Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - crossing

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10230 u jitlob lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar biex jieħu l-passi neċessarji ħalli fi Triq San Pawl, in-naħa tal-Veċċja, xi mkien qrib iż-żewġ bus stops li hemm qabel tibda t-telgħa, tkun tista' ssir zebra crossing, possibbilment pelican crossing, biex in-nies li joqogħdu fl-inħawi jkunu jistgħu jaqsmu mingħajr periklu żejjed għalihom, kif ukoll għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn hemm hekk?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.

Kunsilli lokali – bye-laws

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10233, billi fil-każ tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar kien hemm ħafna coverages tal-medja dwar suppost bye-laws li kellhom jiġu ppubblikati, u dwarhom inżammu wkoll laqgħat pubbliċi, jista' l-Ministru jikkonferma li fil-fatt id-dipartiment qatt ma kien infurmat b'dawn l-istess bye-laws?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma rċeviex proposti ta’ bye-laws kif imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Kunsilli lokali — proġetti ta' restawr

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10234, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-perijodu msemmi fid-domanda kienx hemm xogħol ta' restawr li sar mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, u li ġie inawgurat f'dawn il-jiem? Meta sar dan ix-xogħol? Min wettqu? Għal dak li jikkonċerna x-xogħol imsemmi mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jista' jagħti tagħrif dwar min wettaq ix-xogħol u kemm ġie jiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa li meta saret il-mistoqsija ma kien għaddej ebda xogħol ta’ restawr kummissjonat minnu. Madankollu fl-istess żmien, saret sejħa għall-offerti għar-restawr tal-Għajn tal-Mellieħa, liema sejħa kienet tagħlaq fis-7 ta’ Lulju 2014. Ix-xogħol fuq il-proġett twettaq fil-parti l-kbira tiegħu u kien inawgurat kif ppjanat fis-7 ta’ Awwissu 2014. Kien hemm żewġ offerti u l-kuntratt ingħata lill-offerent Salamanda Ltd. Intant infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li r-restawr fuq il-Ġiebja tad-Dejma sar mis-Sur Antoine Borg u sewa €1,100 filwaqt li r-restawr fuq l-istruttura tal-Erba’ Mwieżeb sar ukoll mis-Sur Antoine Borg u sewa €590.

Kunsilli Lokali — każijiet ta' press events

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' press events mill-kunsilli lokali jew mal-kunsilli lokali tas-7, d-9 u t-12-il distrett elettorali matul din is-sena? Min kien mistieden biex jattendi għal dawn l-istess press events? Min, mill-kunsilli lokali rispettivi kien mistieden biex jattendi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl’informazzjoni hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.

San Pawl il-Baħar – rapporti dwar ġrieden

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm u meta l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar irċieva rapporti dwar ġrieden fit-toroq tal-lokalità? X’passi ttieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minn Jannar 2014 sallum il-Kunsill irċieva 38 rapport dwar bżonn ta’ rat infestation, liema rapporti tgħaddew lid-Direttor tas-Saħħa Ambjentali.

Buġibba – Rapporti ta’ ħmieġ fil-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm, jekk kien hemm, rapporti ta’ ħmieġ fil-baħar, fl-inħawi tal-pjazza ta’ Buġibba, fid-29 ta’ Awwissu 2014? Jekk kien hemm, x’passi ttieħdu mill-kunsill lokali dwar dawn l-istess rapporti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill rċieva żewġ rapporti ta’ ħmieġ fil-baħar, fl-inħawi tal-pjazza ta’ Buġibba, kif indikat mill-Onor. Interpellant, liema rapporti l-Kunsill għaddiehom lid-Dipartiment konċernat.

San Pawl il-Baħar – Ċitazzjonijiet mill-wardens

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar f’liema ħinijiet hu permessibbli li l-wardens jagħtu ċ-ċitazzjonijiet f’San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Persważ li l-Onor. Interpellant jifhem u konxju li l-ħarsien u l-infurzar tal-liġi m’ għandhomx limitazzjonijiet ta’ ħin irrispettivament mill-lokalitajiet u minn min jinforza.

