Il-gvern jinsab f'qagħda li jikkwantifika kiemm qed isiru transazzjonijiet permezz tal-E-commerce (Electronic Commerce) ġewwa jew minn pajjiżna? X'qed isir minn naħa tal-gvern biex jippromwovi l-firxa ta' dan it-tip ta' kummerċ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi mhux f'pożizzjoni jikkwantifika kemm qegħdin isiru transazzjonijiet permezz ta' l-Electronic Commerce.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-gvern biex isaħħaħ il-liġi tal-copyright?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sa l-aħħar ta' din is-sena, l-Gvern beħsiebu jressaq żewġ abbozzzi ta' liġijiet; wieħed li jissotitwixxi l-liġi eżistenit dwar il-Copyright u l-ieħor li jkun kumplimentari billi jsaħħaħ is-setgħat tad-Dwana. Fiż-żewġ każijiet ser jissaħħu d-drittijiet ta' l-awtur sabiex Malta tkun konformi mal-provvedimenti relevanti tal-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar Aspetti tal-Proprjeta' Intelletwali relatati mal-kummerċ, magħrufa bħala 'TRIPS',
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal għar-riżenja tas-CEO fil-Korporazzjoni Enemalta? Se jiġi ngaġġat ħaddieħor? Min qed jaqdi din il-funzjoni bħalissa? Iċ-Chairman għandu rwol eżekuttiv jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 8267. Bħalissa d-dmirijiet ta' Chief Executive Officer qed jiġu assunti miċ-Chairman. Huwa l-ħsieb tal-Korporazzjoni li din il-kariga timtela'.
Jista' l-Ministru jgħid it-tħabbira ta' l-avviż "No Smoking" fuq il-vapuri tal-Gozo Channel kemm ġiet tiswa? Lil min isir il-ħlas? Isir xi ħlas għal kull darba li ssir din it-tħabbira fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Lil min jitħallsu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-tħabbira msemmija fuq il-vapuri tal-Gozo Channel kienet audio recorded b'lingwi differenti u saret fl-1993. Ix-xogħol fuq dan ir-recording, li kien jinkludi żewġ tapes, ġie jiswa Lm120 u l-pagament sar lill-independence Print. Ma jsir l-ebda ħlas kull darba li ssir it-tħabbira peress li din hija rrekordjata.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-Ministeru? Jista' jgħid ukoll jekk is-Segretarju Parlamentari huwiex jagħmel użu minn mobile phone? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fiż-żewġ każijiet kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Marzu 1999? Jista' wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li fl-1999 mhix xi ħaġa straordinarja, u żgur li hekk għandu jkun, li Ministru u Segretarji Parlamentari jkollhom użu ta' 'mobile phone'.
Jiena nfurmat li bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-aħħar ta' Marzu 1999 in-nefqa fuq iż-żewġ mobile phones li nagħmel użu minnhom jien kienet ta' Lm533.17c.
Iż-żewġ Segretarji Parlamentari fil-Ministeru tiegħi jagħmlu użu minn mobile phone kull wieħed. In-nefqa fuq dawn iż-żewġ mobile phones matul l-istess perjodu kienet ta' Lm422.01c.
Billi ħafna wires tat-telephone qegħdin fuq il-bjut ġewwa Triq l-Imradd, Ta' Xbiex, u jidher li m'hemmx bżonnhom u qegħdin ta' inkonvenjent għar-residenti, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir dwar dan?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-inkonvenjent tal-wires tat-telefon li qegħdin fuq il-bjut fit-triq imsemmija, qed jiġi mistħarreġ u jekk ikun il-każ jittieħdu l-passi biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata. Tajjeb jingħad li l-biċċa l-kbira tal-wires li għalihom qed issir referenza, qed jipprovdu s-servizz u għalhekk mhux il-każ li jingħad li 'm'hemmx bżonnhom'.
