Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3517 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Hold ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm saru hold-ups mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u t-12 ta' Jannar, 1999, il-Pulizija kellha 20-ir-rapport ta' hold up. Barra minn dan kien hemm wieħed li rriżulta li kien rapport falz. Kien hemm rapport ieħor, ta' tentattiv ta' hold up li fih ma nsteraq xejn. 19.01.99
Leg 9 PQ #2978 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Laqgħat ma' sedqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat f'Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru, 1998 bejn sedqa u l-pulizija dwar l-aħjar metodi ta' prevenzjoni li jistgħu jittieħdu ma' adoloxxenti dwar il-kriminalita'? X'kienu l-esperjenzi li ressqu min-naħa tagħhom il-pulizija biex jgħinu jitfasslu inizjattivi ġodda f'dan il-qasam?

Response (BORG, TONIO)

Matul is-sena jsiru diversi laqgħat fejn kemm uffiċjali għolja tas-Sedqa, kif ukoll tal-Pulizija jkunu preżenti. Dawn il-laqgħat jittrattaw diversi suġġetti partikolarment dwar metodi ta' prevenzjoni, dwar l-abbuż u traffikar tad-drogi kif ukoll dwar l-infurzar tal-liġijiet. Saret laqgħa formali f'Ottubru 1998 li għaliha attendew il-Ministri rispettivi. F'dil-laqgħa il-Pulizija ressqu diversi proposti partikolarment dwar il-kundizzjonijiet ġodda li għandhom jirregolaw ir-Rave Parties li l-għan ewlieni tagħhom kienu sabiex jitrażżan l-abbuż u t-traffikar tad-droga. Uħud minn dawn il-proposti ġew diskussi anke f'kumitat tal-Kamra tad-Deputati li għalih attendew uffiċjali ta' Sedqa u l-Pulizija. 18.01.99
Leg 9 PQ #3041 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi għal rave parties

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn permessi għal rave parties fil-lejl tal-25 ta' Diċembru u l-31 ta' Diċembru u x'kienu l-kondizzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellhiex talbiet għall-permessi għal rave parties fil-ġranet speċifikati mill-Onor. Interpellant u għalhekk ma nħarġux permessi. 18.01.99
Leg 9 PQ #3369 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri biex wieħed jagħmel reklamar fit-toroq bħal streamers, notice boards, billboards, eċċ? X'inhuma r-rati għal dawn? Ir-rati jinħarġu skond il-kobor jew skond il-lokalita' fejn ikunu tqegħdu? Hemm xi kriterji għal dawk li jistgħu jiġu eżentati milli jħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tip ta' reklamar li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti hu regolat permezz ta' l-Avviż Legali 171 ta' l-1993 - 'Ordni ta' l-1993 dwar Reklami'. Fost ħwejjeġ oħra l-Avviż Legali jelenka dawk it-tip ta' reklami li m'għandhomx bżonn permess u allura ma jsirx ħlas għalihom. Ninsab infurmat ukoll li r-rati ta' ħlas għal dan it-tip ta' reklamar hu regolat permezz ta' l-Avviż Legali 112 ta' l-1996 - 'Regolamenti ta' l-1996 dwar Rati ta' Taxxi dwar Żvilupp' (Kif amendati bl-Avviż Legali 138 ta' l-1997). Barra minn dawn, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, permezz tal-Policy and Design Guidance - Billboards and Signs, għandha l-linji gwida dwar is-suġġett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-linji gwida. 18.01.99
Leg 9 PQ #3458 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni kollha li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarji paralmentari, fejn dan japplika? Għal kull persuna, jista' l-Ministru jindika d-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom u d-dmirijiet li qegħdin jaqdu bħalissa?

Response (BORG, TONIO)

Qed nehmeż l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar dawk il-persuni f'dawn iż-żewġ Segretarjati Privati li diġa' ffirmaw il-kuntratt/ftehim. Aktar dettalji fuq ir-responsabbilitajiet assoċjati mal-pożizzjonijiet ta' dawn l-individwu jinsabu fid-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru, 1998. Risposta sħiħa għal din il-mistoqsija u għal mistoqsijiet oħra simili tingħata f'xi seduta oħra. 18.01.99
Leg 9 PQ #3475 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Żabbar

