Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-anzjana - dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - ilha pensjonanta 'l fuq minn 12-il sena, issa qalulha li għandha tagħti lid-dipartiment u se jinqatgħulha mill-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li qed issir referenza għaliha, daħlet residenti f'dar ta' l-Anzjani fis-16 ta' Diċembru 1999. L-ammont li ser jinqatgħalha mill-pensjoni jirrpareżanta l-ammont ta' arretrati li hi, bħala residenta fid-Dar ta' Anzjani għandha tikkontribwixxi b'effett mid-data li hi daħlet residenti sa Mejju 2000.

Dar ta' l-Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-anzjani li daħlu fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla qed jintalbu jħallsu aktar, f'każi anke sa Lm6 kuljum, meta fid-dikjarazzjoni li ffirmaw mad-dħul hemm: (a) li nikkontribwixxi sittin fil-mija (60%) tad-dħul kollu nett tiegħi fis-sena sakemm dan is-60% tad-dħul kollu tiegħi ma jeċċediex l-elf erba' mija u sittin lira Maltin (Lm1460) fis-sena u dan sabiex jien inkun nista' noqgħod fid-dar residenzjali għall-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Anzjani li daħlu fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla ġew mitluba biex bħall-anzjani kollha li jidħlu residenti f'xi Dar ta' l-Anzjani tal-Gvern, jiffirmaw id-dikjarazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Membru. Pero' ta' min iżid ukoll illi permezz ta' l-ewwel paragrafu ta' l-istess dikjarazzjoni, kull resident jintrabat ukoll illi joqgħod għall-provvedimenti tal-liġi tal-att dwar is-Sigurta' Soċjali (ATT Nru X tal-1987) u l-avviż legali relattivi u sussegwenti. Għaldaqstant fid-dawl ta' l-Avviż legali Numru 60 tas-sena 2000, [Att Dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318)] r-rata ta' kontirbuzzjoni dovuta minn kull resident f'xi Istituzzjoni Residenzjali ta' l-istat issa ġiet revedata u regolata permezz ta' dan l-avviż legali relattiv u sussegwenti.

ETC — Computer courses

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dan l-aħħar l-ETC organizzatx computer courses għal persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol? Fejn saru? Ħarġet sejħa għal kuntratti għal dawn il-korsijiet? Min huwa l-kuntrattur? Kemm swiet kull persuna li marret/qed tmur għal dawn il-korsijiet, u min fejn jipprovjenu dawn il-persuni? X'ġew mgħallma f'dawn il-korsijiet? Kemm damu biex lestew il-korsijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma saru ebda kuntratti mill-ETC għal korsijiet tal-computer. Fl-ambitu tat-tfassil ta' 'National Plan for IT literate workforce' li ġie preżentat fil-Clients Forum f'Marzu 2000, ħarġet l-idea ta' IT Orientation Courses ta' ġurnata. Din l-idea, l-ETC niedet testijiet qabel il-Clients Forum biex ir-riżultati jiġu mogħtija hemm. Għal dan l-iskop intagħżlu tlett gruppi ta' għaxar persuni l-wieħed biex isir dan it-test. Il-persuni ntgħażlu kollha mill-'area' tal-Kottonera fuq kriterji li jafu jaqraw bl-ingliż u jridu jitgħallmu. L-għażla ta' persuni mill-Kottonera saret għax bħalissa l-ETC qed tara għaliex dawk li jirreġistraw għax-xogħol minn din in-naħa ta' Malta jista' jkun li qed isofru minn xi preġudizzju mhux ġustifikat biex isibu mpjieg. It-tlett gruppi kienu: a Żgħażagħ taħt l-24 sena; b Nisa bejn 25 u 50 sena; c Irġiel minn 40 sena 'l fuq; Ir-riżultati miksuba kienu nkoraġġanti ħafna. Peress li n-National Plan for IT lieterat workforce tfassal minn Charles Theuma li huwa direttur tad-ditta Executrain, dan offra li dan it-test isir fid-ditta tiegħu għall-prezz sussidjat ħafna ta' LM 10 kull persuna. Il-prezz kien jinkludi: a Istruzzjoni u taħriġ għall-ġurnata sħiħa ta' 7 siegħat bl-użu ta' computer għal kull perusna; b Instruction Book bl-ingliż ta' 163 faċċata lil kull persuna; c Refreshments u snack ta' nofs inhar; d Assessment individual ta' kull persuna; e Assessur mill-Executrain fl-għażla tal-Kandidati għall-korsijiet. f Faċilita' biex żewġ uffiċjali tal-ETC isegwu u jevalwaw it-tlett korsijiet. Barra minn dan is-Sur Theuma ippreżenta r-riżultati tat-testijiet tiegħu f''presentation' li saret fil-Clients Forum. Barra minn din l-inizjattiva l-ETC qed torganizza korsijeit li jwasslu għall-NCC permezz tal-MITTS.

