Jista’ l-Ministru jara illi jsir bus shelter fuq il-bus stops li hemm Ħal Far faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati ta' Malta, fil-viċinanzi tal-Laboratorju tal-Paċi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġà applikat mal-MEPA sabiex jiġi stallat bus shelter fil-post imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Ħal Far, iż-Żurrieq, hix inkluża fil-programm ta' resurfacing ta' Transport Malta peress illi din it-triq hija kkunsidrata bħala main road għall-fatt li jekk jiġri xi aċċident taħt il-mini ta' Ħal Kirkop, din it-triq hija l-uniku ħruġ minn wara l-mini, apparti li tintuża regolarment min dawk il-ħaddiema li jaħdmu l-Freeport u ġo bosta fabbriki li jinsabu Ħal Far?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-reponsabbiltà ta’ Transport Malta minħabba l-fatt li din hija triq rurali barra mill-iskema tal-bini. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu illi l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qed tagħti servizzi ta' konsulenza lil Transport Malta? X' inhuma l-kondizzjonijiet fuqha miftehma kif wkoll ir-remunerazzjoni involuta? Inħarġet sejħa pubblika għal dan is-servizz?
Response (MIZZI, JOE)
Nikkonferma li l-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant ġie ingaġġat direttament minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura b’urġenza sabiex jipprovdi konsulenza legali b’mod speċifiku dak li jirrigwarda t-trasport pubbliku. Skont il-prassi mdaħħla mill-Gvern preċedenti, mhux opportun li tingħata informazzjoni rigward kundizzjonjiet u remunarazzjoni minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.
Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min ibbenefika mill-għoti ta' mobile phones, tablets u karozzi fi Transport Malta u x' ihnu l-grad tiegħu? X'inhuma l-proċeduri li qed jintużaw biex impjegat u mhux ieħor jibbenefika minn dan l-apparat/vetturi? Min qed japprovahom? Jekk dan l-apparat/vetturi qed jintużaw wara l-ħin tax-xogħol, qegħdin jitħallsu l-fringe benefits fuqhom? Liema proċedura ntużat biex inxtara/inkera dan l-apparat/vetturi, b'direct order jew inkella b'tender? Kemm hu l-valur ta' dan l-apparat u xiri/kera ta' dawn il-vetturi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nimxu fuq l-istess policies li kien hemm qabel f’dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħadet Transport Malta jew il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jew it-tnejn flimkien biex il-parti tat-triq prinċipali ta' Burmarrad, fl-inħawi tal-bidu tat-telgħa tal-Wardija, tiġi rranġata? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex din il-parti tat-triq tkun waħda ta' livell tajjeb, iktar u iktar meta wieħed iqis li din triq li minnha jgħaddu eluf ta' vetturi kuljum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija hija fuq il-lista ta’ toroq li għandhom bżonn ta’ intervent .
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5369, li qed tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 3822, billi jirriżulta li hemm differenza bejn in-numri fir-risposta taż-żewġ domandi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx zebra crossings li t-talbiet għalihom għad iridu jiġu deċiżi skont il-kriterji ta' Transport Malta? Fejn jinsabu dawn it-talbiet li għad iridu jiġu deċiżi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm ħames talbiet għal zebra crossings li għad iridu jiġu deċiżi minħabba li Transport Malta għadha qed tistenna informazzjoni addizzjonali mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn il-każijiet huma kif ġej:
San Pawl il-Baħar – approvazzjoni ta’ traffic/pelican lights
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-traffic jew pelican lights li ġew approvati minn Transport Malta għal-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, minn Marzu ta' din is-sena s’issa? Meta ġew approvati? F'liema partijiet ta' San Pawl il-Baħar jinsabu dawn l-istess lights li ġew approvati? Jista' jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu l-lights li għalkemm ġew approvati għadhom ma twaħħlux fuq il-post?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika talbiet li Transport Malta rċeviet mill-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar huma għal zebra crossings u mhux għal traffic jew pelican lights. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirrreferi wkoll għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5812.
