Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2517 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każ ta' qtil

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 36, Seduta Nru. 6?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' każi ta' qtil u ta' attentat ta' qtil li fil-preżent qed jiġu proċessati mill-Pulizija hu ta' 91. Dwar in-numru ta' każijiet ta' din in-natura mressqa u finalizzati tul dawn l-aħħar 10 snin, sena b'sena, ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej : - Sena 1989 1990 1991 1992 1993 1994 1995 1996 1997 1998 Mressqa 21 26 23 27 33 18 18 14 26 19 Finalizzati 20 24 18 17 21 9 13 7 8 xejn 17.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #2745 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Propjeta' b'Ref. No. 253/97

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2201, tas-Seduta Nru. 22 tas-7 ta' Diċembru, 1998, jista' l-Ministru jindaga l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gudja fuq il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, meta kien ikkonsultat dwar l-applikazzjoni PA 4417/96 dwar it-twessigħ tat-triq in kwestjoni, il-Kunsill Lokali tal-Gudja (fid-9 ta' Settembru, 1997), kien esprima opinjoni li t-triq titwessa' u d-dar nru. 12 fl-istess triq titwaqqa'. Meta l-Awtorita' skedat id-dar in kwestjoni, wara li l-Heritage Advisory Committee kien spezzjona d-dar minn ġewwa, il-Kunsill ma esprima ebda opinjoni. Ta' min jgħid ukoll li qabel ma ġiet skedata, din id-dar kienet awtomatikament protetta bil-liġi ta' l-antikitajiet, li għadha in vigore. 17.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #2783 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bordijiet tal-ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bordijiet tal-ħwienet ġewx imwaqqfa? Min huma l-persuni li ġew magħżula?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għal Police Licenses Advisory Board nirreferiha għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1665 f'Seduta 18. 17.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #2705 Sitting 38 1998-12-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Civil Registration Department — Persuni li għandhom passaport Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini f'pajjiżna li għandhom passaport Malti? Kemm minnhom huma taħt it-30 sena? Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment konċernat joħroġx passaport Malti lil dawk il-persuni barranin li jiżżewġu Malti jew Maltija? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid kemm-il passaport ġie maħruġ lil dawn il-persuni? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Malti li jgħix permanentement barra minn Malta għandu passaport Malti?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-istatistika li tinżamm mid-Dipartiment konċernat hi dwar in-numru ta' passaporti maħruġa u mhux kemm hawn passaporti validi fl-idejn f'data partikolari. Rigward it-tielet u r-raba' parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li persuni barranin li jiżżewġu Maltin ikollhom dritt għall-passaport Malti kemm il-darba dawn jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Ninsab infurmat ukoll li fil-każ ta' persuni barranin li jingħataw ċittadinanza Maltija, tkun xi tkun ir-raġuni, ma ssirx distinzjoni bejn din il-kategorija ta' ċittadini Maltin u oħrajn, għal dak li jikkonċerna l-ħruġ ta' passaport Malti. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija rrid ngħid li l-ebda ċittadin Malti li hu msiefer ma jista' jitqis li 'jgħix permanentement barra' għas-sempliċi raġuni li dan jista' jirritorna Malta meta jrid. Għaldaqstant l-istatistika mitluba ma teżistix. 16.12.98 (2pm)
Leg 9 PQ #1938 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Bdiewa/raħħala

Question

Billi numru sostanzjali ta' bdiewa u raħħala jixtiequ li jsiru sidien tar-raba' u/jew l-irziezet tagħhom sabiex ikunu f'pożizzjoni li jinvestu aktar fil-mistier tagħhom, jista' l-Ministru jikkonsidra li jintroduċi skema speċjali biex jintlaħaq dan il-għan tal-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin?

Response (BORG, TONIO)

