Jista' issa l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17035?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-restawr li sar fuq kotba u manuskritti jinkludi:
Histoire de Pierre D'Aubusson, Grand-Maistre du Rhodes; The Life of the Blessed Virgin Mary; The Holy Bible; A Victorian Album; Le Petit Journal; Notarial Deeds drawn up by Notary Graziano Vassallo (ms.); Lyods Register 1916-17; I martiri della scienza; rare woodblock with ms. Insertions; 5 volumes of Histoire de Malte; Instituzioni d'anatomia del dottore Michel Angiolo Grima; Della medicina traumatica del dottore Michelangiolo Grima; L-Art de Tourner en perfection.
L-apparat li nġarr Bighi ġie użat kollu biex jiġu restawrati dawn il-kotba u manuskritti iżda bħal ma jsir kullimkien fid-dinja tar-restawr m'hemm ebda raġuni għala għandhom jinżammu records ta' kull apparat jew biċċa għodda li jintuża waqt ir-restawr. Jinżammu iżda rekords professjonali ta' kull intervent li jsir fuq il-kotba.
L-apparat fil-Laboratorju tal-Karta fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr ta' Bighi jitħaddem mis-sur Joe Schiro, li qabel kien ilu tmintax-il sena jieħu ħsieb il-laboratorju tal-Bibljoteka Nazzjonali, flimkien mas-sinjura Theresa Żammit Lupi li, wara li spiċċat l-istudji tagħha fl-Universita` ta' Malta, tħarrġet fir-restawr tal-kotba għal tlett snin fuq bażi full-time ġo Firenze, fl-Italja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm il-possibbilta' li studenti Maltin ikomplu l-istudji tagħhom fin-Nursing fil-livell ta' certificate (jew ekwivalenti)?
Konxju l-Ministru li jekk dan ma jseħħx numru ta' studenti Maltin ma jkunux jistgħu ikomplu bl-istudji tagħhom f'din il-materja tant meħtieġa għas-servizz tas-saħħa tal-pajjiż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Senat ta' Malta fil-laqgħa tiegħu ta' l-20 ta' Lulju, 2000 aċċetta r-rakkomandazzjoni taċ-Chairman tal-Bord ta' l-Istitut Għall-Ħarsien Tas-Saħħa, li l-kors fin-Nursing fil-livell ta' Certificate jiġi offrut f'Ottubru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra x'passi qed jittieħdu mid-dipartiment sabiex studenti li jagħżlu li jieħdu l-Latin bħala suġġett jiġu effettivament mgħallma dan u mhux jiġu disważi, bħalma ġara fi snin oħra, milli jieħdu dan taħt l-iskuża li l-klassi se tiġi maqsuma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tagħmel l-almu tagħha sabiex tipprovdi tagħlim f'suġġetti offruti fil-kurrikulu skond ix-xewqa ta' l-istudenti. Mill-banda l-oħra, hemm regola ta' prassi tradizzjonali, illi fejn ikun hemm anqas minn għaxar studenti fi skola waħda li japplikaw għal tagħlim f'suġġett partikolari, id-Diviżjoni mhix obbligata tiftaħ klassi f'dak is-suġġett. Fil-prattika, id-Diviżjoni iżżomm bilanċ raġunevoli fl-appliazzjoni ta' din ir-regola.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jiftaħ il-Vocational College? Meta se jibda jieħu l-ewwel studenti? Xi kriterji se jintużaw biex student jiġi aċċettat f'dan il-kulleġġ? X'kordinament hemm bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Korporazzjoni għat-Taħriġ u Impjiegi? Ġew recruited l-għalliema li se jgħallmu f'dan il-kulleġġ? Jekk iva, min huma u x'suġġetti jgħallmu, jekk le meta se jiġu recruited u xi proċedura se tintuża?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif għidt diversi drabi pubblikament il-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija twaqqaf fil-11 ta' Awissu 2000 u hu proġett mifrux fuq numru ta' snin. Il-Bord tal-Gvernaturi qed jaħdem biex iwaqqaf l-ewwel Istitut u għal dan l-iskop qed jiġi intervistat il-persunal meħtieġ.