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward talba għal permess ta' bini f'art saqwija u agrikola ferm tajba magħrufa bħala Dun Lanza ġewwa Ħaż-Żabbar (PA6738/88)?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma teżisti ebda applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bir-referenza PA 6738/88. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal l-applikazzjoni PA 6738/98, din hija rigward talba għal permess ta' bini f'art viċin Dun Lanza ġewwa Ħaż Żabbar. Dan is-sit hu fl-iskema u l-applikazzjoni hija dwar internal alterations għal permess li kien maħruġ fl-1996. 18.01.99
Leg 9 PQ #3481 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li fis-CCF (Corradino Correctional Facility) għadu kif sar car park ġdid, ċerti impjegati li jaħdmu ġewwa l-ħabs, xorta waħda għadhom jipparkjaw fi Triq Valletta f'Raħal Ġdid, b'konsegwenza li r-residenti ta' din it-triq qed isibuha diffiċli biex isibu fejn jipparkjaw il-vetturi tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta xi mpjegati tal-Ħabs jipparkjaw il-karozzi tagħhom barra l-car park tal-Ħabs, dan ma jsirx b'kapriċċ iżda għax l-istess car park tkun mimlija. 18.01.99
Leg 9 PQ #3501 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' reati rrapportati lill-pulizija fix-xahar ta'Diċembru, 1998 u x'tip ta' reati kienu?

Response (BORG, TONIO)

Iċ-ċifra totali ta' reati għal Diċembru 1998 kienet ta' 1062, u ċioe', tnaqqis ta' 11.13% fuq Novembru 1998, u tnaqqis ta' 3.97% fuq Diċembru tas-sena ta' qabel. It-tagħrif mitlub fid-dettal mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 18.01.99
Leg 9 PQ #3509 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtu? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3458 f'din l-istess Seduta. 18.01.99
Leg 9 PQ #2943 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Swieqi — Traffic lights

Question

Jista' l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jieħu l-passi meħtieġa biex fis-Swieqi jonqsu l-perikli li hemm għal dawk li joħorġu bil-karozza min-naħa tal-Green Grove Guest House u minn taħt il-bridge għal Regional Road? Jistgħu jsiru traffic lights f'dawn iż-żewġ postijiet fis-Swieqi?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 14.01.99
Leg 9 PQ #2961 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni 4801/97

Question

Il-Bord ta' l-Appell ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar meta beħsiebu jikkonsidra s-sottomissjoni dwar l-applikazzjoni 4801/97 biex il-guest house Green Arches fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar tinbidel fi skola li tgħallem l-Ingliż lil barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li Appell Numru 527/98 dwar l-applikazzjoni msemmija, ġie diferit għad-deċiżjoni, wara li l-perit ta' l-appellant, fit-13 ta' Novembru 1998, għamel is-sottomissjonijiet tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li d-deċiżjoni dwar dan, ser tingħata fil-futur qarib. 14.01.99
Leg 9 PQ #3031 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Raħal Ġdid — Ġnien Pawlu Boffa - Ftuħ ta' gabbana

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati biex il-gabbana ta' Ġnien Pawlu Boffa, Raħal Ġdid tinfetaħ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Artijiet, flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, qed jikkunsidraw jekk u liema mill-kundizzjonijiet speċjali fl-aħħar ftehim tal-kirja, li kien sar fl-20 ta' Ottubru 1997, għandux jibqa' responsabbli għalihom il-kerrej prospettiv jew għandhomx jgħaddu taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali. 14.01.99
Leg 9 PQ #3157 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Barrieri tal-qawwi — Grading

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk: (a) hemmx grading tal-materja prima li jipproduċu l-barrieri tal-qawwi; u (b) issir sorveljanza sabiex jiġi stabilit li fil-planki u/jew konkos użat għas-soqfa jintużawx ramel u żrar ta' kwalita' rikjesta?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 14.01.99
Leg 9 PQ #3158 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Proprjeta' — Żurrieq