Il-proposta ta' l-Onorevoli Interpellant tinvolvi l-bejgħ ta' proprjeta' tal-Gvern u ser tiġi studjata fid-dawl ta' 'policy' li qegħda titfassal f'dan ir-rigward. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #1939 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Plots tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tal-familji Maltin u Għawdxin residenti fil-plots li ngħataw fid-diversi skemi tal-gvernijiet preċedenti li għadhom fuq bażi ta' konvenju u mhux kuntratt uffiċjali? Billi r-residenti ta' Qasam tad-Djar ta' Għar Barka, Rabat, Malta ilhom ukoll is-snin jistennew li jsir il-kuntratt uffiċjali tal-post/djar tagħhom, peress li dawn għadhom ukoll fuq bażi ta' konvenju, jista' l-Ministru jintervjeni, ċioe' jinvestiga kif tista' tiġi rimedjata din il-pendenza? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' familji Maltin u Għawdxin residenti fil-plots tal-Home Ownership Schemes li għadhom fuq bażi ta' konvenju u mhux kuntratt huwa 1474. L-art f'Għar Barka, Rabat, li qegħda tiġi espoprijata hija ta' circa 32,000 metri kwadri. Ir-riċerki tas-sidien ta' madwar nofs din l-art qegħdin fi stadju avvanzat u wieħed jispera li l-kuntratti għandhom isiru fi żmien sitt xhur oħra. Filwaqt li r-riċerki tas-sidien tan-nofs l-ieħor m'humiex fi stadju daqshekk avvanzat u għaldaqstant għad mhux possibli li wieħed jiffissa definit meta ser jiġu konlużi. Nixtieq ngħid li d-Dipartiment ta' l-Artijiet qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex l-esproprijazzjoni ta' l-artijiet, speċjalment dawk li jinsabu fil-Housing Estates, kif ukoll artijiet li qegħdin jiġu esproprijati għal skopijiet oħra jiġu konklużi aktar malajr. F'dan ir-rigward, kif forsi diġa' jaf l-Onor. Membru, id-Dipartiment diġa' mpjega numru ta' avukati part-time, ħalli jħaffef ir-riċerki. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #1940 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Fidi ta' ċens

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni u d-depożitu tal-fidi taċ-ċens Nru. 7 (M 136007), jista' l-Ministru jara li t-talba tiġi rimedjata fl-affermattiv?

Response (BORG, TONIO)

Mhux possibli mill-informazzjoni mogħtija mill-Onor. Interpellant li jiġi nvestigat l-ilment mqiegħed minnu. Għaldaqstant, hemm bżonn li jintbagħtu aktar dettalji rigward il-każ in kwistjoni miċ-ċedola tal-fidi li hemm referenza għalija fil-Mistoqsija. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #1941 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Ack. No. 15377

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni Ack. No. 15377 lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, jista' l-Ministru jirrimedja t-talba msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li peress li l-art li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant tikkonsisti fi tlett għelieqi żgħar, imbegħdin minn xulxin, id-Dipartiment konċernat għaddej b'eżerċizzju biex jiġi stabbilit x'qed isir u minn min fuq medda ta' art akbar li tinkorpora fiha dawn il-tlett għelieqi. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #2387 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm liċenzji ta' negozju bħalissa? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tat-tip ta' negozju li jirrappreżentaw dawn il-liċenzji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min iżid illi din it-Tabella ma tinkludix permessi ta' hawkers u pedlars, billi jien infurmat li din l-informazzjoni ma hix kompjuterizzata. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #2725 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permess għall-barriera

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex oriġinarjament il-permess tal-barriera Nru. 7412/97 kien se joħroġ mingħajr il-kondizzjoni "subject to third party rights", ġaladarba l-awtorita' kienet taf li l-proprjeta' hija tal-Knisja?

Response (BORG, TONIO)

Il-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar awtomatikament joħorġu ikkundizzjonati 'saving third party rights', ikun hemm jew ma jkunx hemm kundizzjoni speċifika. Rigward il-proprjeta' in kwestjoni, l-Awtorita' kienet iffaċċjata b'informazzjoni minn tlett entitajiet li kienu qed jgħidu li l-art, jew xi parti minnha, kienet tagħhom. Jien infurmat li għaldaqstant f'dan il-każ inħass il-bżonn li jkun hemm kundizzjoni speċifika għall-każ. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #2726 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma titlobx lill-applikanti li jiksbu l-permess tas-sidien sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw l-applikazzjoni tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti dettalji ta' l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha sabiex tkun tista' tingħata risposta. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #2727 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Bord

Question

Jista'l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li fis-seduta tat-22 ta' Ottubru, 1998 il-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, li kellha tiltaqa' għall-aħħar darba, iltaqgħet fil-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fis-seduta tat-22 ta' Ottubru 1998, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar iltaqgħet fil-pubbliku biex tiddetermina applikazzjonijiet għal żvilupp PA 7412/97 (Barriera il-Qala) u PA 7764/96 (Żvilupp tal-Hilton - pjanti emendati) skond il-provvedimenti ta' l-Att Nru. 1 ta' l-1992. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #2728 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Bord

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-aħħar seduta tal-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kellha ssir fil-magħluq?

