Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti talbux laqgħa miegħu minn wara l-budget 'l hawn? Jista' jgħid jekk iltaqax ma' din l-għaqda? Jekk iltaqa', x'kienu l-punti diskussi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma nħossx li hi etika li ngħati nformazzjoni dwar min jitlob li jiltaqa' miegħi u aktar u aktar li niżvela xi jkun ġie diskuss.

EU — Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti

Question

La darba l-Kap ta' l-MIC ikkonferma ma' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti li jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea jkollha timponi VAT fuq ikel u mediċinali (ara paġna 6 tal-newsletter tagħhom numru 158), jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Nazzjonalista u mod b'partikoari l-Ministeru għall-Politika Soċjali, hux qed jipprepara studju dwar l-impatt soċjali tal-VAT fuq ikel u mediċinali? Jista' jgħid meta l-gvern beħsiebu jimponi VAT fuq l-ikel u mediċinali u kemm se tkun ir-rata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li kuntrarjament għal dak li qal fil-Mistoqsija tiegħu l-Onor. Membru, il-Kap taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar Malta u l-UE ma' qalx illi jekk Malta tissieħeb fl-UE ikollha timponi VAT fuq ikel u mediċina iżda qal illi, filwaqt li dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti huma inklużi bħala taxxabbli taħt id-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni tal-gvern Malti dwar din il-kwistjoni għadha mhix magħrufa.

Djar — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid bejn ix-xhur Diċembru u April, xahar xahar, kemm applikaw nies għal kull skema li hemm fis-seħħ fl-Awtorita' tad-Djar? Kemm ġew approvati applikazzjonijiet taħt kull skema? Kemm tħallsu flus taħt kull skema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu djar jew appartamenti b'kera mill-Awtorita' tad-Djar, xahar b'xahar mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Settembru 1998 'l hawn, l-Awtorita' tad-Djar ma ħarġet l-ebda post għal kiri peress li l-aħħar ħarġa għall-postijiet tal-kiri kienet fis-6 ta' Settembru 1996.

Ta' Ġiorni — Triq Bertha K.IIg - Block G

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex irħama mkissra li hemm fit-tarġa ta' l-entratura ta' Block G, fi Triq Bertha KIIG, Ta' Ġiorni tiġi mibdula peress li qed tkun ta' periklu għar-residenti li jabitaw f'dan l-appartament speċjalment għall-anzjani u t-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol din is-sena għax ġew issensjati minn fuq il-postijiet tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol din is-sena għax ġew issensjati minn fuq il-postijiet tax-xogħol f'Jannar, Frar u Marzu 2000 kien ta' 264, 186 u 143 rispettivament.

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni mir-reġistru ta' l-irreġistrar, din is-sena s'issa, u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li nqatgħu minn fuq ir-reġistru huwa kif ġej: Jan-00 Frar-00 Marzu-00 Total Raguni Irrifjutaw xogħol 20 49 45 114 Inqabdu jaħdmu 45 45 58 148 Total 65 94 103 262

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar każ ta' pensjoni ta' armla, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħatu separatament minn din il-mistoqsija, li ġiet informata li se titnaqqsilha l-pensjoni għax qiegħda tieħu xi flus żejda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Stabbilimenti ta' l-ikel — Spettorat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna spettorat li jinvestigaw stabbilimenti ta' l-ikel fuq iġjene? Jekk iva, kemm? Jista' l-Ministru jgħid jekk għandniex spettorat li jassiguraw safety fuq il-post tax-xogħol? Jekk iva, kemm u kif jaħdmu dawn l-ispetturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ewwel parti tad-domanda tirrigwarda l-ispettorat Sanitarju, li jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru għas-Saħħa. Rigward it-tieni parti tad-domanda, l-Onor. Interpellanta għandha tkun taf li l-ispettorat għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-Xogħol jinstab fit-Taqsima li għandha l-istess isem, u li tifforma parti mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Sallum hemm ħdax 'il persuna appuntati bħala Spetturi skond l-Att numru VII tal-1994. Din it-Taqsima, kif ukoll ir-rwoli assenjati lill-Ispetturi u lid-Direttur skond l-Att imsemmi dalwaqt ser jiġu trasferiti lill-Awtorita' li dalwaqt ser jistabbilixxi dan il-Gvern. Abbozz ta' din il-liġi ġie ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 t'April 2000.

