Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq — xogħlijiet

Question

Peress illi fil-programm Dissett tat-3 ta' Ottubru, il-Ministru Joe Mizzi qal illi fuq il-proġetti tar-roundabout tal-Kappara u tat-Triq tas-Salini qabel Marzu 2013 ma kien sar xejn, jista’ l-Ministru jgħid meta saru d-disinji u l-istudji taż-żewġ proġetti, meta saru l-applikazzjonijiet mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u għall-approvazzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, u meta saru jew inbdew id-diskussjonijiet mal-istakeholders?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li, wara perjodu sostanzjali ta’ tfassil tad-disinn tal-proġett tal- Kappara Junction, l-proċess għall-applikazzjoni tal- MEPA fir-rigward tal-Kappara Junction inbeda fl- 2009 pero’ sa qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 kienet għadha ma ttieħdet ebda deċizjoni. Minn Marzu 2013 sal-lum sar dak kollu li kellu jsir sabiex ix-xogħol strutturali ikun jista jinbeda is-sena id-dieħla. Għaldaqstant huwa ċar li mill-2009 sal-lum kien hemm żmien biżżejjed biex dan ix-xogħol seta’ kien lest u mhux kellu jkun il-Gvern preżenti li kellu jieħu azzjoni sabiex jara li l-proġett isir. Fil-każ tal-inkroċju tal-Kappara ġie wkoll indirizzat u riżolt in-nuqqas ta’ qbil dwar id-disinn li kien hemm mar-residenti tal-inħawi u mal-għaqdiet ambjentali. L-istess ħaġa jista jingħad għal-proġett tas- Salina Coast Road .

Tibdil fir-rotot tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-eventwalità li jerġgħu jkunu introdotti r-rotot l-antiki, il-venda li hemm preżentament fl-ajruport internazzjonali ta' Malta tispiċċax? F'din l-eventwalità, kif se jiġu serviced postijiet turistiċi bħal Tas-Sliema, San Ġiljan u oħrajn fejn turisti li jaslu Malta minn barra l-pajjiż ikunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom fejn ikollhom il-lukanda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dawl tal-eżerċizzju li qed isir fil-preżent sabiex jiġu mplimentati modifiki fir-rotot eżistenti, mhux prevvist li titneħħa l-venda li hemm preżentament fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

articulated buses

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif, jekk verament l-articulated buses kienu l-konsegwenza tal-ħolqien tat- traffiku fit-toroq tagħna, fl-aħħar 15-il ġurnata (hekk kif reġgħet bdiet l-iskola) it-traffiku fil-maġġor parti tat-toroq ta' Malta żdied bil-kbir u mhux naqas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa maħsub illi s-sospensjoni tal-articulated buses minn fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku fil-fatt taffew mil-problema tat-traffiku u konġestjoni mil-lokalitajiet fejn kienu joperaw fihom. Fost il-fatturi li kkontribwixxew għal żieda fit-traffiku f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, kien il-fatt li kif semma l-Onorevoli Interpellant innifsu, beda it-trasport tat-tfal tal-iskola, kien hemm tibdil fil-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gvern kif ukoll każijiet ta’ inċidenti fosthom ta’ ħsarat ta’ trakkijiet f’toroq prinċipali fejn ikkaġunaw konġestjoni ta’ traffiku. Ta’ min jinnota li f’dawn l-aħħar ġimgħa u nofs it-traffiku huwa miexi tajjeb pero’ jibqa il-fatt li it-traffiku mit-toroq jista’ jonqos la darba ikollna trasport pubbliku effettiv. Azzjonijiet immedjati li jittieħdu biex issir devjazzjoni ta’ traffiku bħal dik meħuda fil każ ta’ Dock 7, li issa qed jintuża sew mill-pubbliku minkejja li kien hemm min ipprova jbeżża’ dwar l-użu tiegħu, jgħinu mhux ftit sabiex tittaffa il-konġestjoni ta’ traffiku. Il-Gvern qed jieħu miżuri oħra biex itejjeb it-traffiku u saħansitra dan is-suġġett issemma anke fil-Budget billi qed ikunu studjati diversi possibiltajiet fosthom li jkunu projbiti mit-toroq arterjali trakkijiet industrijali kbar kif ukoll żwiemel waqt ċertu ħinijiet tal-ġurnata.

San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – TEN-T

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet tat-TEN-T li jikkonċernaw l-inħawi ta’ bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa għadhom qed jiġu kkunsidrati minn Transport Malta? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema partijiet mit-TEN-T għal dawn l-inħawi għadhom ma ġewx implimentati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet qed jiġu evalwati flimkien ma’ proġetti oħra tat-TEN T.

