Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi s-soluzzjoni għall-familji tat-toroq Eagle, St Mark, St Helen u Hannover f'Bormla li għaddew mill-istess problema tal-mistoqsija parlamentari numru 16089?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kwistjoni dwar it-Toroq Eagle, St Mark, St Helen u Hanover f'Bormla mhix l-istess bħal dik tal-Kalkara u Pembroke. Fil-fatt ir-residenti f'Bormla joqgħodu f'żona li hi indikata għat-twaqqiegħ bħala parti mit-tielet fażi tal-proġett ta' Sta Liena. F'dal-mument id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u l-Awtorita' tad-Djar qed jistennew il-permess tal-Awtorita' tal-Ippjanar. Hekk kif dan joħroġ ikunu jistgħu jibdew proċeduri biex ir-residenti jiġu provduti b'akkomodazzjoni alternattiva. Jien jidhirli li dal-proġett kellu l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra u għalhekk nistenna li anki f'dal-proġett insibu l-appoġġ sħiħ ta' kulħadd biex inkomplu intejbu l-qagħda ta' dawn ir-residenti li uħud minnhom joqgħodu f'postijiet verament sub-standard.

Bormla — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hemmx ħsieb li titkabbar id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jekk iva, x'hemm ippreparat biex dan il-bini jitkabbar? Il-proġett il-ġdid għadda mill-Planning Authority? Jekk iva, x'inhi r-raġuni li għalkemm il-lista ta' persuni fuq il-waiting list qegħda dejjem tiżdied, għadu ma ħareġ l-ebda tagħrif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hemm ebda ħsieb li jitkabbar il-bini tad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla.

Allowance Supplementari

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex koppja anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija, ma ħadux allowance supplementari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ma tikkwalifikax għall-Allowance Supplimentari. Ninsab infurmat li r-raġuni għaliex dan hu l-każ ġiet komunikata lilha bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Dipartiment tal-Politika Soċjali — Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jara jekk l-armla, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, ħaditx l-arretrati kollha u kemm suppost? Jista' l-Ministru jara li ż-żieda li qiegħda tieħu ta' l-għoli tal-ħajja hu dak li suppost tieħu? Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni ta' dan bil-miktub lil din l-anzjana personalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna indikata minnhu qed titħallas kif suppost. Tħallsu wkoll l-arretrati kollha dovuta lilha. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata b'dan bil-miktub.

Housing Authority — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi pproċessat il-każ ta' sussidju mill-Housing Authority sabiex issir il-manutenzjoni neċessarja u jinbidlu s-soqfa tar-residenza tal-anzjani li l-partikolaritajiet tagħhom jidhru separatament minn din il-mistoqsija, u ż-żmien tas-sajf huwa opportun għal dan it-tip ta' xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna imsemmija ser tirċievi ittra fejn tiġi informata bl-ammont ta' għotja li ser tingħata għax-xogħolijiet rakkomandati mill-Perit ta' l-Awtorita' tad-Djar li għandhom isiru. Din il-persuna ser tiġi wkoll mitluba biex tiffirma l-ftehim meħtieġ.

Djar — Sussidju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk koppji għarajjes li matul iż-żmien ibbenfikaw minn għoti ta' art taħt l-iskema tal-home ownership u li sar bini fuqha u li wara rriżulta li l-għarajjes li bbenifikaw minn din l-iskema qatt ma sar żwieġ bejniethom, skond l-istess skema, x'suppost li jsir mill-art jew proprjeta' li jkunu huma bbenefikaw minnha? Jista' jinfurmani b'xi tibdil seta' sar f'din l-iskema f'dan is-sens matul iż-żmenijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-Awtorita' tad-Djar ħarġet diversi skemi ta' 'home ownership', u mhux il-kundizzjonijiet kollha huma simili, l-Onor. Interpellant mitlub jagħti aktar dettalji speċifiċi biex tkun tista' tingħata risposta korretta.

SVPR — Anzjana

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-possibbiltajiet li l-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tkun tista' tidħol f'SVPR fejn hemm żewġha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni ta' l-anzjana msemmija ġiet sottomessa fl-24 ta' Jannar li għadda. Għalkemm wieħed irid jifhem li hemm numru ta' nies li ilhom fuq il-'waiting list ta' San Vinċenz, dan il-każ partikulari ġie mogħti l-attenzjoni kollha li jistħoqq u l-persuna tqiegħdet fuq il-lista ta' prijorita'.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara x'inhuma l-possibbiltajiet li l-persuni, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatment, jingħataw post alternattiv qabel ma ssir xi diżgrazzja peress li l-post li qed jabitaw fih bħalissa fih ħsarat kbar fis-soqfa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni tal-persuna indikata qed tkun ikkunsidrata.

Djar — Kalkara

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta beħsiebu jitlesta l-istudju sabiex jara kif jista' jagħmel użu aħjar minn art li l-bini ta' fuqha jkun jew kollu proprjeta' tal-gvern jew inkella l-maġġoranza ta' proprjeta' hija tal-gvern, skond il-mistoqsija parlamentari numru 16089?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa mistenni li l-istudju jitlesta fi żmien qasir.

Għaqdiet Volontarji — Carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema għaqdiet volontarji li jgħin il-gvern jipprovdu infermiera maskili bħala carers biex jieħdu ħsieb l-iġjene ta' persuni maskili anzjani, b'diżabilita', b'mard kroniku bħal stroke u Parkinson's Disease?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma hemm ebda għaqda minn dawk li jgħin l-Gvern li tipprovdi infermiera maskili bħala 'carers' biex jieħdu ħsieb l-iġene ta' persuni maskili anzjani, b'diżabilita' u/jew b'mard kroniku. Madankollu f'Dar il-Kaptan, f'Dar Nazzareth u f'Dar il-Wens hemm 'carers' li jwettqu x-xogħol imsemmi.