Response (BORG, TONIO)

Il-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kif ukoll il-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp, jiltaqgħu fil-pubbliku biss meta jkunu ser jiddeterminaw applikazzjonijiet għall-iżvilupp u hekk ġara f'kull każ minn meta twaqqfet l-Awtorita' sal-lum. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #1933 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Rapport ta' l-1997

Question

B'riferenza għall-intervent tiegħi f'seduta preċedenti sabiex titkompla d-diskussjoni dwar ir-rapport ippreżentat lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fl-1997 sabiex jitħaffef il-proċess tal-permessi tas-serer, farm houses u żviluppi oħra meħtieġa mill-bdiewa u raħħala, jista' l-Ministru jara li jsiru laqgħat mal-koperattivi KPH, KIM, CFCS, eċċ sabiex l-awtorita' tkun aktar aġġornata dwar il-problemi u d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-bdiewa u r-raħħala? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ikollhom laqgħat regolarment ma' uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar diversi aspetti li jolqtu din l-industrija importanti. S'issa ma sarux laqgħat bejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-koperattivi, iżda hemm il-ħsieb li dawn isiru fil-futur qarib anki bħala parti mir-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura. Sadanittant hu maħsub li, fi żmien qasir, isiru wkoll laqgħat bejn il-Ministeru u dawn il-koperattivi. 15.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #2329 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew towed karozzi xahar b'xahar minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tat-towing sa Ottubru 1998? Kemm minn dawn kienu karozzi privati u kemm kienu heavy vehicles jew kummerċjali? Kemm inġabru multi għal dan l-aġir kull xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 15.12.98 (pm)
Leg 9 PQ #2301 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-ispiża tal-ħabs il-ġdid li qed jinbena? Meta se jkun lest? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk huwiex se jkun hemm klinika adegwata tajba biżżejjed bi staff mediku ta' tobba u nurses, biex meta xi priġunier jiġrilu xi ħaġa ma jintbgħatx fl-Isptar Monte Carmeli ta' Ħ'Attard?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ewwel fażi tal-bini tal-proġett tal-Ħabs ta' Kordin li huwa stmat li tiswa madwar Lm883,948 mistennija li titlesta għal Frar tal-1999. It-tieni fażi tal-proġett huwa stmat li se jkun jiswa madwar Lm2,810,000 u huwa maħsub li jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2001. Peress li għad irid isiru negozjati mal-kuntrattur dwar l-istima finali tal-proġett, il-figura kkwotata għat-tieni parti tista' tvarja. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-ħabs diġa' teżisti faċilita' ta' tobba u nurses li jkopru erba' u għoxrin siegħa kuljum. Hu maħsub li meta jitlesta l-ħabs il-ġdid ikun hemm faċilita' fejn jiġu rikoverati priġunieri dment li dawn ma jkunx hemm bżonn li jittieħdu l-isptar għal xi operazzjoni jew intervent ieħor (kirurġiku jew mentali) li ma jkunx jista' jsir fil-ħabs stess. 15.12.98 (2pm)
Leg 9 PQ #2624 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Sta. Venera — Triq il-Batterija - Plots

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex żewġ plots ta' garaxxijiet fi Triq il-Batterija, f'Sta. Venera ma ħarġux għal bejgħ bħalma sar fil-każ ta' plots oħra biswit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji sabiex titwaqqa' kamra li nbniet illegalment f'parti mis-sit fejn jistgħu jinbnew iż-żewġ garaxxijiet imsemmija. Malli dan isir, joħorġu l-offerti għal bini tal-garages. 15.12.98 (2pm)
Leg 9 PQ #2646 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Flus minfuqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-ministeri biex jiġu rranġati mal-5 ta' Settembru, 1998?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-5 ta' Settembru, 1998, s'issa l-ispiża li saret sabiex jiġu rranġati l-uffiċini tal-Ministeru tal-Intern kienet tammonta għall-Lm5,430.59, li huma relatati prinċipalment max-xogħol għall-uffiċini ġodda tas-Segretarju Parlamentari. 15.12.98 (2pm)
Leg 9 PQ #2658 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Triq Reġjonali — Coaches/minibuses

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1956, jista' l-Ministru jikkonsidra li jagħti struzzjonijiet lill-pulizija biex jinforzaw il-Liġi tat-Traffiku fis-sens kif mitlub fil-mistoqsija oriġinali?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għall-liema regolamenti tat-traffiku qed jirreferi. 15.12.98 (2pm)
Leg 9 PQ #2667 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Postijiet skedati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-postijiet skedati ġewwa l-lokalita' tal-belt ta' Ħaż-Żabbar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm erba' proprjetajiet skedati f'Ħaż Żabbar li huma kif jidher hawn taħt : INDIRIZZ GN NO GN DATE GRAD TA' PROTEZZJONI -------- ----- ------- -------------------- 16, Triq iċ- Ċimiterju 313/98 17-04-98 2 Nos 6-7, Triq Bajjada 404/98 19-05-98 1 Windmill, Triq iż-Żejtun 722/95 17-11-95 1 Entrenchments from Ricasoli to Ras iż-Żonqor, l/o Żabbar 729/95 23-11-95 1 15.12.98 (2pm)