San Pawl il-Baħar – Traffic count

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar traffic count fuq it-triq li minn San Pawl il-Baħar tagħti għall-Mellieħa? X’kienu d-differenzi prinċipali li rriżultaw minn studji oħra li kienu saru qabel? F’liema ġranet u għal kemm żmien saru dawn l-istudji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li jien infurmat saru traffic counts fil-junction bejn il-bypass ta’ San Pawl il-Baħar kantuniera ma’ Triq il-Mosta, kantuniera ma Kennedy Drive, kantuniera ma Triq Burmarrad f’Awwissu 2010 u f’Mejju 2010. Mit-traffic counts li saru f’dan l-junction rriżulta li l-vetturi li jużaw il-bypass ta’ San Pawl il-Baħar jiżdiedu fix-xhur tas-sajf fil-ħinijiet bejn is-sebgħa u kwart u d-disgħa u kwart ta’ filgħodu u jonqsu bejn nofs in-nhar u s-sagħtejn ta’ wara nofs in-nhar. Dawn it-traffic counts ittieħdu fuq tlett ġranet.

Ċertifikazzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel

Question

Billi Transport Malta hi l-Awtorità responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saret l-aħħar ċertifikazzjoni ta’ dawn il-vapuri? Jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar jekk Transport Malta ntalbitx li tiċċertifika wkoll l-għeluq ta’ partijiet mill-vapur fuq ċertu vjaġġi peress li hu naturali li vapur nofsu magħluq għandu kapaċitajiet differenti minn meta l-area kollha tal-passiġġieri tkun miftuħa? Min awtorizza li l-Gozo Channel tagħlaq partijiet mill-vapur fuq ċertu vjaġġi b’mod partikolari bil-lejl?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3579, ninfurmah li l-vapuri għaddew miċ-ċertifikazzjoni neċessarja ta’ kull sena, fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, minn organizazzjoni appuntata skont l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili.

Baħar iċ-Ċagħaq – xogħlijiet fuq il-coast road

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4217, jista’ l-Ministru jgħid meta se jintemm il-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender u konsegwentement meta se jibda x-xogħol relatat ma’ din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-evalwazzjoni tat-tenders tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-Coast Road ta’ Baħar iċ-Ċagħaq waslet fil-fażi finali.

Works and Services Department – xogħlijiet u proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru proġetti/xogħol mill-Works and Services Department mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum? Fejn sar ix-xogħol, għal min u kemm intefqu flus f'pagi ta' ħaddiema, overtime ta' ħaddiema, xiri ta' materjal, kiri ta' inġenji u xogħol li sar permezz ta' kuntratturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Marsaxlokk – Triq Melqart – xogħlijiet ta’ tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' kisi ta' wiċċ ġdid bit-tarmak fi Triq Melqart, Marsaxlokk, issa li x-xogħol ta' mogħdija ta' servizzi u bini ta' bankini huwa lest?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ Triq Melqart Marsaxlokk, Transport Malta qiegħda tippjana l-fażi li jmiss minħabba li ġie stabbilit li t-triq għandha bażi dgħajjef u għaldaqstant iridu jsiru xogħlijiet addizzjonali qabel ma jingħata l-asfalt fuq il-wiċċ tat-triq.

Sa Maison – rwejjaħ – investigazzjoni minn Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għamlitx xi investigazzjoni partikulari dwar ir-raġuni li għaliha qed ikun hemm irwejjaħ qawwija fl-inħawi ta' Sa Maison (fil-baħar)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta investigat dan il-każ u għaddiet l-ilment lill-awtoritajiet konċernati.

In-Naxxar — reserved parking bays

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm reserved parking bays approvati fin-Naxxar matul din is-sena? F'liema toroq ġew approvati dawn il-bays? Kemm minn dawn il-bays, wara li ġew approvati, u forsi wkoll wara li ġew immarkati fuq il-post, fil-fatt ġew mibdula minn fejn kienu oriġinarjament approvati? X'kienet, f'kull każ, ir-raġuni li għaliha dawn il-bays inbidlu minn kif oriġinarjament approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Parkeġġ Riservat Persuni b’Diżabbilta’ approva ħames applikazzjonijiet għal parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbilta’ fin-Naxxar matul din is-sena. Kaxxa waħda biss minn dawn il-ħames approvazzjonijiet ma ġietx implimentata eżatt quddiem id-dar tal-persuna b’diżabbilta’ skont il-polza. Transport Malta ħadet passi mmedjati sabiex jiġi tranġat dan l-iżball li kien qed joħloq tbatija lill-persuna b’diżabbilta’.

reserved parking bays – persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għadhiex tinsisti li biex tiġi approvata reserved parking bay għal persuni bi bżonnijiet speċjali, dak li jkollu l-blue card fuq ismu, irid ikun ukoll l-applikant għal tali reserved parking?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jiġi approvat parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbilta’ għal perjodu ta’ sena li jiġġedded, l-applikant jew il-persuna b’diżabbilta’ għal min tkun qed issir l-applikazzjoni, irid ikollu Disabled Blue Card valida fuq ismu.

Transport Malta – Kap Eżekuttiv — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta l-kuntratt tal-impjieg tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jindika x’inhuma l-kredenzjali tal-individwu li wasslu biex hu jintgħażel għal din il-pożizzjoni? Jikkonferma li ma saret ebda sejħa pubblika għal dan il-post?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3910.