Jikkonferma l-Ministru li l-kap preżenti tal-Legal Affairs Section tal-Maltacom huwa n-nutar li ismu qed jintbagħat separatement? Minn meta ilu jokkupa din il-kariga?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna li għaliha qed issir riferenza ġiet impjegata bħala avukat fil-grad ta' Assistant General Manager (Legal Afffairs) b'effett mis-26 ta' Mejju 1997. B'seħħ mill-15 ta' Jannar 1998, wara l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern, il-persuna msemmija ġiet riabilitata bħala Nutar Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li wieħed mir-rekwiżiti għall-eliġibbilta' ta' dawk li xtaqu japplikaw għall-post ta' kap tal-Legal Affairs Section fil-Maltacom, l-aħħar darba li ħarġet is-sejħa, kienet li dak li jintgħażel kellu jkun avukat prattikanti? Jekk dan hu veru, kif inhu possibbli li dak li ntagħżel matul l-amministrazzjoni preċedenti huwa nutar li għadu sal-lum jaħdem fl-istess ħin ta' nutar bl-uffiċċju professjonali tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li f'April 1997 kienet saret sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' post ta' Assistant General Manager (Legal Affairs). Il-persuna li ngħażlet kellha l-kwalifiki u r-rekwiżiti kollha mitluba.
Peress li l-Maltacom kellha ħafna xogħol ta' kuntratti, l-assistant General Manager (Legal Affairs) ingħata permess jutilizza l-warrant ta' nutar pubbliku li kellu fil-passat bil-patt illi x'ħin trid il-Kumpanija tista' titolbu jirrinunzja għal din il-warrant ta' nutar. Bis-saħħa ta' dan, il-Kumpanija ntroduċiet metodi effiċjenti sabiex tirkupra l-arretrati kbar li kellha billi, inter alia, introduċiet il-kuntratt magħruf bħala 'kostituzzjoni ta' debitu' fis-sistema tagħha. Dawn il-kuntratti, flimkien ma' kuntratti oħra, ġew ippubblikati minn din il-persuna.
Rigward xogħol barra l-ħinijiet uffiċjali tal-Kumpanija, tajjeb jingħad li peress li l-funzjoi ta' nutar hi dik ta' uffiċjal pubbliku skond l-Artiklu 11(1) ta' l-Att dwar il-Professjoni Notarili u Arkivji Notarili (Cap 55.), nutar pubbliku huwa obbligat jagħti s-servizzi mitluba lilu.
Issa li l-Mid-Med Bank ma għadux taħt il-kontroll tal-gvern, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm ingaġġ fil-futur ta' ħaddiema żgħażagħ Maltin? Se jibqa' jsir l-eżami kompetittiv jew sabiex tidħol bħala impjegat trid ikollok xi kwalifiki oħra barra dawk akkademiċi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma naħsibx li l-fatt li azjenda li tkun taħt il-kontroll tal-Gvern u tiġi privatizzata jkun ifisser li din mhux ser tibqa' fil-bżonn li timpjega aktar ħaddiema żgħażagħ Maltin hekk kif jinħass il-bżonn, hekk kif sar fil-passat.
Naturalment il-mod preċiż ta' kif isir dan l-ingaġġ jiddependi mis-sistema partikulari implimentata mill-management ta' din l-azjenda, liema materja ma tappartjenix aktar lill-Gvern.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7468, jista' l-Ministru jgħid kif għalqet is-sena finanzjarja 1996 tal-Gozo Channel, jiġifieri dik is-sena saru profitti jew sar telf mill-kumpannija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena finanzjarja 1996, li għalqet f'Settembru, il-Kumpanija Gozo Channel irreġistrat telf.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7882, jista' l-Ministru jagħti l-listi ta' nies li qegħdin fuq bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt it-responsabbilta' tiegħu skond kull bord?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm infetħu fabbriki ġodda din is-sena? Kemm jimpjegaw nies?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-perjodu bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena, ma fetħet l-ebda fabbrika ġdida.
Tajjeb jingħad li l-ftuħ ta' fabbriki ġodda huwa marbut ma' ħidma li trid tkun saret fuq medda ta' żmien qabel. Dan il-fatt juri biċ-ċar kif il-Gvern preżenti wiret sitwazzjoni xejn feliċi f'dan il-qasam
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tax-xejriet tal-personal savings ratio tal-pajjiż (quarter - quarter) mill-1.1.96 'il quddiem?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Personal Savings Ratio jinħadem fuq bażi ta' sena u mhux fuq bażi ta' quarter. Iċ-ċifri relattivi għall-aħħar tlitt snin huma kif ġej:
1996 9.8 fil-mija
1997 8.1 fil-mija
1998 (stima) 6.6 fil-mija
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-proposti tal-gvern lill-korpi kostitwiti għat-tneħħija tal-levies protettivi? Jista' jindika t-time-tables speċifiċi li ġew proposti settur b'settur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-proposti li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant għadhom fi stadju preliminari fejn il-Gvern qed jistenna l-kummenti tal-korpi kostitwiti.
