Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti figuri, lokal b'lokal, skond l-eta' tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol fix-xhur ta' Marzu u April, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Minħabba li l-istatistika ta' April għadha ma ġietx ippubblikata, l-informazzjoni mitluba għax-xahar ta' April ma ngħatatx.

Dar ta' l-anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-lifts li twaħħlu fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jara li l-anzjani ma jibqgħux ibatu l-inkonvenjent li l-lifts iktar bil-ħsara milli jaħdmu? X'inhi r-raġuni għal din il-ħsara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-"lifts" stallati fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla ġew jiswew madwar Lm60,000. Veru li kien hemm xi problemi tal-bidu li wasslu biex dawn il-"lifts" ġieli waqfu ta' spiss, pero' issa li nstabet ir-raġuni u ttieħdet l-azzjoni neċessarja, dan l-inkonvenjent ġie eliminat kważi għal kollox. Ir-raġuni prinċipali għaliex il-"lifts" kienu jieqfu kienet li ż-żejt tal-"hydraulic" kien jisħon u kienet topera t-"thermal cutout" li hija waħda mill-protezzjonijiet tal-"lift". Iż-żejt kien jisħon għal żewġ raġunijiet prinċipali: i. il-vultaġġ tas-supply elettriku kien pjuttost għoli u dan issa ġie mnaqqas minn naħa tal-EneMalta; ii. iż-żejt tal-"hydraulic" ma kienx qed jiksaħ biżżejjed permezz tal-"air type coolers" li kellhom il-lifts u għalhekk dawn issa ġew mibdulin f'"water type coolers". Hawnhekk ta' min iżid li dan il-bdil ma nvolva ebda spejjeż oħra.

Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk daħlitx fis-seħħ il-parti tal-liġi Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b'Diżabilita' li tintitola persuna biex tintegra fil-qasam tax-xogħol? Jekk iva, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawk il-persuni b'diżabilita' li sabu x-xogħol mill-ETC? X'kien ix-xogħol li ngħataw mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Taqsima V ta' l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita'), jiġifieri dik il-parti li tirrigwarda l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', daħlet fis-seħħ fl-10 ta' Frar 2000, permezz ta' Avviż Legali Nru. 25 ta' l-2000. Il-kumplament ta' din il-liġi mistennija tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2000 skond il-parir ta' l-imsemmija Kummissjoni wara li din għamlet konsultazzjoni wiesgħa f'dan ir-rigward.

Impjiegi — Nursing aides

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14020 kif imwieġba fil-21 ta' Frar, 2000, jista' l-Viċi Prim Mnistru jinfurmana meta dawn it-tliet health assistants se jiġu appuntati bħala nursing aides?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taħditiet mal-Management and Personnel Office biex dawn it-tliet Health Assistants jiġu appuntati bħala Nursing Aides għadhom sejrin.

ETC — Self-employed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' self-employed li waqfu mix-xogħol għal xi perijodu ta' żmien matul dawn l-aħħar tliet snin (1996-1999) u rreġistraw għax-xogħol? X'kien l-average tal-perijodu ta' dan iż-żmien matul dawn it-tliet snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-Mistoqsija ser tiġi mwieġba aktar tard minħabba li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Benefiċċji soċjali — Self-employed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa stmat li tħallsu benefiċċji soċjali għar-rigward ta' mard lis-self-employed li rrapportaw sick matul dawn l-aħħar ħames snin 1994-1999? Kemm kien l-average ta' ġranet li ġew claimed minn din il-kategorija u kemm mill-kategorija ta' self occupied?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuni li jaqilgħu anqas minn Lm390 fis-sena u jaħdmu għar-rashom (self-employed) ma jkunux intitolati għall-benefiċċju tal-mard. Persuni li jaqilgħu aktar minn Lm390 fis-sena huma kkunsidrati bħala 'self-occupied' u huma ntitolati għall-benefiċċju tal-mard. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba sal-1998. L-informazzjoni għal-1999 għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.

Naxxar — Triq Ġibilta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex mill-aktar fis possibbli jiġi pavimentat il-parti taħt it-taraġ ta' barra ta' Blk 4, fi Triq Ġibilta', Naxxar? Jekk dan ma jistax isir, x'inhi r-raġuni li x-xogħol ma tkompliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt dan il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Pensjoni tas-Servizzi Ingliżi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hux il-ħsieb tal-gvern li titkompla r-riforma mibdija taħt gvern Laburista preċedenti fil-pensjoni tas-servizzi Ingliżi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet tiegħi dwar dan is-suġġett fil-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 6278 u Numru 12069.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex xebba li tgħix waħida d-dar - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - f'dawn l-aħħar tliet xhur inqatgħalha r-relief? Jista' jinvestiga u jħaffef dan il-każ peress li din il-persuna tinsab fi bżonn kbir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha dwar il-każ mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Beijing — Konferenza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu l-membri fuq il-delegazzjoni li marret Beijing fl-1995 għall-konferenza dinjija tan-nisa organizzata mill-Ġnus Magħquda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-delegazzjoni Maltija għar-raba' Konferenza Dinjija kienet immexxija mill-Onor. Giovanna Debono, Segretarja Parlamentari, Ministeru għall-Iżvilupp Soċjali. Il-membri l-oħra tad-delegazzjoni kienu dawn li ġejjin: E.T. Mr Victor J. Gauci, Ambaxxatur taċ-Ċina E.T. Dr Joseph Cassar, Ambaxxatur għall-Missjoni Permanenti Maltija tal-Ġnus Magħquda Ms Angela Callus Mr Giovanni Miceli Dr Joseph Pirotta Ms Joanna Darmanin Ms Bernadette Borda Dr Lorraine Schembri Orland Ms Carmen Callus Ms Ceclia Xuereb (NGO)

