Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Marsa – junction

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika jekk il-junction temporanja li saret fi Triq Diċembru 13, il-Marsa, qabel l-islip road li minnha tagħżel tmurx lejn Triq Reġjonali jew lejn il-Belt fihiex dawl, flashers u diversion signs biżżejjed biex ma tkunx ta' periklu għal min jużaha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret minn Transport Malta fil-ħinijiet ta’ matul il-lejl tal-junction temporanja li saret fi Triq Diċembru 13, il-Marsa, ġie konkluż li d-dawl tat-triq huwa dak li kien hemm eżistenti qabel ix-xogħlijiet. Apparti minn dan, uffiċċjali ta’ Transport Malta innutaw li kien hemm arblu tad-dawl tal-Enemalta li ma kienx qed jaħdem u għalhekk l-Awtorita' avżat lill-Enemalta sabiex twettaq it-tiswijiet neċessarji. F'dan ir-rigward, Transport Malta se terġa’ tispezzjona t-triq wara li jsiru dawn it-tiswijiet sabiex tikkunsidra l-ħtieġa ta’ aktar dawl u jekk ikun deċiż hekk, titlob lill-kuntrattur tagħha sabiex jiġu nstallati flood lights temporanji addizzjonali sabiex iżidu l-viżibilita’. Rigward il-flashers, Transport Malta tħoss li hemm biżżejjed, iżda l-Awtorità tispezzjona regolarment minħabba nuqqasijiet potenzjali relatati ma’ serq u/jew vandaliżmu. Fir-rigward is-sinjali tat-traffiku, Transport Malta talbet lill-kuntrattur tagħha biex jistalla chevrons addizzjonali sabiex il-kurva fit-triq tiġi aċċenwata aktar. Ta’ min wieħed iżid li l-kawtela tax-xufiera kif ukoll l-osservazzjoni tas-senjaletika u l-veloċità ndikata għandhom jiġu dejjem ikkunsidrati. Dan għaliex il-miżuri addizzjonali li qed jiġu rrakkomandati ma jkunux neċessarji kemm-il darba kulħadd josserva s-senjaletika u l-limitu ta’ veloċità stipulati.

Strateġija Nazzjonali dwar it-Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hux se tibqa’ taħdem fuq l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport li din l-Awtorità bdiet taħdem fuqha fl-2012 u li kienet approvata fil-prinċipju mill-Ministru ta' dak iż-żmien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, qegħdin fil-proċess li jippreparaw l-istrateġiji nazzjonali għat-trasport rispettivi tagħhom għall-programm ta’ koeżjoni, bil-għan li jagħtu priorità lill-investimenti fil-qasam tat-trasport għall-perijodu 2014-20. F’Lulju ta’ din is-sena, l-iskop ta’ dawn l-istrateġiji tat-trasport ġew imwessa’ sabiex jinkludu l-mezzi kollha ta’ trasport, li fil-każ ta’ Malta jinkludu toroq, trasport marittimu, portijiet, multimodal links u infrastruttura fil-qasam tal-avjazzjoni. F’dan ir-rigward, Transport Malta qed tkompli bl-iżvilupp tal-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport li se tkopri il-perijodu sas-sena 2030.

Il-Belt Valletta — parkeġġ

Question

B'referenza għal artiklu f'gazzetta lokali tal-1 ta' Ottubru 2013, jista’ l-Ministru jgħid kemm: a) il-post ta' parkeġġ hemm fil-Belt Valletta fiż-żona tas-CVA; i) kemm minnhom huma riservati għar-residenti ( parking bays ħodor); ii) kemm minnhom huma riservati għar-residenti filgħaxija biss ( parking bay blu); iii) kemm minnhom huma riservati għall-Ministeri li huma stazzjonati fil-Belt Valletta; iv) kemm minnhom hemm riservati għad-dipartimenti/entitajiet tal-Gvern; v) kemm minnhom huma loading/unloading bays vi) kemm minnhom huma riservati għall-persuni b’diżabilità; b) il-post ta' parkeġġ hemm fil-Belt Valletta barra miż-żona tas-CVA; i) kemm minnhom huma riservati għar-residenti ( parking bays ħodor); ii) kemm minnhom huma riservati għar-residenti filgħaxija biss ( parking bay blu); iii) kemm minnhom huma riservati għall-Ministeri li huma stazzjonati fil-Belt Valletta; iv) kemm minnhom hemm riservati għad-dipartimenti/entitajiet tal-Gvern; v) kemm minnhom huma loading/unloading bays vi) kemm minnhom huma riservati għall-persuni b’diżabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3832.

