Fl-amministrazzjoni tat-Tarzna kemm hemm impjegati ta' nazzjonalita' barranija? Meta ġew impjegati u b'liema kondizzjonijiet? Jista' l-Ministru jagħti r-rimunerazzjoni tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent it-Tarzna qed timpjega żewġ persuni ta' nazzjonalita' barranija fil-kariga ta' Chief Executive Enterprises u Chief Executive Shiprepair. Dawn iż-żewġ persuni ġew impjegati wieħed b'effett mill-5 ta' Lulju 1998 u l-ieħor mill-1 ta' Ottubru 1998.
Iċ-Chief Executive Enterprises ġie impjegat għal tlett snin b'effett mill-5 ta' Lulju 1998 li jistgħu jiġu mġedda, versu r-remunerazzjoni annwali GBP 77,000 mingħajr taxxi lokali.
Iċ-Chief Executive Shiprepair ġie impjegat għal- perjodu ta' sena b'effett mill-1 ta' Ottubru 1998 li tista tiġġedded, versu r-remunerazzjoni annwali ta' GBP 85,000 mingħajr it-taxxi lokali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' bozoz għal-lampi fit-toroq li l-Korporazzjoni Enemalta għandha fl-imħażen tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta għandha l-istock segwenti ta' bozoz fl-imħażen tagħha
TIP TA' BOZOZ KWANTITA'
HPMV 125 watts 5240
SON 210 watts (direct replacement) 241
SON 350 watts (direct replacement) 756
SON 150 watts 1572
SON 250 watts 892
SOX 90 watts 1219
Jista' l-Ministru jgħid kemm rċeviet ilmenti l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-Valletta Rehabilitation Project dwar il-ħsara li l-kuntratturi tal-korporazzjoni jagħmlu fit-toroq ippavimentati tal-Belt Valletta?
Fiex jikkonsistu dawn l-ilmenti? Kemm-il laqgħa saret bejn l-VRP u l-WSC dwar din il-problema?
X'qed tagħmel il-WSC biex kuntratturi tagħha ma jkomplux jagħmlu ħsara fit-toroq ippavimentati tal-Belt Valletta?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Billi l-Prim Ministru ftit ilu indika li ftehim dwar tal-Kalaxlokk kien fil-viċin waqt li ġurnal ewlieni lokali qal li dawn għadhom 'il bogħod minn ftehim, jista' l-Ministru jagħmel stqarrija dwar fiex waslu t-taħdidiet f'ġieħ l-interess pubbliku u b'mod partikolari l-interess tal-ħaddiema nfushom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari numru 7922 tas-Seduta numru 126.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 4991 dwar petrol stations?
Response (BONNICI, JOSEF)
F'Malta hawn 75 pompa tal-petrol, filwaqt li f'Għawdex hemm 10. Minn dawn il-pompi, 57 f'Malta u 7 f'Għawdex għandhom ATM. Il-policy preżenti tal-Korporazzjoni hija li ma jinħarġux liċenzji ġodda għal aktar pompi tal-petrol, iżda skond il-ftehim eżistenti bejn l-Enemalta u l-GRTU, dawk il-pompi li jinsabu fuq il-bankini jistgħu jiġu trasferiti għal lokalitajiet oħra sakemm ikun hemm il-permessi meħtieġa.
Jikkonferma l-Ministru li l-Korporazzjoni Enemalta għandha l-ħsieb tibdel l-arloġġi tad-dawl u jiġu nstallati oħrajn li jaħdmu b'cards apposta? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jsir dan?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent il-Korporazzjoni Enemalta ma għandhiex ħsieb li jiġu installati meters tad-dawl li jaħdmu bil-cards. Dan ma jfissirx li fil-futur il-Korporazzjoni ma tikkunsidrax li tintroduċi din is-sistema.
Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-chairman u ċ-chief executive tal-MIA humiex l-istess persuna? Min hi jew huma dawn il-persuni?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-MIA ma għandhiex Chief Executive, kif diġa' spjegajt fil-passat meta weġibt mistoqsijiet dwar dan is-suġġett. Sakemm jinħatar Chief Executive,iċ-Chairman qed jaqdi ukoll id-doveri ta' Chief Executive.