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm hemm plots fiż-Żurrieq li mhumiex żviluppati u li huma proprjeta' tal-gvern/Joint Office; (b) dawn il-plots jiġu allokati jew inkella żviluppati u wara allokati; u (ċ) jekk dan il-proċess m'huwiex pendenti, dawn il-plots se jiġu mdawra b'ħitan bħal ma jiġu mġiegħla jagħmlu s-sidien ta' plots oħra fil-lokalita'?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li mill-proprjeta' li ġiet trasferita lill-Gvern mill-Knisja, l-Uffiċċju Konġunt identifika 34 plot fiż-Żurrieq li m'humiex żviluppati. 20 minn dawn il-plots se jiġu trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar biex jiġu żviluppati għal akkomodazzjoni soċjali. Hemm il-ħsieb li l-plots battala f'idejn l-Uffiċċju Konġunt jiġu kollha trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar biex jiġu żviluppati. 14.01.99
Leg 9 PQ #3159 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Zona industrijali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1466/98, jista' l-Ministru jinvestiga l-każ stante illi mid-dokumenti li qed jintbagħtu separatament, jirriżulta li l-Kummissarju tal-Pulizija eċċeda u biddel l-iskop li għalih inħareġ il-permess 4690/93? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istess Kummissarju setax ikollu tali fakulta' ladarba l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qatt ma tat l-awtorizzazzjoni tagħha? Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu sabiex dan il-permess u ċioe' TL/G/16/95 skorrettament konċess jiġi rtirat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kwestjoni li dwara qed issir il-Mistoqsija, hija s-suġġett ta' proċeduri fil-Qorti li għadhom sub judice u li fih l-Onorevoli Interpellant hu personalment involut. 14.01.99
Leg 9 PQ #3286 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Team tal-Juventus fl-MIA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pulizija on duty fl-arrivals section ta' l-Ajruport Internazzjonali sabiex jikkontrollaw il-folla dak inhar li wasal it-team tal-Juventus f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kien hemm 25 pulizija, 14.01.99
Leg 9 PQ #3331 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Lands Department — Kirjiet/ċnus

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm kirjiet u ċnus mogħtija mil-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali li huma 'l fuq minn Lm100 iżda li ma jaqbżux il-Lm200 bħala ħlas fis-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' kirjiet u ċnus li jirċievi l-ħlas tagħhom id-Dipartiment ta' l-Artijiet minn għand il-pubbliku in ġenerali li huma l' fuq minn Lm100, iżda li ma jaqbżux il-Lm200 fis-sena hu ta' 2,239. Dan in-numru jinkludi kirjiet u ċnus dwar flats, djar u plots li jiġu allokati mid-Dipartiment tas-Social Housing u l-Awtorita' tad-Djar. 14.01.99
Leg 9 PQ #3332 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Lands Department — Kirjiet/ċnus

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm kirjiet u ċnus mogħtija mil-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali ta' fortizzi u partijiet minn fortizzi u jippreżenta elenku ta' l-imsemmija bid-data ta' meta dawn bdew u meta jispiċċaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' kirjiet u ċnus ta' fortizzi u partijiet minn fortizzi mogħtija mid-Dipartiment ta' l-Artijiet hu ta' (22) tnejn u għoxrin. Id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 14.01.99
Leg 9 PQ #3363 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Klandestini

Question

Jista'l-Mnistru jgħid x'inhuwa n-numru ta' klandestini f'Malta? X'inhu jsir biex dawn jirritornaw lura pajjiżhom? Kemm qed jiswew lill-pajjiżna biex dawn jinżammu Malta? Kemm intnefqu flus fuq dawn in-nies f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 33 persuna li daħlu direttament Malta bħala klandestini. Dan in-numru ma jinkludix 51 barrani miżmuma mill-Armata li nġiebu Malta fuq vapur Russu fis-6 ta' Diċembru, 1998, u 31 barrani miżmuma mill-Pulizija li nġiebu Malta fuq vapur Libjan fit-28 ta' Diċembru, 1998. Meta barrani jinstab li jkun Malta klandestinament, l-ewwel li tagħmel il-Pulizija huwa li tipprova tistabillixi l-identita' u n-nazzjonalita', biex isir kuntatt ma' l-Ambaxxata konċernata sabiex ikun ripatrijat. Ikun hemm każi fejn jintalab status ta' refuġjat u għalhekk il-każ jiġi riferut lill-Uffiċċju ta' l-U.N.H.C.R. f'Malta. Rigward il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija ninsab infurmat li ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa fuq dawn il-klandestini u persuni oħra barranin miżmuma mill-Pulizija għal raġunijiet oħra. 14.01.99
Leg 9 PQ #3364 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Festin għar-residenti priġunieri żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex ma sarx il-festin għar-residenti priġunieri żgħażagħ? Għalfejn dan twaqqaf meta l-ftehim bejn il-voluntiera u l-ħabs għall-organizzazzjoni ta' l-attivita' sar tliet ġimgħat qabel id-data tal-festin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-festin li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti ma sarx minħabba malintiż ġenwin. 14.01.99