Anzjani — Enrolled nurses

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15935 li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid meta l-enrolled nurses li applikaw biex jidħlu fulltime mad-dipartment tal-kura ta' l-anzjani, u li fl-4 ta' Marzu ħareġ ir-riżultat ta' l-interviews tagħhom, se jingħataw iċ-ċertifikat ta' l-appointment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċertifikati ta' l-"appointments" ser jingħataw fil-ġranet li ġejjin.

Tarzna — Ex-impjegat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-eredi tal-persuna, li isimha jidher separatament, ex-impjegat tat-Tarzna, hux se jieħdu l-arretrati dovuti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l persuna indikata ninnhu ma nsabitx fir-"records" tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Għaldaqstant qed nitlob biex niġi mgħoti aktar informazzjoni, bħan-numru tal-karta ta' l-identita' bien din il-persuna tieħu dak li jistħoqqilha.

Tarzna — Ex-impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eredi tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ex-ħaddiema tat-Tarzna li spiċċa bl-eta fl-1990, hux se jieħdu l-arretrati kif ħadu ex-ħaddiema sħabu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-eredi tal-persuna minnhu indikata ġiet infurmata bil-miktub dwar jekk hijiex intitolata għal xi arretrati ta' pensjoni li ħadu l-ex ħaddiema tat-Tarzna.

Djar — Manutenzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15941, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ħaddiema tad-dipartiment dwar manutenzjoni tad-djar jispezzjonaw saqaf ta' dar fejn toqgħod anzjana - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - peress li l-kundizzjoni tiegħu hija perikoluża u għalkemm qatt ma saret talba mill-anzjana, talbet lili biex nagħmel dan l-intervent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġejt infurmat li saret spezzjoni u ma rriżultax li hemm xi periklu fil-fond imsemmi.

Djar — Kalkara

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-residenti tal-Kalkara, bini tal-gvern, li joqogħdu fit-toroq l-Isptar Navali u Luwiġi Pisani itteħdilhom id-dettalji tal-fond? Jista' jispjega xi ħsieb għandu għal dawn id-djar/flats ta' dawn it-toroq? Jekk dawn ir-residenti se jkunu mġiegħla joħorġu minn djarhom, jista' jgħid fejn u f'liema lokal alternattiv se jintbagħtu? Jista' l-Viċi Prim Ministru jassigura li dawn ir-residenti Kalkariżi jibqgħu jgħixu fil-Kalkara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qed jagħmel studju sabiex jara kif jista' jagħmel użu aħjar minn art li l-bini ta' fuqha jkun jew kollu propjeta' tal-Gvern jew inkella l-maġġoranza ta' propjeta' hija tal-Gvern. Għal dan il-għan, il-Gvern qed jagħmel studju fuq blokk bini ġewwa Pembroke kif ukoll fuq l-Area ta' l-Isptar Navali ta' Bigħi. Il-ħsieb tagħna hu li jsir dan l-eżerċizzju f'diversi partijiet ta' Malta u Għawdex bl-iskop li nagħmlu użu aħjar ta' l-art, li ntejbu l-ambjent li fiħ jgħixu l-familji Maltin u li nkunu nafu b'mod aktar preċiż x'inhu l-ambjent li fiħ jgħixu l-familji li jikru postijiet tal-Gvern. Nistenna li l-Gvern ikollu l-appoġġ sħiħ ta' kulħadd f'dan l-eżerċizzju.

ETC — Telfien ta' xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħaddiema li tilfu x-xogħol tagħhom fis-settur tal-manifattura, xahar b'xahar mill-5 ta' Settembru, 1998 sax-xahar ta' Mejju, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-Numru ta' Persuni li kellhom ix-xogħol tagħhom terminat fis-settur tal-manifattura, xahar b'xahar mill-5 ta' Settembru, 1998 sa l-aħħar ta' Marżu huwa kif ġej: Malta & Gozo Sena Xahar Total 1998 Settembru 277 Ottubru 357 Novembru 265 Diċembru 485 1999 Jannar 290 Frar 221 Marzu 293 April 409 Mejju 358 Ġunju 238 Lulju 293 Awissu 552 Settembru 343 Ottubru 426 Novembru 482 Diċembru 440 2000 Jannar 358 Frar 245 Marzu 293 Dawn iċ-ċifri ma jinkludix lil dawk li sabu x-xogħol fis-settur tal-manifattura fl-istess perjodu.