Ix-Xemxija u l-Mellieħa – proġett Ten T – konsultazzjonijiet
Question
Billi fil-ġurnali ta' kuljum qed jiġi rrapurtat li Transport Malta qed tagħti konsiderazzjoni għall-possibblità li bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa ssir it-triq li kienet imsemmija bħala parti mill-proġett tat-TEN T's, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema konsultazzjonijiet saru dwar dan il-proġett matul dawn l-aħħar tmien xhur? Jista' jagħti tagħrif dwar ma’ min saru dawn l-istess konsultazzjonijiet, meta nżammu, u min kien mistieden jattendi għal dawn il-laqgħat?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5641.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum x'tip ta' skrutinju qed isir minn Transport Malta fuq l-operat tal-Arriva, fosthom x' tip ta' spezzjonijiet qed isiru, il-frekwenza tal-ispezzjonijiet, x' nuqqasijiet qed isibu l-ispetturi ta' Transport Malta u l-azzjonijiet li qed tieħu Transport Malta fil-konfront tal-operatur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskrutinju li qed isir preżentament fuq l-operat tal-Arriva minn Transport Malta huwa l-istess li kien isir qabel it-12 ta’ Marzu 2013. Transport Malta għandha grupp ta’ nies li ta’ kuljum jagħmlu spezzjonijiet fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, li fosthom jinkludi spezzjonijiet fuq ix-xarabanks, fuq l-infrastruttura u fuq iż-żamma mal-iskedi. F’każ li l-Arriva Malta Ltd tinstab mhux konformi mal-kuntratt iffirmat bejn iż-żewġ partijiet, Transport Malta timponi l-penali applikabbli skont il-kuntratt.
Infurmat ukoll li minn Settembru li għadda, speċifikament minn meta tneħħew mis-servizz il-karozzi tat-tip articulated, Transport Malta qiegħda tiffoka aktar ir-riżorsi tagħha sabiex tassigura li qed jingħata s-servizz skont l-iskedi.
Jista’ l-Ministru jgħid x' qed isir minn Transport Malta biex teduka u tgħin lill-poplu biex jibda juża t-trasport pubbliku b‘mod aktar frekwenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent Transport Malta qed tiffoka r-riżorsi tagħha sabiex tassigura li s-servizz li qed jiġi pprovdut huwa wieħed affidabbli u li jirrifletti il-bżonnijiet tal-passiġġieri.
Infurmat ukoll li qabel ma’ jidħlu fis-seħħ ir-rotot ġodda Transport Malta ser tkun qegħda tniedi programm ta’ informazzjoni sabiex tinforma lill-pubbliku b’dan it-tibdil.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet konkreti hemm għas-sistema tac-CVA fil-Belt Valletta? X'diskussjonijiet saru mal-Kunsill Lokali tal-Belt? Instab xi kompromess bejn dak li jixtieq li jsir il-kunsill lokali u dak li tixtieq tagħmel Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qegħdha fil-proċess li tevalwa s-sistema permezz tal-informazzjoni li għandha tul dawn l-aħħar ħames snin kemm ilha topera is-sistema tas-CVA, kif ukoll il-proposti li ġew ippreżentati mill-Kunsill Lokali tal-Belt biex jinħoloq pjan ħolistiku fuq l-aċċess għall-Belt Valletta.
Il-Gvern huwa kommess li hekk kif kien ġie stipulat fil-programm elettorali, ma jkunx hemm ħlas għal dawk li jaċċessaw iċ-ċentru tal-Belt wara l-ħin tas-1400hrs u s-Sibt il-ġurnata kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema ta' parkers f' diversi żoni ta' parkeġġi fil-pajjiż hix se tinżamm?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, b’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 1309 fil-preżent il-Gvern qiegħed jaħdem fuq pjan komprensiv dwar il-parkeġġ f’żoni differenti tal-pajjiż. Dan il-proċess jinsab fi stadju avvanzat.
