Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – ingaġġ ta’ konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4618, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-konsulenti – li fosthom hemm id-ditta ta’ avukati tal-persuni li isimhom qiegħed jintbagħat separatment, li wieħed minnhom huwa wkoll il-konsulent legali tas-sidien tal-minibuses (u allura se jkollu kunflitt ta' interess) - intgħażlux wara sejħa pubblika jew inkella hux b'direct order? Jekk b'direct order, x' kienet ir-raġuni li din il-konsulenza ngħatat b'direct order? Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiswew fis-sena lil Transport Malta s-servizzi ta' dawn il-konsulenzi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti legali msemmija minnu ġew ngaġġati direttament minn Transport Malta sabiex jipprovdu konsulenza legali fuq diversi kwistjonijiet varji. Ma narax li hemm każ ta’ kunflitt t’interess minħabba li l-konsulent legali kkonċernat mhux qed jaħdem fuq każijiet li jikkonċernaw il-minibuses. Mhux opportun li tingħata informazzjoni rigward remunarazzjoni ta’ dawn il-konsulenti minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.

In-Naxxar – Reserved Parking Bays approvati

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5630, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-ħames bays li ġew approvati? F’liema toroq jinsabu? Minbarra hekk, billi fir-risposta jirriżulta li kien hemm ilment dwar waħda minnhom tant li ċċaqalqet minn fejn oriġinarjament saret, jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ilmenti dwar din il-bay meta saret l-ewwel darba u kemm saru ilmenti wara li saret it-tieni darba, jekk kien hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-ħames kaxxi riservati għall-persuni b’diżabbiltà ġew approvati fi Triq il-Mosta, Triq Nutar E. Debono, Triq Ħal Dgħejf, Triq il-Lanġas u Triq Mezzi. Fir-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5630 m’għamilt l-ebda referenza għal ilmenti.

proġett tal-flood relief – fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mistenni jdum il-proġett tal-flood relief fit-toroq u f’liema lokalitajiet qiegħed isir dan il-proġett? Kemm hija l-ispiża ta' dan il-proġett u kemm minnha ġiet iffinanzjata mill-unjoni Ewropea permezz tal-project funds?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm ma jinqalgħux problemi mhux mistenijja li jistgħu jtawwlu iż-żmien, il-proġett tal-flood relief hu mistenni li jitlesta sa Diċembru 2014. Il-lokalitajiet li fihom qiegħed isir dan il-proġett huma il-Mosta, Ħal-Lija, B’Kara, Attard, Balzan, Iklin, Msida, Gzira, Ta’ Xbiex, Ħal-Qormi, il-Marsa, Ħaż-Żebbug (Malta), Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. L-ispiża tal-proġett mistennija li tleħħaq il- €50,509,784 inkluż il-VAT li minnha l-EU ser tiffinanzja € 36,384,167.

Iż-Żejtun — Triq Alfred Cachia Zammit u Triq taċ-Ċawsli - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq Alfred Cachia Zammit u Triq taċ-Ċawsli fiż-Żejtun hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol imsemmi ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’ kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.

Ix-Xgħajra — Triq l-Iskola – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq l-Iskola fix-Xgħajra hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol imsemmi ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’ kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Mina ta' Hompesch - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq il-Mina ta' Hompesch, Ħaż-Żabbar, hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet interventi ta’ xogħlijiet maġġuri is-sena li għaddiet fit-triq imsemmija.

Ħaż-Żabbar – Labour Road – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' resurfacing ta' line markings f'Labour Road kantuniera ma’ Triq Bajjada, Ħaż-Żabbar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija tinsab fil-lista tax-xogħlijiet li jridu jsiru flimkien ma’ xogħlijiet oħra.

