Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet fuq il-bandli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol fuq il-bandli ta' ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jitlesta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol jinsab wieqaf u dana wara request for information rikjesta mill-MEPA, liema request jiena qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Lokali tal-11-il u t-12-il Distrett Elettorali – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq hu ppjanat li jsir xogħol infrastrutturali fihom mill-kunsilli lokali tal-11-il u t-12-il distrett elettorali, lokal b’lokal bejn issa u Diċembru 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.

Kunsilli Lokali – spezzjonijiet għal għarrieda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-dipartiment responsabli mill-Kunsilli Lokali jagħmilx spezzjonijiet għal għarrieda fil-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ Gvern lokali b’personalità legali distinta li fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, eżiġenzi u l-mezzi tagħhom. Fost il-funzjonijiet tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali hemm il-moniteraġġ tal-operat u l-ħidma tal-Kunsilli Lokali permezz tal-Monitoring Unit, iżda bl-ebda mod id-Dipartiment ma għandu funzjoni polizjeska fuq il-Kunsilli Lokali kif qed jirreferi l-Onor. Interpellant.

12-il Distrett Elettorali – kunsilli lokali – programm LEAP

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali tat-12-il distrett li qed jieħdu sehem fil-programm LEAP u kemm hemm persuni li qed jibbenefikaw minn dan il-programm ma’ kull kunsill rispettivament? Jista’ jindika kif intagħżlu l-persuni kkonċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kunsilli Lokali — korrispondenzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista’ persuna residenti f’lokalità, jieħu l-passi fil-konfront ta’ sindku jew kunsillier li fil-korrispodenza interna tal-kunsill ikun qed jipprova jattakah meta l-istess persuna mhux membru tal-kunsill? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk tali korrispondenza li tkun tiġri fl-idejn tistax tiġi użata mill-persuni msemmija fl-istess korrispondenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nfurmat mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali li f’każ li persuna taħseb li kien hemm allegatament amministrazzjoni ħażina li tinkludi deċiżjonijiet minn rappreżentanti eletti jew uffiċċjali ta’ xi kunsill lokali li jieħdu tul ta’ żmien mhux raġonevoli mingħajr ebda ġustifikazzjoni, proċeduri li ma jkunux konsistenti adottati f'ċirkostanzi simili, l-għoti ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni żbaljata, jew deċiżjonijiet li ma jkunux skont il-liġi jew il-proċeduri statutorji, xi azzjoni li fl-implimentazzjoni tagħha toħloq inkonvenjent bla ħtieġa jew xi abbuż ta’ diskrezzjoni, l-istess persuna tista’ tagħmel ilment quddiem il-Bord ta’ Governanza Lokali.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tal-istaff tas-segretarjat tiegħu kif ukoll ir-rwol tagħhom fis-segretarjat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat kollu huma kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Heritage Malta – managers u senior curators – palm reader

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li mhux il-managers /senior curators kollha ta’ Heritage Malta jużaw is-sistema tal-palm reader? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti r-raġunijiet għaliex dan ma jseħħx u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Karma kopja tal-logs rilevanti ta’ dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-managers u s-senior curators kollha ta’ Heritage Malta jużaw is-sistema tal-palm reader.

Heritage Malta – ħaddiema bit-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta qed jibbenefika mit-teleworking u jgħid f'liema gradi jinsabu dawn il-ħaddiema? Jista’ jinforma lill-Kamra x’inhuma l-kriterji biex wieħed jingħata permess biex jaħdem bit-teleworking?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li preżentement f’Heritage Malta hemm żewg impjegati li qed jibbenefikaw minn teleworking li huma fil-gradi ta’ senior clerk u senior executive rispettivament. Il-ktiterji li jintużaw sabiex wieħed jingħata teleworking huma dawk stabbiliti fil-Public Service Management Code.

Kumitat Festi Nazzjonali – Jum Dun Karm — ċelebrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kumitat Festi Nazzjonali li twaqqaf f’nofs l-2013 iċċelebrax bħas-soltu Jum Dun Karm lejn l-aħħar t’Ottubru? Jekk iva, x’kienet l-attività? Jekk le, għaliex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill- Onor. Interpellant ninsab infurmat li l-attivitajiet tal-Kumitat Festi Nazzjonali biex ifakkru lil Dun Karm ghas-sena 2014 huma kif ġej: 1. Tifkira Dun Karm – attività annwali li tinkludi korteo u tifkira quddiem il-mafkar ta’ Dun Karm fil-Floriana li saret nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru, 2014. 2. Attività oħra tal-Kumitat Festi Nazzjonali flimkien mal-Akkademja tal-Malti hi Lejla f’Gieħ il-Poeta Nazzjonali Dun Karm bit-tema “Seddaq il-Għaqda fil-Maltin” li saret nhar it-23 ta’ Ottubru. 3. Għall-ewwel darba wkoll il-Kumitat Festi Nazzjonali flimkein mal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Regjonali t’Għawdex u l-Akkademja tal-Malti se jtella’ wkoll serata simili għal dik li tkun saret nhar it-23 t’ Ottubru fil-gzira Għawdxija. Apparti dan kollu l-istess Kumitat Festi Nazzjonali ha ħsieb li l-mafkar tal-Poeta Nazzjonali fil-Floriana jkun dekorat għall-perjodu u fl-istess ħin qed jitella’ materjal relatat fuq il-paġna tal-Facebook tal-istess Kumitat Festi Nazzjonali.