San Pawl il-Baħar – Ċaqliq ta’ skips

Question

Jista’ l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm skips, kemm dawk ta’ fuq ir-roti u dawk li huma weqfin ba roti, fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar li jew tneħħew, jew ġew imqiegħda f’post ieħor, matul dawn l-aħħar tliet xhur? X’kienet ir-raġuni għal dan iċ-ċaqliq?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kien hemm żewġ Bring-In-Sites li tneħħew, waħda fi Triq il-Wileġ u oħra fi Triq Raddet ir-Roti. Dik fi Triq il-Wileġ tneħħiet wara li uħud mill-kontenituri tkissru, u anke peress li kien qed jintefa’ ammont konsiderevoli ta’ skart madwarhom. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ser jiddeċiedi jekk għandux jerġa jkun hemm Bring-In-Site f’din it-triq. Il-Bring-In-Site fi Triq Raddet ir-Roti tneħħiet peress li hemm Bring-In-Site oħra ferm viċin ħdejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

L-Imbordin/San Martin – linji fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-possibilità li fit-triq li tieħu mill-cross road ta’ l-Imbordin San Martin, fit-triq kollha li twassal saż-Żebbiegħ, jinżebgħu linji fin-nofs tat-triq li jservu ta’ indikazzjoni għal min ikun tiela’ u nieżel minn din l-istess triq peress li qed ikun hemm inċidenti tat-traffiku b’mod regolari ħafna?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-isem proprju tat-triq u jiprovdi wkoll site-plan tagħha. Dan peress li l-inħawi tat-triq huma rurali u mifruxa sew, u allura jista’ jkun li t-triq li qed jirreferi għaliha tkun f’xi arterja jew inkella taqa’ fir-responsabbiltà ta’ aktar minn Kunsill Lokali wieħed.

Kunsilli lokali – laqgħat imħassra

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10343, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm okkażjonijiet fejn kunsilli lokali ħassru l-laqgħat tagħhom matul l-aħħar 18-il xahar? Liema kienu l-kunsilli li ħassru dawn l-istess laqgħat? X’kienet ir-raġuni għal dan? X’tip ta’ investigazzjoni għamel id-dipartiment biex jassigura li ma jkunx hemm abbużi ta’ dawn il-posponimenti u tħassir ta’ laqgħat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il - Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Seminar fil-Palazz ta’ Verdala

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir is-seminar li kellu jsir fl-ewwel jiem ta' Lulju fil-Palazz tal-Verdala, liema seminar ġie pospost minħabba hekk imsejħa "raġunijiet loġistiċi"?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lil-Onor. Interpellant għall-mistoqsija Parlamentari 10071.

Ħal Kirkop – xogħlijiet fil-pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop milli jkompli u jlesti x-xogħlijiet fil-pjazza ta’ wara l-knisja parrokkjali? Jista’ jgħid min hu l-perit li qed jieħu ħsieb il-proġett inkwestjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li x-xogħol fuq il-proġett fi Pjazza Żernieq, huwa lest. Madankollu d-dawra tal-ġnien għada bla tarmak. Infurmat li l-Kunsill Lokali talab lil Transport Malta biex isir dan it-tarmak, iżda s'issa għadu ma ħa l-ebda rispons konkreta. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Kunsill Lokali jħoss li l-Pjazza ma tistax tinfetaħ qabel jitlesta t-tarmak. Il-perit tal-Kunsill, Toni Bezzina, huwa nkarigat minn dan il-proġett.

