Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar in-nefqa kapitali, kif ukoll tal-budget propost għal vocational college li mistenni jiftaħ f'Ottubru, 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispiża għas-sena kurrenti t-tagħrif mitlub jinsab fl-Estimi għas-sena 2000, filwaqt li l-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ qed jiddiskuti l-bżonnijiet tas-sena d-dieħla ma' l-Awtoritajiet kompetenti.
B'riferenza għad-domanda parlamentari numru 17083, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex ix-xogħol quddiem l-iskola primarja ġewwa l-Belt Sengleana, magħrufa bl-isem tal-Benedittin Dun M. Inguanaez, jinsab preżentement wieqaf b'perikolu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandha ebda xogħol għaddej quddiem l-iskola primarja ta' l-Isla. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Membru biex jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat kif inhuma antiċipati li jkunu ffurmati l-istrutturi l-ġodda li sejrin jikkordinaw l-arti u l-kultura f'pajjiżna u kif dawn sejrin jiġu ffinanzjati filwaqt li jgħid meta sejjer jitwaqqaf il-fond għal finanzjament ta' proġetti edukattivi u kulturali u minn min sejjer ikun immexxi dan il-fond?
Response (GALEA, LOUIS)
Stante l-istadju li tinsab fih it-tħejjija tal-miżuri f'dan il-qasam, għadu kmieni biex nagħti d-dettalji mitluba. B'danakollu malli jkolli abbozz finalizzat tad-dokumenti konċernati ngħaddihom lill-Oppożizzjoni għall-konsiderazzjoni u l-kontribut tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iskola Carmen Carbonaro f'Tas-Sliema u l-iskola ta' l-Arti u Disinn tal-Belt, Valletta, jiġux ittrasferiti fis-sit tal-Kulleġġ Vokazzjonali li għandu jitwaqqaf?
Response (GALEA, LOUIS)
It-trasferiment ta' skejjel fis-sit tal-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija huwa suġġett ta' diskussjoni attwali quddiem l-iSteering Commettee dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonali. Malli jiettieħdu d-deċiżjonijiet inkun f'qagħda li nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu antiċipat li sejjer jiswielha b'mod dettaljat lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni t-twaqqif ta' skola ġdida sekondarja għal-lokalita' ta' Santa Venera?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-proġett għadu qed jiġi żviluppat u diversi sejħiet għal offerti qed jiġu mfassla, għadni m'hinix f'pożizzjoni li nagħti t-tagħrif dettaljat mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalita' u f'liema bini sejjer ikun trasferit il-liċeo tas-subien f'Kordin mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni filwaqt li jgħid b'mod dettaljat x'sejra tkun l-ispiża għad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ta' dan it-trasferiment u meta hu anteċipat li tali trasferiment isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhi ser tittieħed ebda deċiżjoni ta' ċaqlieq tal-Liċeo tas-Subien f'Kordin qabel tiġi deċiża l-alternattiva. Tagħrif dettaljat ikun jista' jingħata meta tittieħed u tiġi approvata din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju jinsab il-proġett għall-bini ta' skola nawtika ġdida għad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni flok dik eżistenti li pjanti għaliha kienu tħejjew mill-periti ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proġett għall-bini ta' skola nawtika ġdida għadu fi stadju ta' studju ta' żvilupp u ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx konflitt ta' interess fl-organizzazzjoni ta' seminar bl-isem Travel Guide to Inclusion bejn l-Inclusive Education Programme (IEP) ta' l-Universita' ta' Malta u l-Equal Partners Foundation ġaladarba l-ko-ordinatriċi ta' l-IEP hija ukoll waħda mill-partners ta' l-Equal Partners Foundation?
Jista' jgħid ukoll fejn se jmorr il-qliegħ ta' dan is-seminar?
Jista' l-Ministru jgħidilna min iffinanzja dan is-seminar?
Meta d-dipartiment ta' l-edukazzjoni jiffinanzja seminars, x'kontroll juża sabiex jara li verament jiggwadanja min għandu fil-fatt jiggwadanja?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Universita` dejjem tinkoraġġixxi kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet oħra. Din il-kolloborazzjoni hija attiva ħafna, speċjalment fil-qasam tad-Diżabilita`.
Dan l-aħħar kellna l-konferenza organizzata mill-Universita` u mill-Eden Foundation. Diversi lecturers mill-Universita` kienu nvoluti.
