Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ittri li jinsabu maqbuda fil-Ministeru, Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu tahtu b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali kontra l-miżuri anti-soċjali mħabbra fl-aħħar budget mill-GWU?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-pensjoni tal-wens għadha ma ġietx mogħtija lill-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jirrispondi għall-mistoqsija parlamentari numru 11472, cioe' biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-inventarju ta' l-uffiċini tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani skond kif kien fis-6 ta' Settembru 1998? Jista' jgħid jekk l-affarijiet fl-inventarju waqgħux f'idejn is-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari ta' l-Anzjani taħt l-amministrazzjoni preżenti? Jekk fin-negattiv, jew mhux kollox, taħt liema segretarjat marru l-affarijiet fl-inventarju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Billi fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11472, L-Onor. Interpellant semma d-data tas-6 ta' Settembru 1999 u l-informazzjoni li kienet qed tinġabar kienet tirrigwarda dik id-data, u billi issa f'din il-Mistoqsija, l-Onor. Interpellant waqt li qed jirreferi għad-domanda parlamentari 11472, semma data oħra - is-6 ta' Settembru 1998 - nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema data qed jitlob l-informazzjoni.
B'riferenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari numri 332 u 345 tas-17 ta' Diċembru, 1998: jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif għall-perijodu 1998 sa 1999, sena b'sena dwar: in-numru ta' benefiċċjarji u kemm kienu jammontaw f'termini ta' flus; u kull benefiċċju (pensjoni/benefiċċju/assistenza) kemm kontributorju kif ukoll mhux kontributorja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għal qasam ta' l-edukazzjoni u t-training, liema chapter għadu kif ġie magħluq; u b'riferenza speċifika għal dan il-paragrafu li qed jintbagħat separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega x'inhu European Pathways? X'inhuma l-prinċipji tal-European Pathways?
Jista' jispjega fiex jikkonsisti l-Europass training document?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bid-deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 1999/51/EC datata 21.12.98, l-Unjoni Ewropeja ħolqot dokument li jismu 'Europass' li tista' ssejjaħlu 'log book' tat-taħriġ. Il-għan tiegħu hu li meta cittadin ta' pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropeja jagħmel xi taħriġ f'xi pajjiż membru jew partiċipant f'wieħed mill-programmi ta' l-Unjoni Ewropeja, din l-esperjenza tat-taħriġ titniżżel f'dan il-'Europass'. B'hekk dik l-esperjenza tkun irrekordjata u tista' tintuża biex lill-persuna tifthilha l-bibien għal taħriġ ta' livell ogħla jew tgħinha ssib impjieg bis-saħħa ta' dak it-taħriġ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif l-Istat mhux f'pożizzjoni li jipprovdi kenn għat-tifla minuri, li isimha qiegħed jidher separatament, li tinsab abbandunata minn missierha u m'għandhiex fejn toqgħod essendo li ommha mejta? Jaf il-Viċi Prim Ministru li minħabba dan li qed jingħad, din qed tinżamm fl-Isptar Monte Carmeli? Jaħseb il-Viċi Prim Ministru li dan huwa każ li għandu jiġi trattat bl-akbar urġenza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ngħid li każijiet bħal dan huma kumplessi ħafna u ma naħsibx li huwa fl-aħjar interess tal-persuni konċernati li jsiru u jiġu mwieġba mistoqsijiet parlamentari ta' dan it-tip, apparti li f'pajjiż żgħir bħal tagħna huwa faċli li wieħed jinduna dwar min qed issir il-mistoqsija. Iżjed minn hekk mhux ġust li wieħed jassumi li dak kollu li qed jingħad lilu kontra xi ħadd huwa veru, per eżempju huwa assolutament falz li din it-tifla hija abbundunata minn missierha.
L-Onor. Membru jista' jitkellem miegħi b'mod kunfidenzjali biex nispjegalu d-diffikultajiet rejali marbuta mal-każ ta' din it-tfajla u biex inserraħlu moħħu li qed isir dak kollu possibbli biex ikun imħares l-aħjar interess ta' din it-tfajla.