ETC — Karozzi

Question

Jista' l -Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' karozzi nxtraw liċ-chairman ta' l-ETC u lis-CEO minn din l-ammnistrazzjoni? Kemm ġew jiswew dawn il-karozzi waħda waħda? X'sar mill-karozza li kien juża ċ-chairman qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-karozza li nxtrat għaċ-Chairman hija ta' tip Alfa 156, 2.0 TS Ricco, li swiet Lm 9,566. Il-karozza li nxtrat għaċ-Chief Executive hija ta' l-istess mudel u swiet Lm 9,433. Il-karozza li qabel kienet għal-użu taċ-Chairman, issa qed tintuża mis-Senior Manager, Employment Services u mill-Administration ta' l-ETC.

ETC — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx uffiċjal għoli li għandu grad ta' executive jew ogħla fi ħdan l-ETC li bħalissa qed jiġi investigat? Huwa minnu li dan l-uffiċjal bħalissa jinstab sospiż minn fuq dmirijietu? Jekk fl-affermattiv, filwaqt li dan l-uffiċjal jinsab sospiż, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-paga ta' din il-persuna hux xorta qed tinħareġ mill-ETC? X'inhi r-raġuni/raġunijiet għalfejn dan l-impjegat jinsab għaddej dawn il-proċeduri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa hemm uffiċjal tal-ETC fil-grad ta' Senior Executive li għaddej proċeduri dixxiplinarji skond kif stabbilit fil-ftehim kollettiv. Dawn il-proceduri għadhom ma ntemmux għal kollox. Mhix etika li tingħata l-informazzjoni mitluba.

ETC — FAS Ireland

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument ippreżentat lill-ETC mill-FAS Ireland li jirrigwardja l-employment services?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Saru diversi rapporti mill-FAS tal-Irlanda bħala parti mill-Operations Review, pero ir-rapport finali mill-FAS għadu ma wasalx. M'hemmx il-ħsieb li r-rapport ta' din l-Operations Review jiġi publikat, għalkemm qed jiġi kunsidrat li l-Business Plan li se joħrog minn dan l-eżerċizzju jiġi diskuss fil-Clients Forum tal-ETC li twaqqaf dan l-aħħar.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nies inqatgħu minn fuq ir-reġistru tal-qgħad minħabba dawn ir-raġunijiet li ġejjin? Jista' jagħti din l-informazzjonzi fuq medda ta' ħames snin sa l-aħħar ta' l-1996, 1997, 1998, 1999 u sa l-aħħar ta' Farr 2000: a) dawk in-nies li nqabdu jabbużaw peress li kienu qed jaħdmu; b) dawk li ntbagħtu għal intervista biex jaħdmu u ma attendewx; c) dawk li l-korporazzjoni offritilhom xi forma ta' taħriġ u ma attendewx; d) dawk li nqatgħu mis-sistema minħabba li naqsu li jirreġistraw; u e) dawk li nqatgħu għaliex sabu mpieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-Mistoqsija ser tiġi mwieġba aktar tard minħabba li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma fil-Welfare