Il-kriterji għall-għażla ta' studenti jiġu mgħarrfa hekk kif il-Bord jiddeċidihom.
Hemm koordinament sħiħ ma' l-ETC biċ-Chief Executive tagħha wieħed mill-Gvernaturi.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-PBS hux qed taħseb f'xi teleserial bil-Malti għal TVM?
Jekk iva, meta hu maħsub li jibda kull teleserial jekk hemm aktar minn wieħed?
Kull teleserial, min hu responsabbli għalih, kemm hu twil kull teleserial, kemm fiha, espisodji, x'jismu kull teleserial, u kemm se jħallas il-PBS għal kull telserial u lil min se jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-PBS, bħala stazzjoni ta' xandir pubbliku, huwa konxju mill-fatt li Teleserials bil-Malti huma mfittxija mill-pubbliku Malti u għalhekk ħaseb li fl-iskeda tal-programmi għax-xhur li ġejjin jinkludi wkoll teleserial bil-Malti.
Minħabba li l-programmi ġodda kollha li ħejja l-PBS għax-xhur li ġejjin ser jitħabbru waqt xandira diretta ma nħossx li d-dettalji mitluba mill-Onor. Membru għandhom jingħataw f'dan l-istadju.
Rigward il-ħlas għal dawn il-programmi, naħseb li l-Onor. Membru japprezza li din hija informazzjoni ta' natura kummerċjali minħabba l-kompetizzjoni li teżisti ma' stazzjonijiet privati oħra u għalhekk m'hux il-każ li tingħata.
Jikkonferma l-Ministru li l-Kunsill Malti għall-Isports per se m'għandu l-ebda impjegat miegħu? Huwa minnu li s-segretarju u l-messaġġier f'dan l-uffiċċju huma sekondati mill-universita' u minn dipartiment tal-gvern? Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar xi ħsieb għandu biex isaħħaħ l-istruttura amministrattiva tal-kunsill peress li x-xogħol kollu waqa' fuq is-segretarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport per se m'għandu ebda impjegat miegħu. Is-Segretarju Eżekuttiv mhuwiex sekondat mal-Kunsill iżda jagħmel dan ix-xogħol flimkien mad-dmirijiet tiegħu ta' Sports Manager fl-Universita` (minn Mejju 1997). Il-messaġġier li huwa allokat mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport jgħin fl-uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Isport 3 darbiet fil-ġimgħa flimkien ma' xogħol ieħor ta' messaġġier fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali. Diġa` saru provvedimenti biex tissaħħaħ l-istruttura amministrattiva u fil-fatt minn Ġunju li għadda intbagħtet clerk mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport biex tgħin lis-Segretarju Eżekuttiv.
Jista' l-Ministru jgħid sarx xi qbil bejn l-amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali u l-Universita' ta' Malta dwar il-bini okkukpat mill-pixxina u minn dawk li ingħataw b'kera xi uffiċċju fil-pixxina? Liema huma dawk l-għaqdiet/organizzazzjonijiet/individwi li jokkupaw xi post fil-bini tal-Pixxina Nazzjonali? Kemm minnhom huma b'kera? Kemm iħallsu kull wieħed? Hemm min qiegħed bla kera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għal dawn l-aħħar xhur saru diversi laqgħat bejn is-Segretarju Parlamentari, ir-Rettur u uffiċjali oħra dwar il-pixxina u l-Universita`. Dawn il-laqgħat kienu pożittivi u fi ftit ġimgħat oħra jiġi ratifikat ftehim bejn il-Gvern u l-Universita` dwar l-operazzjoni tal-faċilitajiet sportivi fl-Universita`. Dwar it-tieni parti nirreferi lill-Onor. Membru għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17338.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil li jaħdmu f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jaħdmu sigħat imnaqqsa? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-etajiet u skond l-impjegati humiex irġiel jew nisa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hemm dawn l-impjegati li qed jaħdmu siegħat imnaqqsa:-
Dipartiment Irġiel/Nisa Ammont Etajiet
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni Nisa 6 bejn 31 u 37
Dipartiment ta' l-Eżamijiet Mara 1 33
Dipartiment tal-Kultura Nisa 2 25 u 35
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każi ta' abbuż mit-tfal fl-iskejjel tul dawn l-aħħar ħames snin (din is-sena inkluża)?