Inħeġġeġ lill-membri kollha ta' din il-kamra biex jużaw diskrezzjoni u prudenza kbira meta jkunu qed jaħsbu biex jagħmlu mistoqsijiet parlamentari ta' din in-natura.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskors li għamlet ir-rappreżentanta tiegħu fil-konferenza tal-Ġnus Magħquda Women 2000 (5-9.06.2000)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskors li l-Onor. Helen D'Amato għamlet bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Konferenza: Women 2000 tal-Gnus Magħquda.
Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-riżervi li kellha id-Delegazzjoni Maltija fuq il-kontenut tad-dokumenti preżentati f'din il-Konferenza.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħadet għajnuna finanzjarja tul l-aħħar snin il-Mara Bugeja Cancer Support Foundation? X'rapporti finanzjarji ġew sottomessi lill-awtoritajiet dwar l-operat ta' din il-fondazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Maria Bugeja Cancer Support Foundation irċeviet is-somma ta' Lm5,000 fis-sena, fis-snin 1997, 1998 u 1999. Il-kumitat maħtur biex jagħtini l-pariri dwar kif ser jitqassmu l-fondi ta' l-NGO's għal din is-sena għadu qed iħejji r-rapport finali.
Ninsab infurmat ukoll li din il-Fondazzjoni tippreżenta lill-NGO Liaison Officer rapporti kemm dwar kif intefqu l-fondi mogħtija lilha mill-Gvern kif ukoll dwar evalwazzjoni tas-servizzi li tagħti lill-klijenti mingħajr ħlas. Din il-Fondazzjoni ppreżentat ukoll 'audited accounts' għas-snin imsemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu sabiex ħaddiema ta' nazzjonalita' barranija li qed jaħdmu f'pajjiżna b'mod illegali, ma jkomplux jagħmlu dan?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti statistika li għandha l-ETC dwar kemm instabu ħaddiema ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu b'mod illegali f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn żmien għal żmien, il-Korporazzjoni tirċievi rapporti ta' nies barranin li qed jaħdmu Malta mingħajr permess. Kull fejn hu possibli l-Korporazzjoni tinvestiga dawn il-kazi hi stess u fejn jirrizulta xi ksur ta' liġi tieħu l-passi neċesarji. Il-Korporazzjoni dejjem titlob l-għajnuna tal-Puluzija kull meta spetturi tal-ETC jiltaqgħu ma barranin bla permess guq lantijiet tax-xogħol.
Waqt il-qadi normali ta' dmirijiethom, l-ispetturi tal-ETC dejjem ikunu attenti għal kull ksur ta' liġi, jiġi minn fejn jiġi u jsir minn min isir.
L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hi kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn Settembru 1999 sal-lum x'inizzjattivi ttieħdu mill-ETC ma' żgħażagħ bla xogħol taħt id-19-il sena u huma bla kwalifiki u ma jafux jiktbu u jaqraw? F'kull każ kemm attendew u fiex kienu jikkonsistu dawn l-inizzjattivi? Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sillabu tal-korsijiet li saru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn Settembru 1999 sal-lum in-numru ta' żgħazagħ bejn is-16 u 18-il sena li jirreġistraw għax-xogħol u li attendew korsijiet tal-ETC hu ta' 376.
Il-Korsijiet kienu dawn:
Kors Attendew
Office Skills 65
Book Keeping and Accounts 3
Computer Skills 99
Wages Clerk 7
Core Skills 133
Retail Skills 15
Sage 12
Typing 7
Storekeeping 8
Local Wardens 8
Refrigeration & Air Conditioning 2
Woodwork & Spraypainting 2
Aluminium Frame Work 13
Welding 1
Water & Electrical Installation 1
Jista'jkun li numru ta' dawn kienu bla kwalifiki u ma jafux jiktbu u jaqraw iżda ma kienx hemm inizzjattivi speċifiċi ta' taħriġ għal dawn.