Kunsilli Lokali — kontroll

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kontroll jagħmel il-Ministeru biex jara li l-kunsilli lokali jkunu qed jimxu ma’ dak li jipproklama l-istess Ministeru? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm hemm kunsilli li għadhom mhux qed iwettqu l-istreaming tal-laqgħat? Liema huma u x’passi qed jittieħdu biex dan ma jibqax jirrepeti ruħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Direttorat tal-Gvern Lokali li hemm tmienja u tletin (38) Kunsill Lokali li diġa qed jagħmlu streaming tal-laqgħat tagħhom waqt li hemm seba’ (7) Kunsilli Lokali oħrajn li mistennija jibdew matul ix-xahar id-dieħel. Intant hemm ħames (5) Kunsilli Lokali li qed jinstallaw is-sistema, ħdax (11)-il Kunsill Lokali fi stadju ta’ evalwazzjoni u seba’ (7) oħra għadhom ma bdewx il-proċess peress li se jbiddlu l-uffiċini tagħhom. Il-mira hi li l-Kunsilli Lokali kollha jkunu qed ixandru l-laqgħat tagħhom b’mod dirett permezz tal-live streaming sal-aħħar tas-sena. Hekk kif isir dan ser nieħdu ħsieb li ndaħħlu linji gwida apposta dwar dan.

San Pawl il-Baħar – Triq iċ-Ċern – bankina

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar biex jieħu l-passi neċessarji biex tigi rranġata l-bankina li hemm fi Triq iċ-Ċern, San Pawl il-Baħar, billi hemm diversi partijiet minnha li qed jinqalgħu, b'periklu għal min ikun għaddej minn hemm?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012 u fis-2013 u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

San Pawl il-Baħar – avviżi ta’ żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu avviżi ta’ żgumbrament fuq dgħajjes, karozzi u affarijiet oħra fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena? Fejn kienu l-postijiet li fihom twaħħlu dawn l-avviżi? Kemm kien hemm sidien li neħħew dawk l-oġġetti li dwarhom kellhom avviż ta’ żgumbrament? Liema oġġetti ma tneħħewx u liema oġġetti hu mistenni li jneħħi l-kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul din is-sena waħħal tmien (8) avviżi ta’ żgumbrament ma’ dgħajjes u tlieta u għoxrin (23) avviż ta’ żgumbrament ma’ karozzi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet li fihom twaħħlu dawn l-avviżi. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali li għandha ssir spezzjoni aktar tard dan ix-xahar biex jitneħħew il-karozzi u d-dgħajjes li jkunu għadhom ma tneħħewx.

Iż-Żurrieq – Triq Bronja – water culvert

Question

Jista’ l-Ministu jgħid jekk hemmx ipproġettat li jinbena water culvert fi Triq Bronja fiż-Żurrieq, speċjalment kantuniera ma’ Triq Gerada, peress li meta tagħmel ix-xita jinżel ħafna ilma f' din il-parti tat-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li ma għandux ħsieb u li jagħmel il-water culvert imsemmi. Irid jingħad li dan il-proġett jikkomporta wkoll spiża finanzjarja sosstanzjali li trid tiġi ‘budgeted.’

Heritage Malta — suppliers

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ħarġitx expression of interest u x'kienu l-kriterji li ntużaw sabiex jinstabu u jintgħażlu suppliers sabiex jissupplixxu lill-kumpanija ta' Heritage Malta, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b'oġġetti, souvenirs u xarbiet minerali fost l-oħrajn sabiex jinbiegħu mill-ħwienet tal-mużewijiet u siti ta' Heritage Malta? Jekk ma saritx expression of interest, jista’ jispjega dan għalfejn ma sarx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li għadha ma ħarġitx expression of interest għax-xiri ta’ souvenirs u prodotti simili oħra li qed jinbiegħu mill-ħwienet tal-mużewijiet ta’ Heritage Malta. Dan għaliex Heritage Malta qed tuza din l-ewwel sena li qed tmexxi l-ħwienet bħala prova u biex ukoll takkwista l-esperjenza meħtieġa biex tmexxi ħwienet bħal dawn, u għalhekk baqgħet tuża suppliers li kienet ilha taħdem magħhom għal numru ta’ snin. F’kull każ ma hemmx esklussivita u meta xi suppliers ikollhom xi proposta x’jagħmlu, dawn jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jispjega li prodotti bħal dawn ma jistgħux sempliċement jintgħażlu fuq bażi ta’ prezz biss, iżda fuq kollox fuq awtenticità artistika u fuq il-fatt li huma prodott Malti. Issa li għaddiet l-ewwel sena, expression of interest formali se tiġi ppubblikata iżjed tard din is-sena.