L-Equal Partners u d-Dar tal-Provvidenza huma żewġ 'non-governmental, non-profit making organisations'. L-Universita` għandha pjaċir taħdem magħhom. Dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu wkoll 'placement' għall-istudenti tagħna.
Ma nara ebda konflitt ta' interessi li l-koordinatriċi tal-"Programme for Inclusive Education' u li lectrurers oħra jkunu nvoluti ma' organizzazzjonijiet bħal dawn. Anzi, kif diġa' għidna, l-Universita` tinkoraġġixxiha.
Il-koordinatriċi, f'dawn l-aħħar snin, kemm-il darba kienet involuta fl-organizzazzjoni ta' seminars, workshops u konferenzi ma' organizazzjonijiet oħra bħal Eden Foundation, Downs Syndrome Association, Id-Dar tal-Provvidenza, u l-Equal Partners Foundation.
Fdan is-seminar "Travel Guide to Inclusion", l-Universita` qed tagħti s-support tagħha permezz ta' parti żgħira mis-"secretarial back-up", plastic name tags u document wallets, kif ukoll is-support ta' Dr Elena Tanti Burlo` u Ms Ruth Falzon. Il-professuri li ġejjin huma meqjusa fost l-aħjar fis-suġġett tagħhom.
Seminar bħal dan jinvolvi ħafna spejjeż, u ma jidhirx li ser isiru xi profitti. Il-Main Sponsor tas-seminar huma it-Tumas Group, u sponsors oħrajn huma Xerox, Vivian Corporation u Michele Peresso Co. Ltd. Jekk jifdal xi flus, dawn imorru ġo fond speċjali għat-taħriġ f'dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet.
Informat li la l-Ministeru u lanqas id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni me kellhom sehem fl-organizzazzjoni tas-seminar imsemmi.
Iżda minħabba li bosta uffiċjali għolja, għalliema, facilitators u kindergarten assistants urew ix-xewqa li jattendu għal dan is-seminar minħabba li t-tema tas-seminar kienet relatata max-xogħol tagħhom u bħal ma dejjem sar fl-imgħoddi f'seminars oħra simili, id-Diviżjoni ddeċidiet li tisponsorja l-attendenza tagħhom. Bħal ma jsir f'okkażjonijiet simili anke għal dan is-seminar, l-organizzaturi offrew lid-Diviżjoni prezz speċjali. L-għażla tal-persuni sponsorjati ssir fuq -approvazzjoni tad-Direttur jew l-Assistent Direttur inkarigat mis-suġġett li ser ikun diskuss waqt is-seminar.
B'riferenza għad-domanda parlamentari numru 17083, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex ix-xogħol quddiem l-iskola primarja ġewwa l-Belt Sengleana, magħrufa fl-isem tal-Benedittin Dun M. Inguanez, jinsab preżentement wieqaf b'perikolu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandha ebda xogħol għaddej quddiem l-iskola primarja ta' l-Isla. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Membru biex jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 17247?
Response (GALEA, LOUIS)
M'hemmx dubju li l-professjoni ta' veterinarju hi importanti ħafna għal pajjiżna li għandu jkollu provvista adegwata u regolari ta' dawn il-professjonisti. B'danakollu n-numru meħtieġ huwa limitat u jirrendi l-għoti tal-kors mill-Universita` spendjuż ħafna. Ser nibqa' nżomm din il-kwestjoni taħt konsiderazzjoni għal kwalunkwe ammeljorament possibbli.
Jista' l-Ministru jara illi tifel li ismu qed jintbagħat separatament u li joqgħod ġo parti mill-Imsida li qiegħda fuq il-borderline ma' Santa Venera, jintbagħat ġo l-iskola sekondarja li hemm Psaila Street, Santa Venera, u mhux il-Gżira, u dan għaliex omm dan it-tifel tieħu ħsieb iz-zija anzjana tagħha li trid attenzjoni għal ħin twil tant li tkun magħha sa tard filgħaxija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ġenituri tat-tifel konċernat huma mitluba jsegwu l-proċeduri normali u jitlobu transfer. Kull talba għal transfer tiġi kkunsidrata u aċċettata skond iċ-ċirkostanzi partikulari sakemm dan ikun possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu antiċipat li tkun l-għajnuna lill-familji li għandhom uliedhom fl-iskejjel privati kif ukoll jgħid tali nefqa kif sejra tkun sostnuta mill-ministeru u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li għadni fi stadju bikri ta' diskussjoni, m'hinix f'pożizzjoni li nagħti t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti tal-kumplessi sportivi reġjonali li l-gvern impenjat li jibni u f'kull każ jgħid xi tħallsu dawn il-periti minn meta tqabbdu sal-lum u x'inhu antiċipat li jitħallsu sakemm jitlestew il-proġetti rispettivi filwaqt li jgħid x'inhu antiċipat li jiswew b'mod dettaljat dawn il-kumplessi wieħed wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba hi kif ġej:
KUMPLESS COTTONERA:
Id-disinn u xogħol konness ma' dan ix-xogħol qed isir mill-Works Division.