Question

Peress li mill-interim report imħejji mill-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma fil-Welfare, jidher li ġew analizzati dawn ir-rapporti u/jew dokumenti: Towards sustainable welfare programmes and pensions in Malta - Delia E.P. Social security in Malta. A Synopsis - Department of Social Security The Pensions dilemma - KPMG Averting the Pensions Crisis - The case of Malta - MCED Committee Pension Provision in Malta - Watson Wyatt, Worldwide u Averting the Old Age Cris - World Bank Pubblikazzjonijiet oħra; Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti u/jew dokumenti li din il-kummissjoni analizzat fil-proċess tax-xogħol li għamlet, biex wasslet għal interim report li ġie ppubblikat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport "Social Security in Malta - A Synopsis - Department of Social Security". Id-dokumenti l-oħra huma pubbliċi.

Bormla — Slum clearance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet f'Bormla li se jkunu mwaqqa' fi proġett ta' slum clearance fiż-żmien li ġej? Meta se jibda dan ix-xogħol u fejn se jintbagħtu l-familja milquta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini li jmiss isir xogħol ta' twaqqiegħ fuqu f'Bormla jinsab f'żewġ inħawi jiġifieri fi Triq San Gwann u fi Triq Hanover. L-ewwel sit huwa t-tielet blokk fil-proġett ta' Triq San Gwann u jinsab bejn Triq San Gwann, Triq Mariano Gerada, Triq San Mikiel, u Triq Santa Liena. Dan il-proġett huwa kopert bil-permess tal-bini u jonqos biss xi sitt familji biex jiġu pprovduti b'akkommodazzjoni alternattiva. Il-proġett l-ieħor jinsab bejn Triq Hanover, Triq San Mark, Triq l-Irlandiżi u Triq Santa Liena. F'dan it-tieni blokk (li huwa t-tielet fażi tal-proġett ta' Santa Liena) jgħixu diversi familji u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għadu kemm applika għall-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Ir-residenti ser jingħataw post alternattiv jew f'Bormla stess jew barra Bormla skond il-postijiet li jkollu disponibbli d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Dar ta' l-Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuni - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - sabiex tkun tista' tidħol fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħatu separatament sarilha 'social' u 'medical' assessment u ġiet mqegħda fuq il-'waiting list'.

Djar — Buġibba - Allokazzjoni ta' appartament

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li appartament numru 10 li jinsab fi Triq it-Turisti, Buġibba, ġie rrifjutat minkejja li ġie allokat diveri drabi? Jista' jgħid jekk huwiex veru li, minkejja li dan il-bini huwa wieħed ġdid, fih diversi ħsarat strutturali? Jista' jgħid jekk huwiex veru li l-parti ta' wara fejn hemm bedroom 1, il-ħajt m'huwiex inkaljat u hemm perikolu kbir fl-istrutturi? Jista' jgħid min huwa responsabbli għal dan ix-xogħol traskurat u eventwalment min se jagħmel tajjeb biex jiġu rranġati l-ħsarat li jeżistu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-flat li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant fil-fatt mhux ġdid u ilu mibni għoxrin sena. Ninsab infurmat ukoll li l-flat ġie rifjutat minħabba konsentura li fih f'kamra minnhom. Din il-konsentura mhiex perikoluża, iżda, peress li hemm nuqqas ta' ingall, tkun teħtieġ manutenzjoni ta' spiss. Għalkemm, kif għidt, mhemmx periklu, din il-manutenzjoni qed tiġi kkunsidrata bħala nkonvjent li jwassal lill-inkwilini prospettivi li jirrifjutaw l-allokazzjoni.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna - li isimha qed jintbagħat separatament - li qed tintalab mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex toħroġ minn fejn toqgħod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-kirja tal-fond ġiet terminata mid-Dipartiment tal-Artijiet, għalhekk il-persuna ndikata li hi bla titolu se tkun żgumbrata.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li missier bir-relief - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - joħroġlu r-relief wara li f'dawn l-aħħar ġranet waqaflu u jinsab bla ebda dħul ieħor finanzjarju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha dwar il-każ mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Djar — Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'post mikri sub-standard, hi separata u għandha t-tfal u li ilha snin applikata mad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali sa mill-1982, għadha sal-lum tgħix fl-istess fond indikat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata, li saret fl-1992 u mhux fl-1982, qed tiġi ikkunsidrata ma' oħrajn simili.