CVA — Eżenzjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W52, jista’ l-Ministru jgħid jekk ikun hemm ħaddiema oħra fil-Belt li japplikaw għall-eżenzjoni mis-sistema tas-CVA, dawn jiġux eżentati u fuq liema kriterju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra l-eżenzjoni li nħolqot għall-għalliema hemm kategoriji oħrajn ta’ eżenzjonijiet mis-sistema tas-CVA li jolqtu diversi ħaddiema li jkunu jaħdmu l-Belt. Dawn huma: 1. Vetturi reġistrati u użati minn persuni b’diżabilita li huma ċertifikati bħala tali mill-KNPD u li jkunu jaħdmu fiż-żona ġewwa l-Belt fejn l-aċċess tagħha huwa bi ħlas. 2. Vetturi li jintużaw għall-ġarr jew bejgħ ta’ merkanzija. Dawn għandhom eżenzjoni ta' ċertu sigħat hekk kif stipulat fir-Regolamenti tal-2007 dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni. 3. Vetturi li jintużaw minn bejjiegħa tal-Monti għandhom eżenzjoni mill-ħlas ta’ disgħin minuta qabel il-ħin tal-ftuħ u disgħin minuta wara l-ħin tal-għeluq tas-suq. 4. Vetturi li jintużaw meta jkun irid isir xi xogħol bħal dak ta’ kostruzzjoni jew xogħol ieħor kemm ta’ toroq kif ukoll f’residenzi ġewwa l-Belt Valletta. Dawn jingħataw eżenzjonijiet temporanji. 5. Każijiet uniċi fejn vetturi jiġu kkunsidrati mill-Bord għall-eżenzjoni, peress li jkunu qed joffru servizz pubbliku hekk kif stipulat fir-Regolamenti tal-2007 dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni.

Il-Belt Valletta – Triq il-Lanċa – One-Way

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min talab li Triq il-Lanċa, fil-Belt Valletta tiġi one-way? Il-Kunsill Lokali kien ikkonsultat qabel ma’ din it-triq ġiet maqluba għal one-way?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ħadd ma talab sabiex id-direzzjoni tat-traffiku ta’ Triq il-Lanċa fil-Belt Valletta tiġi lejn direzzjoni waħda (one way) u għaldaqstant din it-triq ma nqalbitx għal direzzjoni tat-traffiku f’direzzjoni waħda.

Karozzi Elettriċi — voluntiera

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ voluntiera li kienu talbu biex jużaw waħda mill-karozzi elettriċi li qed jiġu ppruvati bħala parti minn inizjattiva ffinanzjata mill-programm Life+ tal-Unjoni Ewropea li l-Gvern preċedenti kien issottometta u ġab l-approvazzjoni għaliha? Jista’ jgħid minn dawk li talbu, liema ntgħażlu biex jippruvaw karozza elettrika u għal kemm żmien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li meta din l-amministrazzjoni daħlet f’ Marzu li għadda, ittieħed stock tal-livell ta’ progress tal-proġetti kollha, sew dawk nazzjonali u sew dawk iffinanzjati minn sorsi oħra, eżempju l-Unjoni Ewropea. Wieħed mill-proġetti li deher li kien f’ diffikulta kien il-proġett DEMO EV, li għalkemm l-applikazzjoni għalih kienet saret mill-Gvern preċedenti, kien jidher biċ-ċar li minħabba cirkustanzi varji, anke market pressures, dan il-proġett kien f’diffikulta u fir-riskju li ma jiġix konkluż. Wara li saru interventi meħtieġa, anke ma’ kumpaniji u aġenti lokali, dan il-proġett seta’ jitkompla u miexi b’ passi mgħaġġla. Il-Gvern irrispetta il-lista ta’ voluntiera li kienet inġabret mill-Gvern preċedenti, u reġa ħareg anke sejħa oħra sabiex iżid il-livell ta’ parteċipazzjoni, sew minn individwi kif ukoll minn NGOs. L-Informazzjoni kollha mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Traffiku fit-toroq – miżuri short term

Question

Billi kien rappurtat li l-ministeru għandu jħabbar numru ta' miżuri short term għal dak li jirrigwarda t-traffiku f'pajjiżna, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-istudji li saru biex il-ministeru wasal għall-konklużjonijiet tiegħu? Meta saru dawn l-istudji? Min għamel l-istess studji? Meta hu mistenni li jidħlu fis-seħħ dawn l-istess miżuri? F'liema nħawi ta' Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li sar moniteraġġ tas-sistema tat-traffiku u kien hemm diversi diskussjonijiet mal-pulizija f’dan ir-rigward. Ġew identifikati l-aktar postijiet kruċjali fejn ikun hemm konġestjonijiet tat-traffiku u saru traffic surveys u analiżi tad-disinn tat-toroq u junctions rispettivi. Dawn l-istudji bdew f’dan l-aħħar xahar u saru mit-Taqsima għall-Immanniġġjar tat-Traffiku w Sigurta fit-Toroq. Dawn il-miżuri ser jibdew jiġu mplimentati fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn l-interventi se jsiru fl-inħawi ta’ Birkirkara, Ħal Qormi, Paola, Ħ'Attard, il-Gudja, San Ġwann/Swieqi.