Proġetti ta’ toroq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li dan il-Gvern mhux se jaħdem fuq proġetti ta’ toroq ġodda? Jista’ jikkonferma jekk il-Ministru (jew persuna f’ismu) talabx lill-kunsilli lokali b’maġġoranza Laburista sabiex ma jagħmlux talbiet biex isiru toroq ġodda fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-toroq ġodda li jaqgħu taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta saru, qed isiru u se jibqgħu jsiru skont il-programm ta’ xogħol li qed jiġi mfassal u aġġornat. Ta’ min wieħed iżid li wara l-konsultazzjoni mal-kunsilli lokali żdiedu, mhux naqsu, toroq ġodda oħrajn. Niċħad li qatt għidt lil xi kunsilli lokali partikolari sabiex ma jsirux talbiet għal toroq ġodda, u mhux infurmat li xi persuna f’ismi qalet dan.

Transport Malta – użu ta’ karozzi personali

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 4223, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li bdew jirċievu l-car allowance minn wara t-12 ta' Marzu 2013 għax fir-risposta tas-7 ta' Ottubru 2013 din l-informazzjoni ma ġietx sottomessa?

Response (MIZZI, JOE)

Nerġa’ nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4223, għax fil-fatt din l-informazzjoni kienet ġiet sottomessa.

Bormla – Spiża fuq proġett

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 4216, jista’ l-Ministru jagħti rendikont iddettaljat tan-nefqa f’xiri ta' materjal u n-nefqa f’kiri ta' inġenji, separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:- Infieq fuq xiri ta’ materjal €291,212.12 Infieq fuq kiri ta’ inġenji €18,914.00 Ta’ min jgħid li l-figuri hawn fuq mogħtija huma differenti minn dawk li ingħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4216 minħabba li x-xogħol baqa’ għaddej b’rittmu mgħaġġel ħafna.

Toroq – programm ta’ major patching

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 4215, jista’ l-Ministru jgħid kemm sar major patching fl-aħħar sitt xhur ta' qabel it-12 ta' Marzu 2013 u fl-ewwel sitt xhur ta' wara t-12 ta' Marzu 2013? F'liema toroq sar il-major patching hawn fuq imsemmi, kemm-il metru kwadru ta' major patching sar u kemm intefqu flus għal dan il-major patching li saru fil-perijodi hawn fuq imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ xogħlijiet mitluba. Qed inpoġġi wkoll lista ta’ major patching li saru f’sena sħiħa fl-2008 liema xogħlijiet kienu jammontaw għall- €46,613.50 li jikkontrastaw bil-kbir mas-somma li diġà intefqet minn din l-amministrazzjoni f’perjodu ta’ seba’ (7) xhur li tammonta għal €109,232.09.

Traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu t-traffic lights li għandna madwar Malta, lokalità lokalità? Kemm ilhom f'posthom dawn l-istess lights? Billi qed jingħad li saru aġġustamenti għal dawn il-lights, għal dak li jikkonċerna l-kontroll tat-traffiku, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn il-lights ġew aġġustati, u kif? Meta sar dan l-istess aġġustament? Fiex kien jikkonsisti dan il-bdil li seħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ traffic lights li għandna madwar Malta, lokalità lokalità, u kemm ilhom f'posthom dawn l-istess lights. Jien infurmat li ġew aġġustati s-sistema ta’ traffic lights tal-junction bejn Triq Labour, kantuniera ma’ Vjal Santa Luċija, u kantuniera ma’ Vjal Sir Paul Boffa, Marsa u s-sistema ta’ traffic lights tal-junction bejn Triq l-Imrieħel u Triq l-Imdina, Birkirkara. Dan l-aġġustament sar fuq bażi tar-riżultati tal-queues, delays and traffic count surveys li saru f’dawn il-junctions. Dawn l-aġġustamenti saru skont il-bżonn sabiex dawn il-junctions jaħdmu bl-aktar mod effiċjenti. Il-bdil li seħħ kien fil-ħinijiet tal-programm fejn żdiedu jew naqsu xi sekondi skont ir-riżultati tas-surveys li saru.

Ministeru għat-Trasport — reklamar u public relations

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, fuq reklamar jew public relations mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn? F'liema media sar dan ir-reklamar u permezz ta' liema aġenzija jew kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

toroq residenzjali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-programm ta' diversi xogħlijiet fuq toroq residenzjali li kien ilu għaddej b’ritmu mgħaġġel għal dan l-aħħar erba’ snin hux se jibqa’ għaddej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tkompli bil-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali. Dan sabiex il-Gvern ikollu kontroll tax-xogħol li jsir kif suppost u bl-inqas inkonvenjent u dan biex ma jerġax jiġri kif ġara mill-amministrazzjoni preċedenti. Hija priorità li meta jibda xogħol fuq triq, sakemm ma jinqalawx problemi li ma jkunux previsti, dan l-istess xogħol għandu jibda u jitkompla mingħajr interruzzjonijiet u jsir dejjem bl-inqas spejjeż possibli u ta’ kwalità.