Jista' l-Ministru jgħid jekk il-La Valette Sicav jew xi parti oħra li taqa' taħt il-ministeru tiegħu qattx ħallsu l-kont tal-mobile telephone privat tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li għandu hawn Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 8660.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-aħħar ħallset il-kont ta' l-ilma u kemm għandha tagħti lill-Water Services Corporation l-International Foundation - Malta ta' 54, West Street, Valletta VLT 10?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-fondazzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hija 'The International Foundation - Malta', u peress li din hija organizzazzjoni mhux governattiva, ma narax raġuni għaliex għandi nippubblika l-informazzjoni mitluba.
Minħabba d-diżastru li jista' jsir jekk ikun hemm aċċident f'xi substation, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsib alternattiva oħra għal substation li hemm fl-Isla, li tinsab fi blokk ta' bini tal-gvern fis-sular t'isfel ma' ħames familji?
Għandu xi pjanijiet il-Ministru biex din titneħħa? Jekk iva, fejn?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu t-taħdidiet rigward xogħol b'sigħat imnaqqsa (reduced hours) għall-ħaddiema ta' l-Air Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li r-riduzzjoni tas-siegħat tax-xogħol minn 40 għal 37 u nofs qed tiġi ntrodotta f'dipartimenti ta' l-Air Malta, skond il-Ftehim Kollettiv kurrenti ma' l-Union, għalissa għadhom ma bdewx id-diskussjonijiet formali dwar is-sistema ta' 'reduced hours' intiża biex taġevola l-ħtiġijiet personali ta' xi impjegati tal-Kumpanija. Hu mifhum li saru dikussjonijiet introduttorji minn persuni individwali mal-Group General Manager fuq dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta se jsiru l-connections mal-main prinċipali biex residenti fi triq ġdida fi Triq Bugħarbiel, Żejtun jingħataw is-servizz essenzjali ta' l-ilma, peress li ilhom li nbnew 'il fuq minn sitt snin?
Peress li l-ġnien f'De La Crux Avenue f'Ħal Qormi qed ikun bla dawl, jista' l-Ministru jara li dan il-ġnien ikun mixgħul adegwatament bil-għan li jkun sigur għall-familji li jieħdu lil uliedhom biex jiddevertu f'dan il-post?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari numri 8157 u 8536?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-rapport li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kien ġie kkummissjonat fl-1997 u finalizzat fl-1998. Peress li l-materja ta' dan ir-rapport hija ta' natura kummerċjali, ma jkunx fl-interess tal-kumpanija Air Malta li nagħti tagħrif dwar l-istess rapport, bħalma wkoll ma kienx fl-interess tal-Kumpanija li tali rapport jiġi ppubblikat sena ilu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' fabbriki li ssensjaw il-ħaddiema bejn Jannar u Mejju 1999?
Kemm fil-fatt kien n-numru ta' ħaddiema ssensjati?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-fabbriki li għalqu bejn Jannar u Mejju?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ssensjaw?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena għalqu ħames fabbriki. Dawn huma MFP International, Techmark Limited, Synergy Limited, ILP Limited u ERO Electronic Limited.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 8106.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċini tal-Ministeru u f'tad-Diretturi jew Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru aktar cardphones fil-lokalita' ta' Santa Luċija? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid fejn ser jitwaħħlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sa issa ma tinħassx il-ħtieġa, la mill-Kunsill Lokali u lanqas mill-Maltacom, li jiġu stallati aktar cardphones mis-sebgħa li hemm bħalissa f'Santa Luċija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistqosija parlamentari numru 8261?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-qliegħ ta' l-M.O.B.C., qabel il-ħlas tat-taxxa, kien kif ġej:
1996 Lm250,721
1997 Lm184,091
1998 Lm542,167
Hemm aktar minn kumpanija waħda barranija ta` reputazzjoni internazzjonali li huma interessati fix-xiri ta` l-ishma ta` l-MOBC. It-trattativi għadhom għaddejjin. F`dan l-istadju dawn qed jitmexxew mil-Bord tad-diretturi tal-MOBC stess taħt id-direzzjoni taċ-Ċhairman ta` l-Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ajruplani tal-linja nazzjonali ta' l-ajru (Air Malta) li kellhom ħsarat estensiv mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Kemm minn dawn l-ajruplani jintużaw għar-rotot ta' l-Air Malta u kemm għal rotot oħra li l-Air Malta għandha kuntratt magħhom? Kemm hija l-ispiża nvoluta f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li ma kien hemm l-ebda każ ta' ajruplani ta' l-Air Malta li mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn sofrew ħsarat estensivi, jidhirli li ma jkunx fl-interess tal-kumpanija li nagħti aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi li l-gvern għandu maħsub għal Crafts Centre f'Ta' Qali? X'konsultazzjoni saret mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'ġie deċiż u meta se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta, flimkien ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kienu waslu fi qbil dwar kif il-proġett kellu jitkompla. Madankollu xorta waħda kien hemm diversi ilmenti li jekk ma jiġux eżaminati tajjeb, jistgħu jirriżultaw fi problemi fl-esekuzzjoni tal-proġett.
Għaldaqstant ġie deċiż li l-Proġett kollu għandu jerġa' jiġi eżaminat biex nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa. Fil-frattemp saru laqgħat ta' diskussjoni mal-partijiet konċernati biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni u finalment jiġu sottomessi rakkomandazzjonijiet ta' kif l-aħjar għandu jimxi l-proġett. Dawn il-konsultazzjonijiet fil-preżent, qed isiru l-aktar ma' l-Awtorita ta' l-Ippjanar. Huwa ppjanat li fil-futur qrib jerġgħu jinżammu diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet li l-MDC għandha sabiex tipprovdi garaxxijiet/faċilitajiet għas-self-employed fil-mument? X'qed isir sabiex dawn jiġu rimedjati u fil-fatt meta se jiġu rimedjati?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tinġabar f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsijiet preċedenti sabiex jiġi żviluppat industrial estate fir-Rabat u lokalitajiet oħra ta' 12-il distrett, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa qed isir eżerċizzju bejn il-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jiġu identifikati siti ġodda li jistgħu jiġu żviluppati f'zoni ndustrijali. Dan l-eżerċizzju, li fih huwa nvolut ukoll id-Dipartiment ta' l-Artijiet, qed isir fuq skala nazzjonali. Għadu mhux il-waqt li wieħed jgħid meta u fejn jistgħu jiġu żviluppati dawn is-siti.