Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-guardianship deeds li ġew iffirmati minn wara Marzu 2013 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill.Onor. Interpellant li skont infomazzjoni mgħoddija lili mis-Sovrintendent Patrimonju Kulturali, l-Atti ta’ Kurazjia li ġew iffirmati minn Marzu 2013 sal-lum jammontaw għal għaxra.
L-Atti in kwistjoni huma:
· Att ta’ Kurazija ġdid fuq it-Torri ta’ Wied iż-Żurrieq.
· Tiġdid ta’ disa’ Atti ta’ Kurazija :
Torri ta’ Qalet Marku, Naxxar
Torri ta’ Għallis, Naxxar
Torri L-Aħmar, Mellieħa
Torri ta’ Wignacourt, San Pawl il-Baħar
Torri ta’ Mamo, Marsascala
Torri ta’ Santa Maria, Kemmuna
Torri ta’ Dwejra, San Lawrenz
Batterija ta’ Santa Maria, Kemmuna
Iċ-Ċimiterju tal-Msida Bastion, Florjana.
Intant, qed inpoġġi kopja tal-Atti tal-Kurazija msemmija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-Rabat (Għawdex) – Triq Borg Olivier – Irranġar ta’ Ħajt tal-Parkeġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7686, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, fejn fit-tweġiba tiegħu l-Ministru talabni biex nirreferi l-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, jista' l-Ministru jara li l-ħajt tal-parkeġġ li hemm fi Triq Borg Olivier, ir-Rabat, Għawdex, liema ħajt jinsab fuq in-naħa ta' wara ta' dan il-parkeġġ, jiġifieri fi Triq San Ġużepp Labre, isirlu x-xogħlijiet meħtieġa peress li l-istess ħajt jidher li hu fi stat imminenti li jiġġarraf?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħal ma jaf sewwa l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ Gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madanakollu ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Trejqet Toni Fenech – kaxxi tal-parkeġġ
Question
Billi numru ta’ ġimgħat ilu f’risposta parlamentari li għamilt, ingħatajt l-impressjoni li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien intalab biex jimmarka l-kaxxi tal-parkeġġ fi Trejqet Toni Fenech, San Pawl il-Baħar, u billi sal-lum dawn l-istess sinjali għadhom ma nżebgħux, jista’ l-Ministru jassigura li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex dan ix-xogħol ikun jista’ jitkompla u jitlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħal ma jaf sewwa l-Onor. Interpellant, il- Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ Gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madanakollu ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – spazji pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema spazji pubbliċi li jinsabu fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali (il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar), sar xogħol fuqhom matul l-aħħar tliet snin? Għal liema skop kienu jintużaw dawn l-istess spazji qabel ma sar ix-xogħol fuqhom, u kif qed jintużaw preżentement? F'kull każ, kemm kienet l-ispiża involuta biex saru l-bidliet involuti, meta nbeda x-xogħol u meta tlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għar-rigward tal-Mellieħa u tan-Naxxar, kif provduta mingħand iż-żewġ Kunsill Lokali ta’ dawn il-lokalitajiet. Intant infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li qed jistenna aktar informazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Hekk kif din tasal inkun nista’ npoġġi din l-informazzjoni wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Private Public Partnership – xogħlijiet fuq toroq fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq li suppost saru mill-Private Public Partnership (PPP) fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Liema toroq sar xogħol fuqhom? Meta nbeda x-xogħol u meta tlesta, u kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol? Liema xogħol ieħor mistenni li jsir permezz ta' dawn l-istess skemi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl’informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali u reġjuni/tribunali lokali li għandhom in-numri tat-telefown ex-directory jiġifieri jekk il-pubbliku jċempel 1182, in-numru tat-telefown tagħhom ma jkunx reġistrat u allura l-pubbliku ma jkunx jista’ jinqeda?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba bl-informazzjoni miġbura tingħata f’xi seduta oħra.