Impjiegi — Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 15902 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': B'riferenza għad-direttiva 92/29 tal-UE li tesiġi lis-sajjieda tal-pajjiżi membri jżommu madwar 620 item ta' mediċina eċċ, fuq il-qoxra li tkun twila aktar minn erba' metri, jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani jekk dawn is-620 item li l-UE timponi fuq is-sajjieda Maltin u Għawdxin humiex se jiġu mposti wara li nsiru membri tal-UE? Jista' jgħid x'inhuma l-multi tal-UE kemm-il darba s-sajjieda jinstabu li mhux jonoraw din id-direttiva? Jista' jgħid kemm se jiswew dawn is-620 item li l-UE tobbliga lis-sajjieda lokali li jżommu fuq l-opri tas-sajd tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Direttiva 92/29/EEC hija ntiża biex ittejjeb ir-trattament mediku ta' ħaddiema fuq biċċiet tal-baħar. Din id-Direttiva ma titkellimx fuq id-daqs tal-opra tal-baħar, iżda tikkategoriżża l-opri tal-baħar skond id-distanza tal-vjaġġ barra mill-port. L-Onor. Interpellant huwa misinformat ukoll in-numru ta' 'items' tal-mediċini li jridu jinġarru fuq il-vapur biex jintużaw mis-sajjieda f'każ ta' xi mard jew emerġenza medika fuq il-vapur biex jintużaw mis-sajjieda f'każ ta' xi mard jew emerġenza medika fuq il-baħar, u dan għaliex: 1. fil-kategorija ta'sea-going vessels' jew 'sea-fishing vessels' mingħajr limitazzjoni tat-tul tal-vjaġġ, hemm biss 46 'item' ta' mediċina li jridu jiġu miżmuma fuq il-vapuri; 2. fil-kategorija ta' 'sea-going vessels' jew 'sea-fishing vessels' li joħorġu sa distanza ta' 150 mil nawtiku il-barra mill-port, hemm biss 39 'item' ta' mediċina; filwaqt li 3. fil-kategorija ta' biċċiet tal-baħar li jibqgħu ġol-port jew viċin tal-kosta, hemm biss 8 'items' ta' mediċina. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-UE ma timmultax sajjieda ta' pajjiż Membru.

Sigurta' Soċjali — Care workers

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi short listing tal-kandidati li applikaw għal post ta' care workers, madwar erba' xhur ilu? Fiex wasal il-proċess ta' l-għażla? Hemm il-ħsieb li eventwalment jiġu mpjegati dawn il-care workers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' l-għażla tal-kandidati li applikaw għall-post ta' 'care workers' għadu għaddej. M'hemmx dubju li l-'care workers' jiġu mpjegati meta l-proġess ikun tlesta.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li joħroġ ir-relief ta' missier - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li għadu kif tilef ix-xogħol u għandu żewġt itfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha dwar il-każ mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Djar — Tarxien

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jekk jogħġbu, jikkonferma li l-fond proprjeta' tal-Gvern fl-indirizz Block J, Door 1, Old Neolitic Temple Street, Raħal Ġdid, huwa vojt u vakanti u ilu hekk għal dawn l-aħħar snin? Stante dan il-fatt, jista' jara li l-persuna anzjana u marida ħafna li qed tbati ħafna fejn toqgħod fil-preżent għax trid titla' kuljum Old Bakery Street kollha u minħabba dawn it-tlajja lanqas baqgħet tqarben il-morda bħal qabel, ikun allokat lilha dan il-fond minħabba li dan qiegħed ħdejn qraba tal-familja tagħha u b'hekk ikollha l-konfort tal-familja. Id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-fond indikat mhux vakanti imma allokat.