Għaldaqstant ma nħossx li jkun għaqli li dawn il-proposti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra qabel ma jiġu ffinalizzati taħt forma ta' rapport definittiv.
Jista' l-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsijiet parlamentari numru 7197 u 7000 li saru f'Mejju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Rigward il-Mistoqsija Parlamentari numru 7000, jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma investigat il-provvista ta' l-ilma fil-garaxxijiet imsemmija. Minn din l-invetigazzjoni irriżulta li m'hemm l-ebda garaxx fi Sqaq Rajżi li għandu l-provvista ta' l-ilma iżda m'għandux meter. F'din l-akkwata hemm pressjoni adegwata ta' ilma u l-Korporazzjoni ma' taf bl-ebda problema ta' nuqqas ta' ilma fil-viċinanzi.
Dwar l-Early Retirement Scheme li għaliha sarer referenza fil-mistoqsija numru 7197, jiena nfurmat li l-Maltacom kienet ħarġet ittra ċirkulari datata 5 ta' Mejju 1999 u li kienet intbagħtet lill-ħaddiema tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx talbiet għal bozoz ġodda f'Santa Luċija? Jekk iva, f'liema toroq hemm it-talbiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta għandha talbiet għall-istallazzjoni ta' bozoz ġodda fit-toroq segwenti ta' Santa Luċija.
Triq Klemantis, Triq il-Kahwiela, Triq ir-Rand, passaġġ bejn Triq Inez Soler u Triq Lellux, Triq il-Margeriti, Triq Bwieraq kantuniera ma' Triq Għeneb id-Dib, Triq Tursin il-Bir (quddiem Blokk A), Binja tal-Faqqani, passaġġ bejn Triq it-Tulipani u Triq iż-Żinnija, Trejqet iż-Żahar, Triq Gardenja kantuniera ma' Dawret it-Torri, Triq tal-Barrani, Triq il-Girasol\Triq Ineż SOler, Triq Żnuber (ħdejn it-taraġ tal-pjazza), Dawret it-Torri (quddiem iċ-ċentru tal-ħwienet), Vjal l-Ewropa (daħla ta' Santa Luċija), Triq tal-Barrani (ħruġ u dħul ta' Santa Luċija), triq ħdejn il-Junior Lyceum, Triq Begonja kantuniera ma' Dawret it-Torri, Triq Begonja kantuniera ma' VJal l-Oleandri, Trejqet ta' Ġarnaw u Triq il-Qoton.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat tinstab Villa Portelli ġewwa l-Kalkara wara l-bidla fil-gvern f'Settembru 1998? Jista' jgħid x'sar bħala manutenzjoni minn Settembru 'l hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma hemm xejn ġdid fl-istat ta' Villa Portelli minn Settembru 1998 'l hawn. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' tiswijiet meħtieġa, dawn jiġu indirizzati kull meta jinqala l-bżonn. Rigward manutenzjoni, sar dak kollu li kien meħtieġ, inkluż manutenzjoni tas-soqfa, il-ġonna, tiswijiwt ta' aperturi u xogħol simili. Dan ix-xogħol jibqa' jsir fuq bażi ta' rutina.
Peress li xi ġimgħat ilu f'risposta parlamentari l-Ministru kien qal li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jinħarġu f'April li għadda, jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fid-dawl ta' dan id-dewmien? X'kienu r-raġunijiet għal dan id-dewmien? Jista' l-Ministru jassigura li l-kontijiet jibdew joħorġu biex mhux imbagħad jaqgħu kollha f'daqqa għand il-konsumatur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa' bagħtet 90,000 kont tad-dawl u l-ilma għall-konsum domestiku. Dawk relattivi għall-konsum kummerċjali diġa' intbagħtu. Hu mistenni li sa l-ewwel ġimgħa ta' Lulju ikunu ntbagħtu l-kontijiet kollha. Naturalment il-kontijiet huma bir-rati mraħħsa wara r-reviżjoni li saret mill-amministrazzjoni preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' domestic exports lejn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena mill-1990 sa l-1995?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ammont ta' 'domestic exports' lejn pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena mill-1990 sa l-1995, huwa kif ġej:
SENA AMMONT
Lm 000
1990 262,005
1991 301,433
1992 350,881
1993 355,292
1994 415,464
1995 457,239