X'proċeduri jsegwi f'każi ta' rapporti bħal dawn id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?
Jekk kien hemm każi ta' abbuż, x'tip ta' abbuż kien rapportat u x'kienet l-eta' medja tat-tfal li soffrew l-abbuż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-"Child Safety Services, fi ħdan id-Dipartiment ta' l-iStudent Services and International Relations fid-Diviżjoni ta' l-edukazzjoni beda jagħti servizz fil-qasam ta' l-abbuż fuq it-tfal mill-31 ta' Jannar 2000, u minn dik id-data biss bdiet tinżamm informazzjoni. Referrals bejn it-31 ta' Jannar u t-18 ta' Mejju 2000, kien hemm 43 referrals, imma ma kienx hemm, s'issa riżultat ta' abbuż fuq it-tfal.
Meta jinqala` xi rapport, il-proċeduri mniżżla fil-ktieb "Child Protection - Procedures for Schools' jiġu segwiti.
Ma kienx hemm riżultati ta' abbuż s'issa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew ir-riċevimenti li saru biex jiġi inawgurat St James Cavalier fi tmiem is-sena 1999 u fil-bidu tas-sena 2000?
Jista' jgħid meta dawn saru u min ipprovda l-ikel u x-xorb?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ma organizza ebda riċeviment f'St James Cavalier fit-tmiem is-sena 1999 u fil-bidu tas-sena 2000. Mill-bqija nirreferi għat-tweġiba tal-Ministru għall-Ambjent għall-Mistoqsija Numru 13125 mogħtija fil-31 ta' Jannar 2000.
Jirriżultalu l-Ministru li matul is-sena skolastika li għaddiet membri tal-fakulta' ta' l-edukazzjoni qed jiġu mħallsa għal attivitajiet li qed isiru mill-iskejjel ta' l-istat? Xi ħlasijiet qed isiru? Lil liema membri? Għal liema tip ta' attivitajiet qed jitħallsu mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa ma jirriżultalix dak li qed isaqsi l-Onor. Membru. Ser inkompli nitlob tagħrif mill-iskejjel wara li jerġgħu jiftħu f'Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena skolastika li għadha kemm spiċċat, kemm kien hemm għalliema, assistenti kapijiet u kapijiet fl-iskejjel tal-gvern u fl-iskejjel tal-knisja li għalqu l-61 sena u li baqgħu fix-xogħol tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' impjegati fil-gradi msemmija fil-mistoqsija u li għalqu l-61 sena u baqgħu fix-xogħol tagħhom fl-iskejjel tal-Gvern hu ta' erbgħa li huma kollha għalliema filwaqt li fl-iskejjel tal-Knisja hu ta' 29 li huma kollha għalliema. Minn dawn id-29 għalliema, 21 kienu full-time u 8 part-time.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-iskola sajf kurrenti kemm hemm studenti universitarji jieħdu sehem? F'liema lokalitajiet? Kemm hemm tfal jieħdu sehem, lokalita' b'lokalita'?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid, matul l-iskola sajf hemmx xi inizjattivi u impenji favur literacy skills fost it-tfal? Fiex jikkonsistu dawn l-inizjattivi? F'liema lokalitajiet? Xi tħejjijiet saru biex dawn l-inizjattivi jsiru wara lijkun hemm it-taħriġ neċessarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħala parti minn Skola Sajf ġie mniedi proġett bi prova msejjaħ "Klabb Sajf" għat-tfal li matul is-sena Skolastika 1999-2000 kienu intitolati għas-servizz ta' Complementary Education. Dan il-proġett jiffoka fuq il-qari u l-konverżazzjoni bl-Ingliż. Fil-fatt il-proġett jiffoka fuq "story telling, role playing, stories in play, rhyme and rhythm in focused activities, writing with a purpose, creating own stories and books." Dan kien kors ta' 4 ġimgħat b'żewġ sessjonijiet ta' 4 siegħat f'kull ġimgħa. B'hekk it-tfal li ħadu sehem jingħataw kors ta' 32 siegħa.