Heritage Malta – Uffiċċju taċ-Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex iċ-Chairman ta’ Heritage Malta għandu bżonn ta’ uffiċċju ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt Valletta? Jista’ jispjega kemm-il ħaddiema kellhom jiġu mċaqalqa biex dan l-uffiċċju jsir uffiċċju għaċ-Chairman u kemm-il darba dan l-uffiċċju qed jiġi użat? Jista’ jgħid ukoll kemm sewa lill-Aġenzija dan il-proġett f'ħin (man hours) kif ukoll f'riżorsi finanzjarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-kamra msemmija fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija ma kienet użata minn ħadd. Ix-xogħol li sar f’din il-kamra kien li ngħatat tibjida ġdida peress li se takkomoda parti mill-kollezzjoni tal-mużew. Sadanittant qed tintuza wkoll għal xi laqgħat li uffiċjali ta’ Heritage Malta, fosthom ic-Chairman, ikollhom fil-Belt Valletta ħalli jiġi evitat skariġġ żejjed, peress li l-uffiċċju ewlieni ta’ Heritage Malta jinsab f’Bighi.

Heritage Malta – performance bonus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-performance bonus lid-diversi heads ta’ Heritage Malta fl-ewwel nofs ta’ din is sena? Jista’ jelenka (kariga kariga) kemm-il mira mistennija mid-diversi Heads ntlaħqu u b’liema persentaġġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-miri tal-Heads ta’ Heritage Malta jiġu evalwati fl-aħħar ta’ kull sena u għalhekk din is-sena għadu ma ngħata l-ebda performance bonus. Dan isir f’Diċembru.

Heritage Malta – wirja tal-100 oġġett — youtube clip

Question

B’referenza għall-youtube clip li ħarġet Heritage Malta fil-1 ta’ Lulju 2014, biex jirriklamaw l-wirja tal-100 oġġett li qed issir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienet l-ispiża biex sar dan il-clip, min ipproduċieh, x’kienet ir-raġuni għaliex dan il-clip ġie rtirat fi ftit sigħat wara u min ta l-ordni biex l-imsemmi clip jiġi mneħħi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-produzzjoni tal-clip imsemmi saret bla ħlas minn CVC Media. Dan ġie mneħħi fuq ordni tac-CEO minħabba li ma laħaqx il-kwalita mixtieqa.

Heritage Malta – Acting Manager – Human Resources

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex kien hemm bżonn tal-ħatra ta’ Acting Manager – Human Resources li tħabbret f'memo lill-impjegati ta’ Heritage Malta fix-xahar ta’ Lulju meta sa ftit xhur ilu kien hemm persuna li tagħmel dan ix-xogħol? Jista’ jispjega r-raġuni/jiet għaliex il-manager tar-riżorsi umani li kien hemm qabel Jannar 2014 ġie mwarrab? Xi kwalifiki akkademiċi rilevanti għandu l-Acting Manager il-ġdid? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-Acting Manager – Human Resources il-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-manager li kien responsabbli mill-Human Resources kien responsabbli wkoll mill-Visitor Services. Peress li din tal-aħħar hija kariga li ġġorr responsabbilta konsiderevoli, ġie deċiż li jżomm din il-kariga biss, filwaqt li tinfetaħ applikazzjoni għal Acting Manager Human Resources. Il-persuna li ntgħażlet għal din il-kariga kellha l-kwalifiki u l-esperjenza kollha meħtiega u mitluba fl-applikazzjoni, u l-kuntratt tagħha hu eżattament l-istess bħal dawk ta’ managers oħra.

Heritage Malta – Kuntratt għal interactive audio visual

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat bejn Heritage Malta u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jipproduċu interactive audio visual ġdid fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ġewwa t-Tempji ta’ Ħaġar Qim? Jista’ jinforma lill-Kamra kemm sewa lill-Aġenzija u jekk kienx hemm bżonn li tinħareġ expression of interest biex dan ix-xogħol jitwettaq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li sabiex jiġi prodott l-interactive audio visual f’Ħaġar Qim ma kienx hemm bżonn li tinħareg expression of interest peress li dan kien ftehim ta’ patrunaġġ (li minnhom Heritage Malta għandha ohrajn) mhux esklussiv, approvat mill-Bord tad-Diretturi, li ma kien jinvolvi ebda spiża kapitali għal Heritage Malta.