Wied ta’ Birkirkara — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fil-Wied ta’ Birkirkara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm xi problemi li ma kellniex kontroll fuqhom, dan ix-xogħol issa tlesta.

Diversion Routes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu u liema huma d-diversion routes li kienu inxurjati kif imiss minn April 2013 sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li triq li hija miftuħa għall-aċċess pubbliku titqies bħala triq pubblika għall-fini ta’ assigurazzjoni third party. Għaldaqstant, polza tal-assigurazzjoni fuq vetturi li huma nxurjata tkopri inċidenti li jistgħu jiġru fi triq bħal din. Apparti minn hekk, kull tender għal xogħlijiet fit-toroq jinkludi proviżjonijiet rigward assigurazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam xogħlijiet u kull riskju ieħor relatat mal-istess xogħlijiet.

Transport Malta – responsabilità mis-saħħa u s-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jagħmel ix-xogħol ta’ saħħa u sigurtà għan-nom ta’ Transport Malta fir-rigward tal-proġetti tal-istess entità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ saħħa u sigurtà fir-rigward ta’ proġetti ta’ Transport Malta jingħata skont il-proġett wara li jinħareġ tender għall-provvista ta’ servizzi relatati mas-saħħa u sigurtà.

Cruise liners — nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-noll ta’ cruise liner biex jidħol fil-Port ta’ Malta u dan kif jikkumpara ma’ portijiet ta’ pajjiżi oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-noll li jħallas cruise liner ivarja skont id-daqs tal-bastiment, u japplikaw tariffi bħal port dues, pilotage u mooring dues. L-operatur tat-terminal fejn ikun trakka l-bastiment japplika rati oħra addizzjonali. Barra minn hekk, tariffi oħra jiġu applikati skont servizzi oħra li jiġu pprovduti. It-tariffi applikati fil-portijiet ta’ Malta huma kompetittivi u kkunsidrati orħos meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm persuna waħda li minħabba impenji oħra irriżenjat mill- Street Naming Committee. Din il-persuna diġa ġiet issostitwita.

Bus lane sospiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma l-bus lane tal-Marsa ġiet sospiża, ikkonsultax mal-uffiċjali tat-Traffic Management Unit li kienu n-nies responsabbli mid-disinn u l-implimentazzjoni tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant b’dawn l-arranġamenti hekk kif ġej: · Triq Aldo Moro Northbound Bus Lane : Din il- bus lane ser tiġi sospiża temporanjament sakemm jitlestew ix-xogħlijiet għall-kontroll tal-għargħar fuq pjan ta’ mmaniġġjar tat-traffiku temporanju li ġie ddisinjat mid-Dipartiment għall-Immaniġġjar tat-Traffiku b’konsultazzjoni mad-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art; · Triq Aldo Moro Southbound Bus Lane: Din il-bus lane, li hija ppjanata bħala parti mill-proġett tal-Modus u li tinsab eżattament fejn ser isiru x-xogħlijiet tal-kontroll tal-għargħar, għadha ma nbnietx u din ser tinbena meta jitlestew dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, din il-bus lane għadha mhix kompluta.

Proġett MODUS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-MODUS?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tall-MODUS reġa’ qabad ir-ritmu mistenni wara d-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-iskeda tax-xogħlijiet.

skemi ta’ parkeġġ residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma ħa d-deċiżjoni li jissospendi r-residential parking schemes kollha, ikkonsultax mal-uffiċjali fi ħdan Transport Malta li kienu responsabbli mit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom? Jista’ jgħid jekk dawn l-uffiċjali qablux mad-deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-iskemi ta’ parkeġġ residenzjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Controlled Residential Parking Schemes kienu jiġu evalwati minn uffiċċjali tal-Awtorita’ dwar it-Trasport (ADT) fuq polza li kienet approvata mill-Bord tal-istess Awtorita’ fis-sena 2004 u li l-evalwazzjoni kienet issir fuq il-kriterji tal-istess polza. Bħalissa din il-polza qed tiġi riveduta bil-għan li tirrifletti aħjar il-bżonnijiet tal-parkeġġ fiċ-ċirkustanzi tal-lum il-ġurnata minħabba li d-domanda għall-parkeġġ fiż-żoni residenzjali evolviet f’dawn l-aħħar 9 snin. Din ir-reviżjoni tal-polza qed issir mill-uffiċċjali li kienu responsabbli mill-evalwazzjoni ta’ talbiet għal tali skemi.