Monumenti (tempji)

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi pjanti partikolari biex iktar monumenti u tempji li għandna f'pajjiżna jitgħattew bħalma ġara f'tempji oħra? Jekk iva, liema tempji mistennija jitgħattew? F'liema stadju wasal il-proċess marbut ma tali xogħol? Minfejn hu mistenni li jiġu ffinanzjati dawn il-proġetti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qed jagħmel referenza għat-tempji Preistoriċi, ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-unika monument li prezentement qed jigi ppjanat li jitgħatta huwa dak tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Il-preparamenti għal dan ix-xogħol waslu fl-aħħar u fix-xhur li ġejjin tibda l-implimentazzjoni. Ix-xogħol, li jitlesta s-sena d-dieħla, ġej jiswa madwar €2.4 miljun u huwa ko-finanzjat (85%) mill-Fond Ewropew ghall-Izvilupp Regjonali.

In-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10302 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10219, jista’ jgħid fiex se jkunu qed jikkonsistu x-xogħlijiet fil-proġetti msemmija (wieħed wieħed) għal-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Medja tal-Kamra. Mal-proġetti elenkati fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10219, kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u tan-Naxxar, l-Onor. Interpellant għandu wkoll lista tal-proġetti kif provduta issa mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jevalwa s-sitwazzjoni ta’ din it-tweġiba fid-dawl tat-tweġiba oriġinali li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien ta għall-mistoqsija parlamentari 10219.

In-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10301 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10219, jista’ jelenka kemm se jkunu qed jiġu jiswew (wieħed wieħed) il-proġetti msemmija li se jsiru fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar, liema proġetti ġew identifikati fl-istess risposta?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Medja tal-Kamra. Mal-proġetti elenkati fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10219, kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u tan-Naxxar, l-Onor. Interpellant għandu wkoll lista tal-proġetti kif provduta issa mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jevalwa s-sitwazzjoni ta’ din it-tweġiba fid-dawl tat-tweġiba oriġinali li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien ta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10219.

Qrati ta' Malta — Sms alert dwar każijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-Qrati użaw is-sistema tal-SMS Alert biex jawżaw lill-persuni li suppost ikollhom jidhru quddiem il-Qorti li l-każ tagħhom kien ġie diferit? Kemm kien hemm okkazjonijiet li fihom, minkejja li kien se jkun hemm differiment dawk konċernati baqgħu ma ġewx avżati, u dan minn mindu ddaħħlet is-sistema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħotija mill-Qrati tal-Ġustizzja, kemm ilha li ġiet introdotta is-sistema tal-SMS meta kawża tkun ġiet differita’ mil-21 t’Ottubru 2013 intbagħtu 6660 avviż. Kien hemm 11,123 li ma nbagħtilhomx SMS u dan għar-raġuni li jew l-avukat tal-parti, jew il- Prokuratur Legali jew xi ħadd mill-partijiet f’kawża m’applikax biex jingħata dan is-servizz. Nappella biex kull min hu interessat li jgawdi minn dan is-servizz bla ħlas jagħmel dan bla dewmien.

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — talbiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti quddiem id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, minn kunsilli tat-12-il distrett elettorali biex jiġu approvati xogħlijiet fil-lokalitajiet imsemmija? Liema huma dawn ix-xogħlijiet u kemm ilhom hekk pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Niltob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x’tip ta’ xogħlijiet qed jirreferi għalihom. Dan peress li fid-dawl tal-awtonomija tagħhom, il-kunsilli lokali jistgħu jieħdu bosta inizjattivi mingħajr xi approvazzjoni partikolari, dejjem dment li tkun fil-parametri tal-liġi u r-regolamenti.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda’ xogħol lill-kumpaniji msemmija separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ dan il- Ministeru.

Kunsilli Lokali tat-12-il Distrett Elettorali – vetturi mixtrija/mikrija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ vetturi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’xiri, kiri jew xi forma oħra, kull wieħed mill-Kunsilli Lokali tat-12-il distrett elettorali? Kemm ilhom għand il-kunsilli dawn l-istess vetturi? X’użu qed isir minnhom, kemm swew biex inxtraw jew inkrew, u b'liema mod ġew għand il-kunsill partikulari?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal- Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.