Heritage Malta Bighi Head Office – problemi sanitarji
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-problemi sanitarji li kien hemm fil-provvista tal-ilma tal-vit xhur ilu f’Heritage Malta Bighi Head Office, ġewx riżolti? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista’ jserraħ ras il-ħaddiema billi jingħad x’miżuri ttieħdu u meta sar ix-xogħol sabiex jitneħħa kull periklu li kien jeżisti? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sanitarju maħruġ mill-awtoritajiet konċernati? Jekk ir-risposta hija fin-negattiv, jista’ jinforma lill-Kamra meta se jitneħħa l-periklu għal saħħet il-ħaddiem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-proċess ta’ verifika tal-kwalità tal-ilma fl-uffiċċji ta’ Heritage Malta f’Bighi huwa wieħed kontinwu li jsir kull sena. Il-verifika ssir minn laboratorju professjonali privat akkreditat u indipendenti. Fuq parir ta’ dan l-istess laboratorju qed jiġi osservat reġim ta’ tindif akkurat b’mod ripetut. Inbiddlu wkoll għadd ta’ tankijiet tal-ilma, u se jinbidlu oħrajn, sabiex il-kwalità tal-ilma tkompli titjieb.
Proprju bhalissa għaddejja verifika oħra. L-aħħar rapport (tal-2013) qed jiġi mqiegħed fuq il-mejda tal-kamra kif mitlub. Dan jindika li l-ilma huwa tal-kwalità meħtieġa.
Importanti wieħed jiċċara li l-ilma li jiġi vverifikat m’huwiex ilma tax-xorb.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-nies li żaru s-siti taħt ir-reponsabilità ta’ Heritage Malta mill-1 tas-sena ’l hawn? Kemm kienu Maltin u kemm kienu turisti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħotija minn Heritage Malta, Kien hemm 525,952 viżitatur li żaru s-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta bi ħlas minn Jannar sa Ġunju tal- 2014. Flimkien ma' dan l-ammont wieħed irid iżid 27,348 oħra li żaru l-mużewijiet b’xejn.
L-istatistika ma tagħmilx differenza bejn viżitaturi Maltin u barranin. Madanakollu wieħed jista’ jgħid b’mod ġenerali li l-viżitaturi Maltin qed jiżdiedu minħabba n-numru konsiderevoli ta’
Open Days
u attivitajiet oħra li qed torganizza Heritage Malta.
Kunsill Lokali tar-Rabat –devoluzzjoni ta’ proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet pendenti għaldevoluzzjoni ta’ proprjetà mill-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta), l-Imdina, l-Imġarr, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, l-Imtarfa u jekk iva, x’inhuma? F’liema stadju qegħdin?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal- Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħoddija lili mid-Direttorat tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih il-Gvern ittrasferixxa l-proprjetà ġewwa Ħad-Dingli li suppost huwa Interpretation Centre?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Kuntratt mitlub.
L-Imġarr (Malta) — Tempji ta’ Ħaġrat – permessi għal-żvilupp
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4766 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè b'referenza għall-applikazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jaf il-Prim Ministru li fl-istess żona eżatt kien hemm bosta applikazzjonijiet li ġew rifjutati? Jaf li lura fl-2008 kien inħareġ permess għal sit eżatt faċċata ta' fejn ingħata l-permess għal dan is-sit, u intervjeniet is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u esproprjat l-art inkwistjoni? Jista’ allura jinforma lil din l-Kamra għalfejn dan il-każ qed jiġi trattat differenti, u jekk dan hux każ ta' two weights two measures?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħal ma jaf l-Onor. interpellant il-Gvern diġà ħa l-passi neċessarji biex l-art in kwistjoni tiġi esproprjata u fuqha ukoll il-MEPA ħarget Emergency Conservation Order.
