil-bord li fih kienu appuntati.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità – policies dwar reserved parking
Question
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari W58, jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma l-emendi minuri li seħħew fuq il-policies dwar reserved parking li dwarhom il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità mhux biss qablet, iżda rrakkomandathom?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – budget
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-budget approvat f'April ta' kull dipartiment, aġenzija u awtorità li jaqa’/taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk fl-affermattiv, b’kemm u x’kienet ir-raġun?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-budget għad-dipartiment u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi ġie rivedut kif ġej:
Il-budget ta’ Transport Malta ġie rivedut b’10%. F’ dak li jirrigwarda l-budget għad-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura ma kien hemm l-ebda reviżjoni.
Il-budget tal-Grand Harbour Regeneration Corporation ( GHRC ) ġie rivedut bi 8.47%.
Il-budget tad-Dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ġie rivedut b’ 32.65%.
Tħaffir għaż-żejt — blata kontinentali Maltija - relazzjonijiet mal-Italja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa l-Gvern Malti fil-konfront tal-Gvern Taljan wara li dan ħareġ id-Decreto Ministeriale li bih estenda l-pretenzjonijiet Taljani fuq il-Lvant tal-blata kontinentali Maltija, li tinkludi parti kbira mill-areas 2 u 7? Jista’ jgħid jekk bagħatx note verbale lill-Gvern Taljan bi protesta għal dawn il-pretenzjonijiet, kif dejjem kienet il-konswetudni tal-Gvern Malti f’każijiet bħal dawn, u jippreżenta koppja ta’ din in-note verbale lil din il-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Naċċertak li l-Gvern Malti mill-ewwel ħa ħsieb li jibgħat Note Verbale lill-Gvern Taljan bi protesta għad- Decreto Ministeriale li bih il-Gvern Taljan estenda Żona C fil-Lvant ta' Malta. Il-Gvern Malti protesta bil-qawwa għal dan id-digriet minħabba li din l-estenzjoni ta' Żona C tidħol f'parti kbira mill-blata kontinentali Maltija fil-Lvant ta' Malta. It-taħdidiet bejn Malta u l-Italja għadhom għaddejjin rigward dan is-suġġett. Mhux in-norma li Note Verbale li fih informazzjoni sensittiva dwar is-sovranita ta' Malta jigi preżentat fil-Kamra iżda jekk l-Interpellant jixtieq jara dan in-Note Verbale nitolbu biex dan jarah għand l-uffiċjal inkarigat fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.