Fil-passat l-ETC organizzat korsijiet fil-qari u l-kitba għal dawk li qed ifittxu x-xogħol u jiddikjaraw li huma illiterati. Sfortunatament, ir-riżultati miksuba ma tantx kienu nkoraġġanti għaliex dawn il-korsijiet ma tantx wasslu biex il-persuni li attendew għalihom isibu mpjieġ. U dan minkejja li l-ETC għamlet użu minn għalliema mħarrġa għal dan il-qasam ta'l-edukazjoni mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Barra minn hekk, il-programm kien jindludi fih taħriġ fuq oqsma tas-snajja, minbarra tagħlim fuq qari u kitba, biex il-kors ikun imżewwaq u jħajjar aktar lil min qed jagħmlu. L-interpellant japprezza li tista' tistieden jew tisforza bniedem biex jattendi għal programm ta' taħriġ iżda ma tistax iġġiegħlu jitgħallem. Ċertament, il-problema ta' l-illitterizmu fost min qed ifittex ix-xogħol hija waħda preokkupanti. Għalhekk l-ETC qed tippjana biex iġġib flimkien lil dawk l-organiżżazjonijiet kollha jistgħu jgħinu f'dan il-qasam. Kullħadd jaqbel li jkun aħjar jekk nintroduċu sistem biex il-problema ta' l-illiteriżmu ma tinqalax milli noqgħodu nipprovaw insolvuha wara li tinqala'
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li koppja li tkun se tiżżewweġ u tixtri post li jkun inbena wara l-1960 ma jkollux dritt għar-rifużjoni tal-VAT fuq l-ispejjeż li jagħmel? Jekk huwa minnu, ma jidhirlux li: (a) dan l-aġir qed inaqqas l-interess taż-żgħażagħ li jixtru postijiet qodma u jirranġawhom; u (b) qed jiżdied il-piż enormi li jkollhom iġorru dawn iż-żgħażagħ?
Għaldaqstant ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li: (c) qiegħda tinħoloq diskriminazzjoni ma' dawn iż-żgħażagħ meta wieħed iqis li meta l-gvern ibigħ residenza shell lil koppji għarajjes dawn ix-xerrejja żgħażagħ huwa stess jagħtihom id-dritt għal rifużjoni tal-VAT?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Iskema ta' rimborż sa massimu ta Lm 3,000 tal-VAT imħallsa fuq xogħlijiet li jsiru fuq l-ewwel dar ta' abitazzjoni, li nbnew l-1960, hi ntiża biex tħajjar nies jixtru u jmorru jgħixu fi djar qodma. Fil-każijiet l-oħra elenkati fl-Iskem relattiva, l-ammont massimu ta' rifużjoni hu ta' Lm 2,500.
Il-kondizzjoni dwar is-sena speċifika msemmija kienet hemm fil-Att ta' l-1995 dwar sussidju tad-djar fuq taxxa tal-valur miżjud imħallas fuq l-ewwel dar ta' abitazzjoni kif ukoll fl-Att ta' l-1997 dwar sussidju fuq djar fuq taxxa tas-SISA imħallsa fuq l-ewwel dar ta' abitazzjoni.
Il-fondi għal din l-iskem jiħarġu mill-VAT Office. L-Awtorita' tad-Djar hi l-operatur tagħha. Il-kondizzjonijiet ta' l-Iskema ġew maqbula bejn il-VAT Office u l-Awtorita' tad-Djar.
B'riferenza għat-Torball Blind Association, sabiex tiġi allokata l-isolation hospital fl-Imtarfa ħalli tiżviluppa ċentru modern għall-għomja assoċjati magħha u sabiex torganizza aħjar l-għanijiet tagħha biex tintegra lil dawn il-persuni aktar fis-soċjeta', jista' l-Viċi Prim Ministru jara li din it-talba tiġi kkonsidrata mill-ġdid mill-Awtorita' tad-Djar?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9641 ta' l-1 ta' Novembru, 1999 (Seduta Nru. 168).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk il-gvern hux se jżomm mal-wegħda elettorali ta' l-1998 li l-eta' tal-pensjoni kienet se tibqa' ta' 61 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa' kelli l-opportunita' f'din il-Kamra li nispjega l-posizzjoni tal-Gvern dwar il-qasam tal-pensjonijiet. Wara li jkollna r-rapport finali tal-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma tal-Welafare nkunu nistgħu naħsbu bis-serjeta' għall-futur tas-Sigurta' Soċjali f'pajjiżna wara li jkunu ressqu l-fehmiet tagħhom il-partijiet kollha interessati f'dan il-qasam. Kif jaf l-Onor. Interpellant, l-Oppożizzjoni ukoll ġiet mistiedna tressaq l-opinjoni tagħha f'dan ir-rigward.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar fir-rigward ta' l-istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern, b'mod partikolari fil-Belt u fil-Furjana? Hemm pjanijiet li jiġi stallat lift fl-appartamenti f'71 Triq il-Miratur, Furjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex jiġi installat il-lift fl-71 Triq il-Miratur, Floriana, l-Awtorita' tad-Djar trid takkwista l-bitħa interna tal-blokk. Għal dan il-għan għad irid jiġi stabbillit is-sid ta' din il-bitħa.