Jista’ l-Ministru jgħid x'għandha pprogrammat Transport Malta għas-sena li ġejja għal dak li huwa xogħol ta' bini mill-ġdid ta' toroq arterjali, distributorji u maġġuri, apparti dawk il-proġetti li kien diġà beda x-xogħol preparatorju tagħhom fi żmien il-gvern preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, Transport Malta qed tiffinalizza l-pjanti marbuta mal-proġett tal-Kappara wara li, matul dawn l-aħħar sitt xhur, il-preparamenti marbuta ma’ dan il-proġett ġew intensifikati. Transport Malta bħalissa wkoll qed taħdem fuq il-programm tal-junction tal-Marsa (Addolorata Junction) liema proġett mistenni jibda lejn l-aħħar tas-sena 2015 jew bidu tas-sena 2016 minħabba l-kobor u kumplessita’ ta’ dan il-proġett. Fil-ġimgħat li ġejjin, Transport Malta se tkun qed tagħmel studji ta’ kontinġenza għat-traffiku min-naħa t’isfel ta’ Malta u ser tkun qed tiffinalizza l-programm ta’ xogħlijiet marbuta mal-bini ta’ pont (pedestrian) tul Triq is-Sebħ, Ħal Qormi.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi r-ritmu ta' xogħol fuq toroq residenzjali li Transport Malta kienet qabdet tul l-aħħar snin donnu waqaf għal kollox f'dawn l-aħħar jiem? X'xogħol ta' bini ta' toroq residenzjali qed tagħmel Transport Malta apparti dawk diġà inklużi fil-programm tax-xogħlijiet li kien ġie ifformolat mill-gvern preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħol fuq it-toroq residenzjali baqa’ għaddej primarjament abbażi tal-programm ta’ toroq li kien ġie mfassal u baġġitjat mill-amministrazzjoni preċedenti. Fil-fatt, bħalissa Transport Malta qed tesegwixxi xogħlijiet fuq dawk it-toroq hekk msejjħa problematiċi li kienu tħallew għall-aħħar parti tal-programm minħabba d-diversi sfidi marbutin magħhom.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5369, jista' l-Ministru jgħid fejn huma ż-zebra crossings li ġew approvati u fejn qiegħda ż-zebra crossing li ma ġietx qpprovata?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5460, jista' l-Ministru jara li allura jitneħħa l-periklu li hawn b'karozzi telgħin minn Triq il-Lanċa u ħerġin lejn Marsamxett u karozzi deħlin minn Marsamxett lejn Triq San Mark għax bħalissa m'hemmx minn fejn joħorġu l-vetturi lejn Marsamxett?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċċjali minn Transport Malta għamlu spezzjoni fuq il-post u bħalma jsir dejjem jekk ikun il-każ jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi indirizzata din il-problema.
Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar rapport li deher fuq The Times tal-4 ta’ Novembru 2013 b’rabta ma’ bini ta’ triq ġdida li tgħaqqad San Pawl il-Baħar mal-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll minn fejn se tiġi ffinanzjata din it-triq jekk kemm-il darba ssir?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5641.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx u jekk jafx hix deċiżjoni tiegħu li d-dawl qiegħed ikun mitfi f’parti sostanzjali fit-triq ta’ bejn iċ-ċimiterju tal-Imtarfa u r-roundabout tar-Rabat li tagħti għal Ħaż-Żebbuġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hi konxja li hemm problema bid-dawl fit-triq imsemmija. Id-dwal f’din it-triq ġie ċċekkjat u nvestigat diversi drabi minħabba li nstab li għandu difett intermittenti, fil-fatt kull meta daħal rapport, kemm internament kif ukoll mill-pubbliku, din it-triq ġiet mixgħula immedjatament mingħajr problem. Tlabt lil Transport Malta biex tinvestiga l-problema iktar fil-fond billi żżarma u tispezzjona kull parti mis-sistema bl-iskop li tinstab il-parti li qed tagħti l-problemi.
Peress illi fil-programm Dissett tat-3 ta' Ottubru, il-Ministru Joe Mizzi qal illi f'sitt xhur b'inqas flus għamel aktar xogħol fit-toroq milli għamel il-Gvern Nazzjonalista fis-sena ta' qabel Marzu 2013, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tax-xogħlijiet li saru fuq it-toroq fis-sitt xhur mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum, u kemm sewa dan ix-xogħol u kemm minnu kien diġà kkuntrattat u/jew ingħata jew ħareġ it-tender għalih qabel it-12 ta' Marzu 2013, kif ukoll il-lista tax-xogħlijiet li saru fit-toroq fis-sitt xhur ta' qabel it-12 ta' Marzu 2013 u kull sena, sena b'sena mill-2008 sat-12 ta' Marzu 2013, kemm f'toroq arterjali, distributorji u dawk residenzjali, kemm f'Malta u kemm f'Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-listi mitluba qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward il-lista ta’ xogħlijiet li saru minn wara it-12 ta’ Marzu ‘l hawn, dawn ma jinkludux xogħol f’toroq hawn taħt imsemmija li kienu saru mill-amministrazzjoni preċedenti u li kellhom jerġgħu jinqgħalu u jsiru mill-ġdid fosthom :-
Triq Melita fil-Belt Valletta
Triq il-Kunsill tal-Ewropa
Triq il-Marfa
Xatt l-Għassara
L-istess lista ma tinkludiex ukoll it-toroq li saru bħala parti mill-proġett ta’ Bormla u l-proġett tal-Isla. Ta’ min jgħid li it-triq ta’ Dock 1 reġgħet inqalgħet ukoll.
Ix-xogħol ta’ Għawdex jinkludi biss ix-xogħol li sar fuq it-TEN-T. Għal xogħlijiet oħra f’Għawdex u xogħlijiet oħra f’toroq residenzjali li saru mill-Kunsilli Lokali din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministri kkonċernati.