Jista' l-Ministru jassigura ruħu l-hekk imsejjaħ south gate ġewwa Dock No. 1 fi Pjazza Gavinu Gulija tinżamm miftuħa speċjalment waqt li tkun qed tagħmel ix-xita u dan għax jekk tibqa' magħluqa kif inhija bl-inqas xita jegħrqu d-djar tat-Triq Bormla Wharf, Bormla?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-prospetti dwar il-GSP vis-a-vis l-Istati Uniti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Malta hija waħda mill-pajjiżi li tibbenifika mis-sistema tal-GSP (Generalised Scheme of Preferences) ta' l-Istati uniti. Din l-iskema hija riveduta kull sena u l-aħħar li ġiet imġedda għal pajjiżi kollha, inkluż Malta, ġiet imġedda sa 30 ta' Ġunju 1999. Wara din id-data, Malta mal-pajjiżi l-oħra tibqa' tibbenifika minn din l-iskema retroattivament.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta kienet l-aħħar darba li sar xi xogħol ta' manutenzjoni jew ordinarju jew straordinarju, ġewwa l-uffiċċju tal-posta f'Bormla billi dan jidher li huwa mitluq u għandu bżonn dawra tajba?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mhux biss il-fergħa ta' Bormla, iżda diversi fergħat oħra għandhom bżonn ta' manutenzjoni ġenerali. Il-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija qed jagħti prijorita' lil din il-materja u bħalissa qed jitfassal pjan, kemm fit-tul kif ukoll immedjat, biex il-livell tal-kwalita' jilħaq dak mitlub fl-ambjent kummerċjali. Dwar il-fergħa ta' Bormla, l-awtoritajiet tal-Maltapost ġew mitluba jaraw x'manutenzjoni hi meħtieġa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 958, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi żvilupp rigward il-possibbilta' ta' uffiċċju regolari tal-posta ġewwa l-Fgura?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba sabiex fil-Fgura jinfetaħ uffiċċju postali fuq bażi regolari qed tkun mistħarrġa fid-dawl tal-pjanijiet fit-tul li għandha l-Maltapost.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema tat-Tarzna ta' Malta fl-1999 u x'kien fl-1995 u fl-1990? Minn dawn il-ħaddiema kemm hemm fl-1999 li għandhom 'il fuq minn 40 sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fl-1990 it-Tarzna ta' Malta kienet timpjega 3816-il ħaddiem, waqt li fl-1995 it-total ta' ħaddiema f'din l-azjenda kien jammonta għal 3423. Sal-11 ta' Ġunju 1999, in-numru ta' ħaddiema impjegati kien ilaħħaq l-2998. Minn dan it-total, 1888 ħaddiem għandhom aktar minn 40 sena.
Minn Settembru 1998 sa Mejju 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm-il offerta tefgħet il-Kumpannija Custom Electrical Systems Ltd għal kuntratti tal-Korporazzjoni Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi, il-Kumpanija li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tefgħet 16-il offerta għal tenders u quotations ta' l-Enemalta.
Il-Ministru jaħseb li huwa għaqli li fuq il-bord ta' l-Enemalta ġie maħtur direttur li hu mdaħħal f'kumpanniji li jitfgħu offerti għall-kuntratti li toħroġ l-Enemalta stess?
Qabel saret il-ħatra tal-bord, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ivvettjati l-persuni maħtura biex isir magħruf jekk għandhomx konflit ta' interess?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-persuni kollha maħtura bħala diretturi fuq il-Bord tal-Enemalta, ikkonformaw mal-Kodiċi ta' Etika għal Diretturi ta' Bordijiet fis-Settur Pubbliku. Il-membri li għandhom xi nteress personali f'xi kumpanija jew azjenda, għarrfu bil-miktub lill-Bord, dwar l-interessi tagħhom. F'każi ta' konflitt ta' interessi, il-proċedura segwita minn dan il-Bord hija l-istess bħalma kien isir mill-Bordijiet preċedenti.
Meta l-Gvern jaħtar persuna biex isservi fuq Bord, dan isir wara li tkun saret evalwazzjoni ta' l-integrita' u l-kompetenza tal-persuna, biex b'hekk l-azjenda tibbenefika mis-servizzi ta' tali persuna.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-qligħ sena b'sena tal-MOBC mill-1996 sal-lum? It-trattattivi biex din tiġi privatizzata tkomplew? Dawn qed isiru mill-Ministeru tiegħek jew mill-Ministeru tal-Finanzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
In vista tal-fatt li fl-aħħar tax-xahar li għadda il-Prim Ministru bassar ftehim finali dwar il-ħaddiema ta' Kalaxlokk fi żmien ġimgħa, jista' l-Ministru jgħid huwiex f'pożizzjoni jinforma lill-Kamra xi żviluppi konkreti kien hemm? Kemm hemm ħaddiema li sal-lum qed jirċievu l-paga d-dar sakemm tinstab soluzzjoni u kemm ilhom jirċievu l-paga b'dan il-mod?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jaf l-onorevoli Interpellant, il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern għadda lill-GWU abbozz finali ta' ftehim li għandu jwassal għal soluzzjoni tal-problema tal-ħaddiema ta' Kalaxlokk.
In-numru ta' ħaddiema li jirċievu l-paga waqt li qegħdin id-dar għaliex ma jkunx hemm xogħol għalihom ivarja u għaldaqstant qed nagħti l-informazzjoni mitluba xahar b'xahar minn Diċembru 1998:
Diċembru 1998 234 ħaddiem
Jannar 1999 199 ħaddiem
Frar 1999 227 ħaddiem
Marzu 1999 228 ħaddiem
April 1999 211 ħaddiem
Mejju 1999 192 ħaddiem
Ġunju 1999 188 ħaddiem
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7126?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-inċidenti li għalih qed issir referenza kien jinvolvi Boeing 737-300, mikri mill-Air Malta mill-Air Holland, li kellu dak li teknikament hu magħruf bħala 'hard landing' meta ġie biex jillandja fi tmiem it-titjira tiegħu numru GG527 tas-7 ta' Mejju minn Amsterdam għal Kreta minħabba 'horizontal windshear' li huwa fenominu atmosferiku mhux rari f'dan l-ajruport partikulari.
Filwaqt li l-inċident qed jiġi nvestigat, bħalma huwa normali f'każi bħal dawn, jidhirli li ma jknux prudenti li f'dan l-istadju, iktar u iktar minħabba li l-inċident jinvolvi direttament linja ta' l-ajru barranija, li nidħol f'iżjed dettalji ħlief li ngħid li ma kien il-każ ta' sospensjoni tal-pilota nvolut jew xi passi dixxiplinari oħra, u li l-Air Malta ma ġietx mitluba tħallas għal xi ħsarat in konnessjoni ma' dan l-inċident.