Fil-Floriana, saru spezzjonijiet fuq il-blokki kollha tal-Gvern waqt li fil-Belt għad fadal xi jsiru madwar seba' spezzjonijiet.
Sal-lum l-Awtorita' tad-Djar għamlet erba' applikazzjonijiet mall-Planning Authority taħt is-sistema tal-GDO biex ikunu jistgħu jsiru tibdiliet stutturali bil-għan li tiġi nstallata s-sistema tal-lift. Bħalissa ukoll qed isiru it-Tender documents biex ikunu jistgħu jiġu nstallati dawn il-lifts.
Din il-ġimgħa l-Awtorita' tad-Djar ser tissottometti żewġ applikazzjonijiet oħra mal-Planning Authority għat-tibdil strutturali f'żewġ blokki l-Pieta' fejn jgħixu persuna b'diżabilita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid biex mara miżżewġa li ma taħdimx tibqa' ntitolata għal flus tal-mard kemm jista' jkun il-massimu ta' dħul tar-raġel tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Għajnuna Medika li l-ħlas tagħha hu marbut mal-mezzi tal-familja u mhux għall-Benefiċċju għal Mard, li hu marbut mal-kontribuzzjonijiet imħallsa.
Fil-każ ta' mara miżżewġa li ma taħdimx, il-ħlas ta' l-Għajnuna Medika ma jiddependix biss mid-dħul tar-raġel iżda minn fatturi oħra, fosthom in-numru ta' membri ta' dik il-familja, id-dħul tagħhom, inkluż il-kapital, kif ukoll li tissodisfa l-kriterji stabbiliti dwar il-marda li minnha tkun issofri.
Għalhekk, f'każijiet li jirrigwardaw din l-Għajnuna, il-persuna konċernata għandha tingħata l-parir li tikkonsulta l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa miżżewġin fully employed f'Malta u Għawdex?
Kemm minnhom huma breadwinners?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li skond ir-records miżmuma mill-ETC hemm 14,573 mara miżżewġa jaħdmu f'Malta u Għawdex. Ta' min jgħid li, peress li ma jeżisti ebda obbligu, la fuq min iħaddem u l-anqas fuq il-ħaddiema li jirrapurtaw lill-ETC tibdil fl-istat ċivili tal-ħaddiema, din l-istatistika tista' ma tkunx preċiża.
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma u fl-istess ħin jikkonferma, u dan b'referenza partikolari għall-file numru HCM 00/0392 tas-sezzjoni tal-Housing Construction & Maintenance li ma hemm ebda ħsieb li xi partijiet minn St.Mark Street, Bormla (senjatament il-fond 53) ser jiġu mwaqqa'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm intefqu flejjes sa l-1 ta' Mejju, 2000 fil-kostruzzjoni attwali ta' appartamenti ġewwa Triq San Ġwann, Bormla u ġewwa Sqaq Srejdek, Bormla u kemm appartamenti ġew sa issa kostruwiti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa l-1 ta' Mejju intefqu Lm 23,000 għal 4 appartamenti ġewwa Sqaq Srejdek u Lm 170,000 għal proġett ta' 21 appartament fi Triq San Ġwann. Din it-tieni ċifra tinkludi il-Kostruzzjoni ta' 19-il garaxx.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-eredi ta' anzjan mill-Birgu - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ex-impjegat tat-Tarzna humiex intitolati għall-arretrati dovuti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu indikata ma jidhirx illi kienet tieħu xi forma ta' benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Membru biex jipprovdi aktar dettalji.