Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġitx is-sejħa għall-offerti sabiex issir Triq il-Qortin fil-Mellieħa? Jekk iva meta għandu ppjanat il-Gvern li x-xogħol fuq din it-triq jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti sabiex issir Triq il-Qortin fil-Mellieħa għadha ma ġietx ippublikata. Transport Malta, bl-għajnuna tal-entitajiet, bħalissa qed tipprepara stimi dettaljati. Minħabba il-valur, u n-natura estensiva tax-xogħol, is-sejħa għandha tgħaddi mid-Dipartument tal-Kuntratti.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – konsulenti legali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li lista ta’ persuni u kumpaniji li qed jipprovdu servizzi ta’ konsulenza lill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skont il-prassi imdaħħla mill-Gvern preċedenti, mhux opportun li tingħata informazzjoni rigward kundizzjonijiet u remunerazzjonijiet minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-individwu li ismu qed jintbagħat separatament (immarkat b' ittra 'A') hux se jieħu post l-individwu li ismu qed jingħata separatament (immarkat b' l-ittra 'B') wara li dan tal-aħħar tkeċċa mill-kariga ta' direttur tal-Human Resources ta' Transport Malta? Jaf il-Ministru illi l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament (immarkata b' ittra 'A') hija l-uffiċjali legali eżekuttiv ta' waħda mill-unions prinċipali li hawn f' pajjiżna u għalhekk jista’ jkollha kunflitt ta' interess fl-eżekuzzjoni ta' dmirijietha bħala direttur tal-Human Resources ma’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għal darb’oħra, għandu informazzjoni kompletament żbaljata.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament twaqqfet milli tkompli taqdi dmirijietha minn ma’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-persuna li qed jirreferi għaliha ma twaqqfitx milli tagħmel xogħlha imma irriżenjat.
Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba Transport Malta ġiet rappreżentata f'konferenza/seminars organizzati mill-Kummissjoni Ewropea mit-12 ta' Marzu 2013? Min attenda għal dawn il-konferenzi/seminars, min ħallas għalihom, Transport Malta jew il-Kummissjoni Ewropea? X'inhuma l-proċeduri li qed jintużaw biex jintgħażel impjegat u mhux ieħor biex jattendi għal dawn il-konferenzi/seminars barra minn Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Spejjeż relatati ma’ dawn il-konferenzi/seminars jiġu mħallsa minn Transport Malta u eventwalment jiġu rifonduti mill-Kummissjoni Ewropea. L-għażla tal-impjegati li jattendu għal dawn il-konferenzi/seminars ħafna drabi tkun determinata skont is-suġġett tal-konferenza/seminar u l-ispeċjalizazzjoni fil-qasam tax-xogħol ta’ dawn l-impjegati. L- attendenza għal dawn il-konferenzi/seminars tiġi wkoll approvata mic-Chief Officer ta’ kull direttorat rispettiv.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol proprju tax-xufier tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta li għalkemm xogħlu suppost hu ta' xufier, iqatta’ l-ġurnata fl-uffiċċju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-rwol prinċipali tax-xufier tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta huwa dak li hu, jiġifieri xufier tal-istess Kap Eżekuttiv. Għaldaqstant, hija ħaġa normali li din il-persuna tkun ġewwa l-uffiċċju meta l-Kap Eżekuttiv ma jkollux impenji oħra barra l-uffiċċju.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk grad ta' xufier fi Transport Malta hux intitolat għal computer/laptop u uffiċċju fil-bini tal-istess Awtorità?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xufiera fi Transport Malta jgawdu minn spazju ta’ uffiċċju fil-ħinijiet li ma jkunux xogħol fuq barra. Ninfurmah ukoll li jekk impjegat, bħalma hu xufier, jintalab jagħmel ċertu xogħol li jista’ jirrikjedi l-użu ta’ apparat elettroniku, bħalma huwa computer/laptop, dan se jingħata aċċess jagħmel użu minn dawn il-mezzi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-televisions li hemm kemm fl-uffiċċju taċ-chairman ta' Transport Malta kif ukoll fir-reception area inxtrawx b'direct order jew jekk ħarġitx tender? Kemm inxtraw dawn it-televisions? Mingħand min inxtraw? X'inhu l-użu ta' dawn it-televisions?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 945, ninfurmah ukoll li dawn it-televisions inxtraw biex jaqdu l-funzjoni speċifika tagħhom.
Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — sponsorship
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Gvern sponsorja l-konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013? X’kien l-isponsorship?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura ma ta l-ebda sponsorship għall-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit. Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura ħa sehem permess tal-Continental Shelf Department li għamel preżentazzjoni rigward l-potenzjal li Malta għandha fil-qasam għat-tiftix taż-żejt.
Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema konsulenti (inkluż ex konsulenti) tal-Gvern jew enti tiegħu kienu jew huma involuti fil-konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Dr John Blair għamel preżentazzjoni dwar il-ġeoloġija reġjonali. Dr Blair kien konsulent mqabbad mill-Gvern preċedenti.
Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — rakkomandazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min irrakkomanda sponsorship mill-Gvern Malti għall-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013? Meta saret tali rakkomandazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda sponsorship.
Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 – background checks
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’background checks saru dwar l-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013? Min għamilhom? X’kien ir-riżultat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’isem il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, id-Direttur Ġeneral tal-Continental Shelf ħass li għandha issir preżentazzjoni rigward il-potenzjal li Malta għandha fil-qasam għat-tiftix taż-żejt ġa la darba din il-konferenza kellha l-isem ta’ Malta. Id-Direttur Ġenerali ħass li għalhekk il-parteċipazzjoni permess ta’ preżentazzjoni kienet importanti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq fit-12-il distrett elettorali li ġie deċiż li għandhom jiġu mogħtija t-tarmac għall-ewwel darba, matul is-sena li ġejja, issa li hu magħruf il-budget għas-sena d-dieħla?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq li se jingħataw it-tarmac għall-ewwel darba matul is-sena li ġejja huma dawn:
LOKALITÀ TRIQ
L-Imġarr p/o Sant’Anna
In-Naxxar Rixtellu
In-Naxxar Milizzja
In-Naxxar Inkwina
San Pawl p/o Annetto Caruana
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta awtorizzatx bidliet partikulari għal dak li jikkonċerna r-rotta u l-pick up points li għandha l-fun train li taħdem fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, u dan wara li l-istess train bdiet taħdem? Jekk saru tali awtorizzazzjonijiet fuq dan, jista' jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-bidliet li ġew approvati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn meta bdiet titħaddem ir-rotta għall-ferroviji mingħajr binarji (trackless train route) f’San Pawl il-Baħar, Transport Malta din is-sena awtorizzat żewġ tibdiliet fuq din ir-rotta wara konsultazzjoni mall-Kunsill Lokali, hekk kif ġej:
1. Rilokazzjoni tal-post permanenti minn fejn tibda u titlaq ir-rotta
(standing point)
minn Dawret il-Gżejjer (ħdejn il-Moll) għal Triq it-Turisti; u
2. L-istallazzjoni ta’ post fejn jitilgħu u jinżlu l-passiġġieri (pick-up and drop-off point) f’Dawret il-Gżejjer (ħdejn McDonalds).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk minn Jannar 2012 sal-lum, Transport Malta tatx xi permessi partikolari għal dak li jikkonċerna alignments ta’ bankini, jew konfigurazzjoni ta’ toroq fl-inħawi tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk ingħataw tali permessi, jista’ jagħti tagħrif dwar liema kienu dawn il-permessi u fejn jolqtu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi li nħarġu għal twessiegħ ta’ partijiet ta’ bankini f’San Pawl il-Baħar huma kif ġej:
Data tat-talba
Talba
Isem tat-Triq / Dettalji
23/05/2013
Changes in footpath alignments
Triq L-Erba Mwiezeb
as part of Traffic Management Scheme
12/06/2013
Build-out
Triq it-Turisti off c/w Triq Merluzz
as part of plan by LC to implement a Zebra Crossing
29/08/2013
Build-out
Dawret il-Qawra between Triq ir-Rizzi & Triq L-Arznell
for Zebra Crossing
27/08/2013
Chamfer of build-out
Triq ix-Xitwa c/w Triq San Xmun
for chamfer of parking bays
15/07/2013
Build-out
Triq it-Turisti
as per of improvement of existing Zebra Crossing located at
c/w
Triq Ghawdex
San Pawl il-Baħar – permessi għall-bidliet fil-one ways
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tatx permessi partikolari għall-bidliet li jikkonċernaw id-direzzjonijiet tat-traffiku f’toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li saru jew permezz ta’ bidliet fil-one ways jew inkella minħabba permessi għal xogħol strutturali, matul l-aħħar 12-il xahar? Jekk tat tali permessi, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk wara li joħorġu l-permessi neċessarji, Transport Malta tagħmilx spezzjonijiet biex tara li x-xogħlijiet awtorizzati jkunu twettqu? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk fil-każ ta’ San Pawl il-Baħar sarux dawn l-ispezzjonijiet u jekk iva, x’irriżulta minnhom?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta approvat tliet toroq sabiex isiru f’direzzjoni waħda tat-traffiku. L-approvazzjonijiet jiġu implimentati mill-kunsilli lokali u dawn jiġu implimentati mill-istess kunsill bil-moniteraġġ tal-perit tal-kunsill. L-Awtorità ma ġiet mitluba fl-ebda każ biex tipprovdi xi għajnuna lill-kunsill u lill-perit tal-kunsill fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-kunsill lokali u tal-perit tal-kunsill li l-implimentazzjoni ssir skont dak li jkun ġie approvat. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi diffikultà dwar xi miżuri li ġew implimentati mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar huwa mitlub jipprovdi dettalji ċari.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5538, billi jirriżulta li hemm numru sostanzjali ta’ traffic/pelican lights li huma mifruxa madwar Malta kollha, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li dawn il-lights kollha fil-fatt qed jagħtu s-servizz ta’ kontroll tat-traffiku li għalihom kienu ddisinjati? Jista’ jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien isiru spezzjonijiet ta’ rutina fuq dawn l-istess lights?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Trasport Malta tiċċekja traffic lights/pelican lights fil-junctions kull sitt xhur għal dak li jirrigwarda t-timings biex jiġi assigurat li dawn qed jagħtu s-servizz ta’ kontroll li għalihom kienu ddisinjati. Isiru wkoll spezzjonijiet ta’ rutina kull xahar mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fuq il-lights kollha ta’ Malta u Għawdex. Il-lights fit-toroq arterjali u distributorji jiġu wkoll iċċekjati minn Transport Malta kull ħmistax bħala parti mill-ispezzjonijiet li jsiru bil-lejl.
Fl-aħħar ta’ min wiehed iżid li ħafna mit-tiswijiet isiru wara telefonati tal-pubbliku u kunsilli lokali li jkunu pronti jirraportaw il-ħsarat. Fil-ġimgħat li ġejjin Transport Malta ser tkun qegħda tippromwovi dawn l-inizjattivi tal-pubbliku bit-twaħħil ta’ numri tat-telephone u r-riferenza tal-arbli fuq l-l-istess arbli tal-imsemmija lights.
Kif diġà ntqal pubblikament parti sostanzjali mis-sistema tat-traffic lights hija out dated u għalhekk qed jagħtu ħafna problemi. Din il-problema ilha tippersisti għal ħafna snin u għaldaqstant tlabt lit-tekniċi biex iħejju programm ta’ manutenzjoni u upgrading tas-sistema inġenerali.