Għalhekk dan mhux każ ta’
two weights and two measures
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm okkażjonijiet fejn kunsilli lokali ħassru l-laqgħat tagħhom matul l-aħħar 18-il xahar? Liema kienu l-kunsilli li ħassru dawn l-istess laqgħat? X’kienet ir-raġuni għal dan? X’tip ta’ investigazzjoni għamel id-dipartiment biex jassigura li ma jkunx hemm abbużi ta’ dawn il-posponimenti u tħassir ta’ laqgħat?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba bl-informazzjoni miġbura tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il multa imposta mill-Qrati tal-Ġustizzja ġiet konvertita f'ħabs fl-aħħar 12-il xahar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar 12-il xahar kien hemm 180 multa imposta mill-Qrati tal-Ġustizzja (kemm ta' Malta u ta' Għawdex) li ġew konvertiti fi priġunerija.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Pijunieri - bus shelter
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min waħħal żewġ biċċiet kee clamps u għammilhom bus shelter ħdejn it-traffic lights fid-daħla ta' Triq il-Pijunieri f'San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li dawn saru mill-Kunsill ta' San Pawl il - Baħar.
Billi minn diversi risposti parlamentari jirriżulta li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qatt ma kellu oġġezzjonijiet biex jitkompla x-xogħol fuq il-bandli ta' ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar u billi jirriżulta wkoll li hemm fondi li ġejjin mill-Urban Improvement Fund biex ikun jista' jsir dan il-proġett, liema fondi ilhom available madwar tlett snin, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu jżomm li dawn il-bandli jitkomplew? Minbarra hekk billi f'ripsota għal domanda parlamentari 10219, qed jingħad li l-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar mhux se jagħmel l-ebda proġett infrastrutturali matul it-12 il xahar li ġejjin, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx ukoll li dawn il-bandli żgur mhux se jsiru matul dan il-perijodu ta' zmien?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-possibiltà li kien se jkun hemm estensjoni tal-Iskola Primarja żammu milli jkompli bil-proġett tal-bandli msemmi. Infurmat iżda mill-istess Kunsill Lokali li ser jinbeda l-proċess f’dan ir-rigward u l-proġett jinbeda malli jkollu l-approvazzjonijiet meħtieġa.
In-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10219, jista’ l-Ministru jelenka kemm se jkunu qed jiġu jiswew (wieħed wieħed) il-proġetti msemmija li se jsiru fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar, liema proġetti ġew identifikati fl-istess risposta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tingħata f’xi seduta oħra.
In-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10219, jista’ l-Ministru jgħid fiex se jkunu qed jikkonsistu ix-xogħlijiet fil-proġetti msemmija (wieħed wieħed) għal-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern sabx post fejn jiltaqgħu l-bands Maltin wara n-nomina tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament wara l-elezzjoni tal-2013 għal dan l-iskop?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jevalwa id-diversi proposti li kienu identifikati mill-persuna li l-Onor. qed jagħmel referenza għaliha.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsill lokali tal-Mellieħa għandux xi proġett partikulari għal dik li kienet il-fortizza Campbell, f'Selmun, limiti tal-Mellieħa? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx ukoll xi talbiet oħra li waslu għand il-kunsill lokali Mellieħa biex isir użu minn dan il-post?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ma għandux xi proġett partikulari għal dik li kienet il-Fortizza Campbell, f'Selmun, u lanqas sarulu xi talbiet oħra biex isir użu minn dan il-post.
Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — xogħlijiet ta' konkos
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien użat konkos mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar bejn l-ewwel ta' Ottubru 2013 u llum u kemm ġie jiswa f'ammont totali? Fejn intuża dan il-konkos u x'kien l-iskop li għalih, għal kull każ, kien użat dan il-konkos? Xi proċedura irid juża bniedem li għandu bżonn xogħol ta' dan it-tip f'xogħlijiet simili fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif infurmat mill-Kunsill Lokali kkonċernat, fil-perijodu indikat minnu l-konkos intuza f’diversi xogħlijiet ta’ patching u manutenzjoni f’toroq differenti tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar bi spiża ta’ €5,419. Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawil il-Baħar li l-proċedura użata hija dik li persuni javviċinaw l-uffiċju amministrattiv sabiex idaħħlu l-ilmenti tagħhom, u tittieħed azzjoni li titqies bħala neċessarja wara li ssir l-ispezzjoni.