KUMPLESS KARWIJA:
Id-disinn ta' dan il-kumpless qed isir mad-disinn ta' l-iskola l-ġdida. Għad m'hemmx impenn definit f'dan ir-rigward f'dan l-istadju.
KUMPLESS TAN-NORTH:
Għadhom qed isiru taħditiet rigward is-sit.F'kull każ, għadhom qed jinħaddmu l-"bills of quantities".
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti responsabbli mill-bini ta' uffiċini u faċilitajiet sportivi ġodda fil-kumpless tal-Marsa filwaqt li jgħid b'mod dettaljat kemm sejrin jiswew dawn il-proġetti biex isiru kif ukoll jgħid x'inhu antiċipat li jitħallsu l-periti mqabbda sakemm jitlestew dawn il-proġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-disinn fuq ix-xogħol tal-Kumpless tal-Marsa qed isir mill-Malta Freeport Corporation Project Office. Għadhom qed jinħadmu l-"bill of quantities" relattivi għall-proġett, u allura m'aħniex f'pożizzjoni s'issa li nikkwantifikaw l-ispiża kapitali għal dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sejjer jiswa t-twaqqif tal-mużew tax-xjenza u teknoloġija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet li qed isiru bħalissa f'Bighi jinkludu t-tkomplija tar-restawr fil-bini tal-Kumpless użat miċ-Centru Malti tar-Restawr u t-tlestija ta' Villa Bighi għall-użu tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u Teknoloġija.Il-proġett tal-Mużew tax-Xjenza u Teknoloġija huwa l-aħħar fażi tal-proġett kollu ta' Bighi li għandha tinbeda kif jitlestew ix-xogħlijiet imsemmija. Għalhekk għadhom ma sarux stimi ta' din il-fażi tal-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex fix-xogħol li sar fuq il-bini taċ-Ċentru tar-Restawr f'Bighi saru sketches li juru mnejn għaddejjin is-servizzi tad-dawl u l-ilma qabel ma' l-ħitan ġew miżbugħa biex ikun magħruf mnejn għaddejjin f'każ li 'l quddiem ikun hemm bżonn ta' xogħol fuqhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru sketches kemm bl-idejn kif ukoll bl-"Autocad" u ttieħdu wkoll ritratti minn fejn għaddejjin is-servizzi msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti universitarji li se jaħdmu dan is-sajf fl-iskema ta' xogħol għall-istudenti?
Kemm minnhom se jaħdmu fl-ewwel ċiklu u kemm fit-tieni ċiklu?
Kemm hemm studenti li se jkunu qed jaħdmu f'din l-iskema u fl-istess ħin għandhom xogħol fis-settur privat?
Jiġi verifikat jekk studenti li se jaħdmu fl-iskema hux diġa' għandhom xogħol mal-privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 1650 studenti universitarji li se jaħdmu dan is-sajf fil-programm ġdid ta' xogħol għall-istudenti. 1150 studenti qedħdin jaħdmu fl-ewwel ċiklu u 1060 studenti se jaħdmu fit-tieni ċiklu.
S'issa ma jirriżultax studenti li qed jaħdmu wkoll fis-settur privat filwaqt li s-sitwazzjoni tkun verifikata ma l-E.T.C.
Il-persuna li qed nibgħat id-dettalji tagħha separatament li hija kindergarten assistant fl-iskola primarja ta' San Gwann u bħalissa qed tagħmel xogħol ma' persuna b'diżabilita', meta se tingħata tmexxi klassi tal-kindergarten peress li fix-xhur li ġejjin se tinħoloq vakanza f'dan il-qasam fl-istess skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna msemmija kienet qed tagħmel xogħol ma' tifel b'diżabilita` fuq it-talba tagħha stess. Fil-fatt is-sena d-dieħla se tibda tieħu ħsieb ta' klassi skond l-esiġenzi ta' l-iskola li tkun fiha.