Benefiċċji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'benefiċċji tingħata persuna li tagħmel operazzjoni tal-qalb?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Benefiċċji Soċjali mħallsa taħt il-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Dan l-Att ma jipprovdix Benefiċċji Soċjali li l-għoti tagħhom hu b'xi mod marbut ma' xi tip ta' intervent kirurġiku li jkun sar. Numru ta' benefiċċji għandhom marbut magħhom l-aspett mediku, fis-sens li kunsiderazzjoni trid tingħata dwar l-istat ta' saħħa ta' min jagħmel talba għall-benefiċċju. Benefiċċji oħra huma marbuta ma' marda jew kundizzjoni speċifika li wieħed ikun qed ibati minnha.

ETC — Xogħol bla permess

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu bla permess din is-sena? Kemm kienu Maltin u kemm barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din is-sena instabu 920 persuna jaħdmu bla permess: 207 Maltin instabu jaħdmu waqt li kienu qed jirregistraw għax-xogħol. 16 Maltin instabu jaħdmu waqt li huma ta' eta' mhux permessa li jaħdmu. 569 Maltin instabu jaħdmu fuq bażi full-time mingħajr ma avżaw il-Korporazzjoni. 101 Maltin instabu jaħdmu fuq bażi part-time mingħajr ma avżaw il-Korporazzjoni. 27 persuna ta nazzjonalita' barranija instabu jaħdmu illegali mingħajr il-permessi biex jaħdmu f'Malta.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ministeru li huwa responsabbli għalih, baqax iżomm kuntratt dirett mis-segretarjat għaż-żgħażagħ f'dak li għandu x'jaqsam il-housing? Jekk fil-pożittiv, xi żvilupp sar u jekk fin-negattiv ma jaħsibx li dan kien esperiment li kien beda jirnexxi u kien ikun tajjeb li kieku l-kumitat li kien twaqqaf fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti Laburista bejn il-ministeru tad-djar u s-segretarjat taż-żgħażagħ baqa' jiffunzjona?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninstab infurmat li l-Kumitat li għalih qiegħed jirriferi l-Onor. Interpellant kien twaqqaf bl-iskop li tittella' Konferenza Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ u l-Housing u sabiex iservi ta' forum fejn ikunu diskussi problemi u sitwazzjonijiet għal dan is-suġġett. B'kollox, dan il-Kumitat iltaqa' 11 il-darba, 9 darbiet qabel il-Konferenza Nazzjonali li kienet saret fit-8 ta' Novembru 1997 u darbtejn oħra wara li servew bħala analażi u l-preparazzjoni ta' pubblikazzjoni ta' din l-istess Konferenza.

Santa Luċija — Triq il-Prinjol - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hu responsabbli għall-upkeep tal-basement ta' appartamenti Indipendenza 21 ta' Settembru, Blk A, Triq il-Prinjol, Santa Luċija? Dan il-basement jinsab fi stat mitluq għal kollox b'irwejjaħ jintnu jifgaw lin-nies li jgħixu hemm. Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex jitneħħa dan l-inkonvenjent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' għaż-żamma ta' indafa ta' dan il-'basement' hija ta' l-istess residenti tal-blokki.

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar figuri ta' dawk li qed jirreġistraw fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru tal-qgħad? Jista' jikkompara dawn in-numri mal-figuri li ħarġu fix-xhur ta' qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hawn taħt issib il-figuri tal-persuni li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2000. Parti Jannar 2000 Frar 2000 Marzu 2000 L-ewwel Parti (Part 1) 7,987 7,996 7,766 It-tieni Parti (Part 2) 620 607 587 It-tielet Parti (Part 3) 692 741 591 It-tabella ta' hawn fuq turi biċ-ċar li l-figuri tal-qagħad qed jonqsu kemm fuq l-ewwel, it-tieni u tielet parti tar-reġistru. Ta' min jinnota illi nies li jirreġistraw fuq it-tielet parti għandhom xogħol imma qed jirreġistraw biex ifittxu xogħol aħjar.

Is-Sur Robert Laurenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-impjegati kollha li jaħdmu fit-taqsima tal-koperattivi? Jista' jgħid liema huma l-impjegati f'kull koperattiva? Jista' jikkonfemra jekk is-Sur Robert Laurenti rtirax u jekk irtira jista' jikkonferma jekk hux qiegħed jieħu pensjoni? Jista' jgħid jekk is-Sur Robert Laurenti huwiex jaħdem f'xi dipartiment jew koperattiva jew aġenzija oħra tal-gvern li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jgħid jekk wara li s-Sur Laurenti ffirma l-contract of termination għandux dritt jirreġistra bħala unemployed? Jista' jgħid jekk is-Sur Laurenti hux qed jirreġistra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Uffiċċju tal-Koperattivi hemm jaħdmu dawn l-impjegati: 1. Is-Sinjura Josephine Agius 2. Is-Sinjorina Marcelle Azzopardi 3. Is-Sur Joseph Casha 4. Is-Sur Vince Fabri 5. Is-Sur Francis Galea 6. Is-Sinjorina Michelle Mamo 7. Is-Sur Emanuel Zahra Fir-rigward għat-tieni parti tal-Mistoqsija, diġa' weġibt fid-dettal u m'għandix għalfejn nirrepeti. L-anqas m'għandi għalfejn nagħti dettalji personali ta' l-individwu konċernat.