Beijing — Konferenza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se tintbagħat delegazzjoni għall-konferenza tal-Ġnus Maqgħuda Beijing+5? Jekk iva, min se jkunu l-membri tad-delegazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-delegazzjoni għall-Konferenza tal-Ġnus Magħquda Beijing+5 hi mistennija li tkun magħmula mill-Onor. Helen D'Amato (Chairperson - Kumitat għall-Affarijiet Soċjali), Ms Simone Vella (Chairperson -Kummissjoni Għall-Avvanz Tal-Mara), Ms Christine Theuma (Policy Co-ordinator - Ministeru għall-Politika Soċjali).

Impjiegi — Leave/bonus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk hux possibbli li l-part-timers ma jibqgħux ibatu inġustizzja fis-sens illi għar-rigward ta' benefiċċji, bħalma huma vacation leave, bonus, eċċ ma jibqax jingħata fil-każ fejn l-ammont ta' sigħat huma ta' aktar minn 20 siegħa, iżda jibdew jingħataw a bażi ta' persentaġġ ta' sigħat li jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġett tal-Mistoqsija qed jiġi kkunsidrat fil-proċess ta' tibdil meħtieġ fil-liġi li tirregola l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, liema proċess jinvolvi diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.

Persuni b'diżabilita' mentali — Pensjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14597, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li għal persuni mentalment disabled li ma jħallsux kera, il-pensjoni/allowance tieqaf wara sitt xhur mid-dħul tagħhom fl-Isptar Monte Carmeli? Jista' l-Ministru jikkjarifika wkoll għal-liema rapport qiegħed jirriferi fl-aħħar sentenza tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14597?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14597 kien intqal ċar li wara l-ewwel sitt xhur mid-dħul tagħhom fl-isptar, il-Pensjoni tinbidel f'Allowance. Rigward ir-rapport imsemmi fl-istess risposta, dan huwa r-rapport li obbligat jagħmel il-kuratur tal-persuna biex jinforma lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li l-persuna daħlet l-isptar u ilha aktar minn sitt xhur hemmhekk. Ir-rapport jista' jkun ukoll dak li normalment isir wara, mill-isptar, li jinforma 'l-imsemmi Dipartiment bl-istess ċirkostanzi tal-persuna.

Export Refunds

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'impatt se jkollhom fuq is-soċjeta' Maltija t-telf ta' l-export refunds fuq iċ-ċittadini li jiddependu mill-benefiċċji soċjali? Peress li jirriżulta li fuq l-importazzjoni annwali ta' ħames prodotti biss, li huma laħam aħmar, butir, zokkor, ġobon u ġwiez, tintilef is-somma ta' Lm17 miljun, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif din il-qabża fil-prezzijiet ta' dawn il-prodotti essenzjali ser taffetwa lill-poplu tal-gżejjer tagħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-Mistoqsija tiegħu dwar l-ikel u sħubija fl-UE, l-Onor. Membru jaqbeż żbaljatament għal konklużjoni gratwita. L-Onor. Membru għandu jkollu l-paċenzja jistenna l-eżitu tan-negozjati ta' Malta fl-UE sabiex ikun jaf illi l-gvern preżenti ser jinnegozja pakkett ta' kundizzjonijiet għal sħubija li jkun fl-aħjar interess tal-poplu Malti. Sakemm dan isir, l-Onor. Membru jagħmel ħażin ferm li jaqbeż għal konklużjonijiet bla bażi bi skop uniku li jbeżża' lill-poplu bil-babaw. Kien ikun ferm aħjar li kieku l-Onor. Membru u l-Oppożizzjoni aċċettaw illi jipparteċipaw fl-istruttura mwaqqfa apposta biex janaliżżaw bis-serjeta' dawn l-affarijiet, fosthom il-Kumitat MEUSAC.

EU — TARIC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmana x'impatt se jkollhom is-sistemi tat-TARIC ta' l-Unjoni Ewropea wara li pajjiżna jsir membru ta' l-Unjoni? Jista' jinfurmana kif se jintlaqtu l-familji Maltin u Għawdxin li jiddependu mill-benefiċċji soċjali meta dawn it-tariffi/levies ġodda li timponi l-Unjoni jiġu fis-seħħ f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Membru għadu qiegħed jitħejja.

Għajnuna soċjali — Abbużi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ikkwantifikax l-abbuż li qed isir mill-benefiċċji soċjali? Kemm irriżultaw każi fl-1998, 1999 u 2000 sal-lum fejn dawn ittieħdu minn nies mhux intitolati għalihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għadu kif waqqaf sezzjoni kontra l-abbuż fl-għoti ta' benefiċċji soċjali. Fix-xahar li ilha topera din is-sezzjoni ġew identifikati 'l fuq minn 250 persuna. Peress li din is-sezzjoni ġiet iffurmata din is-sena, m'hemmx statistika ta' kemm nies inqabdu jabbużaw mill-benefiċċji soċjali fis-snin li għaddew.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi pproċessat il-każ dwar pensjoni li bħalissa tinsaba miżmuma ta' anzjana armla li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali bir-raġuni għaliex it-talba tagħha ma tistax tiġi proċessata.