Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — impjiegi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet wara d-9 ta’ Mejju 2013? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jispeċifika eżatt iż-żmien li għalih qed jitlob dina l-informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10389 u jgħid x’tip ta’ assistenza tingħata lill-persuni b’diżabilità minħabba d-diżabilità tagħhom meta huma jidhru quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja? Jista’ jgħid min iħallas għal din l-assistenza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Qrati tal-Ġustizzja li l-Qrati tal-Ġustizzja huma aċċessibli għall- persuni b’diżabiltà. Il-Customer Care personnel tal-Qrati ġew mgħarrfa kif għandhom jgħinu u jassistu persuni b’diżabiltà meta dawn jidħlu fil-bini tal-Qorti billi jipprovduhom b’informazzjoni u jiddiriġuhom għall-post mitlub.
Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili Artikolu 593 jipprovdi għal meta xi xhud ikun trux-u-mutu, jew trux biss jew mutu biss u l-Qrati jgħatu l-assistenza lil dawn il-persuni kif provvdut f’dan l-artikolu meta jkun meħtieġ. Hi l-Qorti li tirregola min għandu jħallas għal din l-assistenza.
L-Artikoli 451 u 640 tal- Kap tal-Liġijiet ta’ Malta – Kodiċi Kriminali jipprovdu rispettivament regoli li għandhom jitħarsu meta l-akkużat hu trux-u-mutu, jew trux biss jew mutu biss u meta ssir eżami ta’ xhud trux-u-mutu jew mutu biss.
Għalhekk, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Qrati tal-Ġustizzja josservaw dawn ir-regoli meta jkun hekk meħtieġ. F’dawn il-każijiet, hi l-Amministrazzjoni tal-Qorti li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jkunu nvoluti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10390 u jgħid kemm persuni b’diżabilità ingħataw xi forma ta’ assistenza minħabba d-diżabilità tagħhom meta huma dehru quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja fl-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża għal din l-assistenza sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li skont kif infurmat mill-Qrati tal- Ġustizzja, ma tinżammx din l-istatistika.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10391 u jgħid jekk persuni b’diżabilità hux se jibqgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa minħabba d-diżabilità tagħhom, mingħajr ħlas, meta dawn jidhru quddiem il-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni b’diżabilità se jiqbgħu jingħataw l-istess assistenza u dana skont kif spjegat fir-risposta għad-domanda parlamentari 10719.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10375 u jgħid jekk hemmx jew kienx hemm kunsilli lokali u reġjuni/tribunali lokali li għandhom in-numri tat-telefown ex-directory jiġifieri jekk il-pubbliku jċempel 1182, in-numru tat-telefown tagħhom ma jkunx reġistrat u allura l-pubbliku ma jkunx jista’ jinqeda?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Direttorat tal-Kunsilli Lokali li n-numri tat-telefon tal-Kunsilli Lokali kollha u tal-Kumitati Reġjonali kollha huma aċċessibbli fuq il-linja 1182.
It-12-il Distrett — Kunsilli Lokali – ħasil ta’ bankini
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsilli Lokali tat-12-il distrett għandhomx xi programm speċjali biex jaħslu l-bankini? Jekk iva, liema huma l-bankini li qed jinħaslu, minn min, u b'liema arranġament qed isir dan il-ħasil? Kemm qed jiswa dan l-istess ħasil tal-bankini? Kif intgħażlu n-nies/kuntraturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-infomazzjoni mitluba hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.
Il-Mellieħa – Kunsill Lokali – inizjattivi ta’ natura kapitali
Question
Billi fil-media dehru artikli dwar inizjattivi ta' natura kapitali li qed jiġu kkunsidrati mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawn l-inizjattivi li s’issa waslu għand il-Ministeru, u x'passi ttieħdu s’issa biex ikun hemm finanzjament għalihom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ta preżentazzjoni dwar erba’ proġetti kapitali waqt laqgħa li kellu mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali. Dawn huma:
· soluzzjoni għall-konġestjoni tat-traffiku fi Triq il-Kbira u Triq Ġorġ Borg Olivier bi tħaffir ta’ mina;
· titjib ta’ aktar toroq arterjali permezz tal-programm tal-UE
TEN-T
, li jinvolvi t-triq bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, u t-triq tal-Għadira;
· bini ta’ Ċentru tal-Komunità b’faċilitajiet ta’
child care centre
, faċilitajiet sportivi, parkeġġ eċċ; u
· servizz ta’
cable car
bejn il-bajja tal-Għadira u l-parti urbana tal-Mellieħa.
L-għan tal-Kunsill hu li jqajjem interess anke mis-settur privat għal dawn il-proġetti. Għaldaqstant l-intenzjoni mhux li jinkseb xi finanzjament biex dawn il-proġetti jitwettqu mill-Kunsill.
Jista’ l-Ministru jinvestiga r-raġuni li għaliha l-ispazju li hemm wara l-binja ta' Flats Indipendenza, fi Triq it-Turisti San Pawl il-Baħar (Buġibba/Qawra), u t-triq li hemm fl-istess spazju mhumiex mogħtija wiċċ bit-tarmak, bil-konsegwenzi kollha li jkollhom ibatu dawk li joqogħdu f’dawk l-inħawi jew jgħaddu minn hemm? Jista’ l-kunsill lokali, li hu responsabbli minn din l-area, jieħu l-passi neċessarji biex dan il-post jingħata t-tarmak?
Response (BONNICI, OWEN)
Niltob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema fondi huma mistennija li jingħataw lill-kunsilli lokali tat-tnax-il distrett minn fondi ta’ skemi differenti li ħabbar il-Gvern? Meta hu mistenni li jingħataw dawn il-fondi u x'inhu mistenni li jsir b'dawn l-istess fondi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li preżentament hemm żewġ skemi li qed jiġu evalwati u li għad iridu jiġu aġġudikati qabel jitħabbar ir-riżultati tagħhom.
Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – ħsarat fis-sistema tad-dawl
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba ġew irrappurtati lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar il-ħsarat li hemm fis-sistema tad-dawl, ħdejn it-torri ta’ Wignacourt San Pawl il-Baħar u fil-pjazza ta’ Buġibba? X’passi ttieħdu biex dawn id-dwal jiġu rranġati? Meta saru r-rapporti relattivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill Lokali rċieva rapporti dwar erba’ ħsarat fid-dawl dekorattiv ta’ Triq San Franġisk kantuniera ma’ Triq San Ġiraldu. Dawn tgħaddew lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu peress li dan id-dawl jaqa’ fir-responsabbiltà tagħha. Irċieva wkoll żewġ rapporti dwar id-dawl dekorattiv ta’ Misraħ il-Bajja f’Buġibba: rapport tad-dawl kollu maqtugħ u dawl ta’ arbli individwali. Dawn ir-rapporti tgħaddew lid-Dipartiment konċernat (MTI-MSD.)
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet li saru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex jiġu installati pelican lights fil-konfini tal-istess San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid meta saru dawn it-talbiet, u kemm minnhom għalkemm approvati, għadhom ma sarux, jekk inhu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill għandu talba waħda għall- pelican lights, fi Triq il-Qawra. Infurmat mill-istess Kunsill Lokali li din kienet approvata minn Transport Malta li se tagħmel ix-xogħlijiet rikjesti.
In-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10441 għal dak li jikkonċerna x-xogħol li hemm referenza għalih fir-risposta għal dak li jikkonċerna San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament il-pjanti ta’ dawk li qed jissejħu bħala parking schemes? Jista’ jgħid minn min ġew approvati dawn l-istess pjanti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol propost dwar il-parking schemes għadu fi stadju preliminari ta’ diskussjonijiet. L-ebda pjanti għadhom ma ġew approvati.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10486, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru ħax xi passi partikolari biex iħeġġeġ lil kull min juża l-Qrati, biex jidħol fis-sistema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ħa ħsieb sabiex jinforma l-pubbliku permezz ta’ stqarrijiet li dan is-servizz qed jingħata billi wieħed jirreġistra għalih fir-Reġistru tal-Qrati Ċivili. Aktar minn dan, qed tintbagħat il-formola ta’ reġistrazzjoni ma’ kull avviż tas-smiegħ ta’ kawża lill-partijiet fil-kawżi ċivili. Hekk il-partijiet qed jiġu mħeġġa sabiex mill-ewwel seduta li huma jattendu, iġibu din il-formola ta’ reġistrazzjoni sabiex japplikaw sabiex japplikaw fir-Reġistru Ċivili għal dan is-servizz.
Dipartiment tal-Kunsilli Lokali – Kunsilli Lokali tat-12-il Distrett — talbiet pendenti
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlametari 10487, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema talbiet li jeħtieġu clearance mid-dipartiment responsabbli mill-kunsilli lokali, għadhom pendenti għand l-istess dipartiment, jekk hu l-każ? Meta saru dawn it-talbiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap 363 tal-Liġijiet ta’ Malta jispeċifika l-funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Ikun hemm diversi drabi fejn il-Kunsilli Lokali jitolbu gwida.
Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar — waterpark ta’ Buġibba
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il ilment irċieva l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar l-istat tal-waterpark ta’ Buġibba? Kemm-il darba l-istess kunsill wassal l-ilmenti lill-Ministeru kkonċernat? X’kienu r-riżultati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill ma rċieva ebda ilment fir-rigward tal-istat tal-Water Park f’Buġibba.
Dipartiment tal-Kunsilli Lokali –clearance ta’ proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema talbiet li saru mill-kunsilli tat-12-il distrett elettorali għall-clearance ta’ proġetti fl-istess lokalitajiet għadhom ma ġewx deċiżi mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru W261.
Is-seba’, id-disa’ u t-12-il Distrett Elettorali – bini ta’ ċentri ċiviċi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali fis-seba’, id-disa’, u t-12-il distrett elettorali għandhom pjanijiet jew talbiet pendenti biex jibnu ċentru ċiviku fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom? Fejn qed jiġi propost li jinbnew dawn iċ-ċentri ċiviċi fil-lokalitajiet differenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Medja tal-Kamra.
Is-seba’ u t-12-il Distrett Elettorali — Bini ta’ għases tal-pulizija ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali fis-seba’ u t-12-il distrett elettorali qed jipproponu li jinbnew għases tal-pulizija ġodda? Fejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda wieħed qed jipproponu dak imsemmi fil-mistoqsija
It-12-il Distrett Elettorali – priġunieri li jagħtu servizz fil-lokalità
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali għandhom priġunieri li qed jagħtuhom servizzi fil-lokal tagħhom? F’kull każ, kemm hu n-numru u x’xogħol qed iwettqu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħotija mill-Kunsill Lokali kkoċernat, m’hemm l-ebda lokalita fit-12-il Distrett elettorali fejn hemm xi priġunieri jagħtu s-servizz tagħhom.
Kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10231 u jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proġetti li dwarhom il-kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar taw il-fehmiet tagħhom għall-applikazzjonijiet li kien hemm pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? F'liema laqgħat tal-kunsill ta' dawn il-lokalitajiet, kienet deċiża l-pożizzjoni li ttieħdet dwar dawn l-istess proġetti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għar-rigward tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, kif provduta mill-istess Kunsill Lokali. Intant ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill ma ta l-ebda fehma fuq xi applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).