Ġew involuti 11-il skola f'Malta u 4 f'Għawdex li kienu:-
St Venera, B'Kara, Żabbar, Fgura, Żebbuġ, Qormi San Bastjan, Żejtun, B'Bugia, San Ġwann, Ħamrun (Triq Ġuże` Pace), Marsaskala, Sannat, Xewkija, Victoria u Nadur.
Is-sessjonijiet kienu mmexxija minn studenti tal-B.Educ li kellhom xi lingwa (preferibilment Ingliż) jew l-edukazzjoni primarja bħala speċjalizzazzjoni. Barra minn hekk l-istess studenti ingħataw crash course u kellhom taħriġ kull nhar ta' Erbgħa għal matul it-tmien ġimgħat tal-perjodu tax-xogħol fis-Sajf.
Saru wkoll laqgħat għall-ġenituri ta' l-istess tfal sabiex tissaħħaħ l-għajnuna għal dawn it-tfal.
Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jara li Palazzo Stagno fi Stagno Alley, Ħal Qormi, jiġi miżmum tajjeb, minħabba l-preġju storiku li għandu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi Palazzo Stagno - bini li verament għandu valur storiku importanti - huwa propjeta` privata, u għaldaqstant il-manutenzjoni tiegħu hi responsabbilta` tas-sid. Madanakollu, il-bini, flimkien mal-ġonna estensiva tiegħu, huwa protett bl-Antiquities Act u d-Development Planning Act. Għalhekk, kwalunkwe pjan ta' żvilupp jew tibdil fuq dan il-monument storiku għandu jiġi eżaminat u kkontrollat skond ma titlob il-liġi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18713?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kompetenza għat-tlestija tal-ġnub tat-Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Paola, ma taqax taħt id-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Madanakollu d-Dipartiment tal-Mużewijiet lest jagħti l-konsulenza teknika tiegħu kif għandhom jiġu protetti l-fdalijiet arkeoloġiċi f'din iż-żona lill-entitajiet responsabbli għal dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18588?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ftehim li kien hemm mal-Malta Football Association għall-kiri tal-ground tax-Schreiber kien skada fil-31 ta' Awissu 1993 u qatt ma reġa' ġie mġedded. Fil-preżent il-Kunsill Malti għall-Isport qed jitkellem ma' l-M.F.A. dwar x'tip ta' management agreement għandu jsir u r-responsabbilitajiet involuti.
Is-Segretarju Parlamentari huwa konxju tat-talbiet ta' l-iskola Ġuże` Damato għall-użu tal-ground Pace Grasso u fil-fatt kiteb lill-M.F.A. dwar dan. Kif jidher mill-ittri ta' l-M.F.A. dawn għadhom jippretendu li l-iskola Ġuże` Damato tħallas għat-tindif u għal caretaking u li din tkun konċessjoni kompletament fid-diskrezzjoni ta' l-M.F.A.
Is-Segretarju Parlamentari kiteb lill-M.F.A. li din il-proposta mhix aċċettabbli meta wieħed iqis li l-M.F.A. lanqas biss qiegħda tħallas kirjiet bħalissa għall-użu tal-ground. Il-Kunsill Malti għall-Isport ukoll kiteb lill-M.F.A. f'dan ir-rigward.
Kopja tal-korrispondenza qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.