skemi ta’ parkeġġ residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bis-sospensjoni tal-skemi ta’ parkeġġ residenzjali ta vot ta’ sfiduċja fix-xogħol li jagħmlu l-uffiċjali fi ħdan Transport Malta li sal-ġurnata tal-lum għadhom jassessjaw it-tfassil ta’ traffic management policies u xogħol ieħor relatat?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm Steering Committee, b’membri mill-Awtorita dwar it-Trasport, li kien nieda l-ewwel skema għall-Parkeġġ ikkontrollat għar-Residenti fejn tali skema kienet regolata b’Avviż Legali 293 tal-2001. Sussegwentament, din it-tip ta’ skema ta’ parkeġġ ikkontrollat ġiet implimentata f’diversi lokalitajiet fuq l-istess prinċipji imfasslin f’Avviż Legali 293 tal-2001 u fuq polza tal-istess Awtorita’ li tnediet fis-sena 2004. Dawk il-membri mill-Awtorita’ dwar it-Trasport li kienu parti minn dan l-iSteering Committee oriġinali m’għadhomx jaħdmu fuq tali skemi u lanqas fuq traffic management policies u xogħol ieħor relatat.

Karozzi tal-linja — żieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar x'se jkun l-impatt fuq it-traffiku minħabba ż-żieda fin-numru addizzjonali ta’ karozzi tal-linja jekk l-articulated buses jiġu imwaqqfa milli jkomplu jiġu użati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għadhom għaddejjin it-taħdidiet mal-kumpanija Arriva u biex ma jiġux preġudikati id-diskussjonijiet li qed isiru, informazzjoni aktar minn dik li diġà ngħatat lill-pubbliku, tingħata fil-mument opportun.

Arriva — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħda tagħmel Transport Malta biex jiġi infurzat il-kuntratt li għandha mal-Arriva?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għandha sezzjoni ta’ mpjegati li xogħlhom huwa li jinfurzaw il-kuntratt iffirmat bejn Arriva Malta Limited u Transport Malta. Dan l-infurzar jinkludi spezzjonijiet ta’ kuljum fuq: · Vetturi fejn fost l-oħrajn tiġi ċċekkjata l-indafa, l-apparat li juri d-destinazzjoni, apparat ta’ sigurta’ u t-temperatura ambjentali ġewwa x-xarabank; · L-infrastruttura, fejn fost oħrajn jiġi ċċekjat li hemm l-iskedi mwaħħla fuq il-bus stop kif ukoll l-indafa f’dawk il-vened immaniġġjati mill-operatur; · Xufiera u mpjegati oħra tal-operatur li jkollhom kuntatt mal-passiġġieri fejn fost oħrajn jiċċekkjaw li jkunu libsin tag uffiċjali u l-uniformi kif suppost; · Moniteraġġ tas-servizzi li jkunu qegħdin jaħdmu skont l-iskeda u li jaċċertaw li l-vjaġġi ma jkunux qed isegwu devjazzjonijiet li m’humiex approvati. F’każ li jiġu identifikati nuqqasijiet, Transport Malta timponi l-penali applikabbli skont kif stipulat fil-kuntratt.

Triq mix-Xemxija sal-Mellieħa – sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-triq li tieħu mix-Xemxija lejn il-Mellieħa fil-parti tat-triq li tiġi bejn id-daħliet u l-ħruġ tat-toroq li jagħtu għall-Mistra s-sinjal tat-triq li qigħed fin-nofs isir line maqtugħ minflok wieħed sħiħ (fil-partijiet li jista' jippermetti), u dan għaliex dan il-line qed iservi ta' nassa, biex joħorġu ċitazzjonijiet kontra sewwieqa li jaqbżu l-line minħabba xi trakk kbir li jkun tiela', u li prattikament iwaqqaf it-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-linja kontinwa fin-nofs tal-karreġġjata tat-telgħa ta’ Selmun u fl-inħawi tad-daħliet tal-Mistra hija bżonnjuża minħabba n-nuqqas ta’ tul tal-linji ta’ viżibilità tad-daħliet tal-Mistra u minħabba l-kurvi vertikali w orizzontali li hemm qabel tibda l-kurva tat-telgħa ta’ Selmun.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) fi ħdan il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework? Jekk iva min huma u kemm bħala persentaġġ jistgħu jagħmlu telework mill-ħin kollu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li m’ għandix persuni li ġew ingaġġati fil-Ministeru tiegħi u/ jew entitajiet bħala persons of trust, li qed jagħmlu xogħol bit-teleworking.