Birżebbuġa – Għar Dalam Junction

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4625, jista’ l-Ministru jivverifika l-informazzjoni li tani għax minn tagħrif li għandi, minn meta għamilt il-mistoqsija parlamentari 503, kemm il-pjanti kif wkoll l-istimi qatt ma nbidlu u mhux kif qiegħed jagħtini l-informazzjoni il-Ministru fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4625?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mogħtija hija vverifikata u korretta u għaldaqstant nikkonferma illi kien hemm bdil fl-ippjanar tal-proġett. Fost affarijiet oħra insemmi illi minn sistema ta’ pelican lights waħda nbidlet għal sistema sħiħa ta’ tliet pelican lights

kunsilli lokali – 7 u 12-il distrett – bidliet aċċettati minn Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bidliet, proposti mill-Kunsilli Lokali tas-7 u 12-il distrett elettorali, kif imressqa lill-Transport Malta, li ġew aċċettati minn Transport Malta? Meta hu mistenni li dawn il-bidliet jidħlu fis-seħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellantt sabiex ikun iktar ċar fil-mistoqsija tiegħu u jispeċifika għal xhiex qed jirreferi.

Servizz tat-trasport pubbliku – ħlas tan-noll

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed isir il-ħlas mill-passiġġieri li minflok il-karozzi pprovduti mill-Arriva, qed jagħmlu użu mill-karozzi provduti mill-Unscheduled Bus Service? Kif qed isir il-punching tal-biljetti fuq dawn il-vetturi, peress li m'għandhomx ticketing machines?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt illi l-coaches tal-Unscheduled Bus Service qed jintużaw fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku bħala miżura temporanja, dawn il-vetturi mhumiex mgħammra b’ticketing machines. Għaldaqstant, kif ġie mħabbar mill-operatur tat-trasport fuq il-mezzi tax-xandir, ix-xufiera ta’ dawn il-vetturi mhux ser ikunu qed ibiegħu biljetti u għalhekk il-passiġġieri għandhom jixtru l-biljetti minn ticketing machines li jinstabu f’vened madwar Malta, mingħand l-aġenti tal-Arriva Malta Limited u mingħand it-ticket sellers tal-Arriva. Infurmat ukoll illi fuq il-biljetti normali li jintużaw fuq vetturi tal-Arriva Malta Limited ma’ jsirx punching. Dan bl-eċċezzjoni tas-Saver Card liema card tiġi skenjata fuq apparat apposta.

Transport Malta – uffiċċju tal-ex chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-użu tal-uffiċċju li kellu l-ex chairman ta' Transport Malta wara t-12 ta' Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk ġiex stallat xi apparat f'dan l-uffiċċju? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-użu ta' dan l-apparat? Kif inxtara dan l-apparat, b'direct order jew b' tender? Min ħa d-direct order/tender biex inxtara dan l-apparat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċju li kellu l-ex chairman ta' Transport Malta qabel it-12 ta’ Marzu 2013 preżentament qed jintuża bħala board room / meeting room. Nikkonferma li kien istallat apparat ta’ komunikazzjoni li sewa €106.39 u nxtara skont il- Procurement Regulations tal-Gvern. Apparti minn hekk ġie wkoll istallat 32” LCD monitor li kien diġà fil-pussess tal-Awtorità.

Trasport Malta – servizz ta’ maid

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta din il-ġimgħa ta ordni lill-maid tiegħu biex ma tidħolx fl-uffiċini ta' Transport Malta fil-Marsa għax m’għadhiex fdata peress illi din il-persuna tkellem lil impjegati sħabha, huma ta' liema kulur politiku huma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu informazzjoni żbaljata għax il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta ma ta l-ebda ordni lill-ebda maid kif qed ikun allegat minnu. Il-persuna msemmija għandha aċċess għall-uffiċini kollha li fihom tkun assenjata x-xogħol.

Transport Malta – storage ta’ informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu illi, fuq ordni tal-Kap Eżekuttiv, Transport Malta qiegħda tuża s-server tad-Dropbox minflok is-servers interni ta’ Transport Malta biex tistorja u tagħmel skambju ta' data klassifikata tal-Gvern ta' Malta? Jekk dan hu minnu: (a) jaf il-Ministru illi biex tikkrea account fid-Dropbox trid tiffirma agreement illi kull data li tgħaddi mid-Dropbox issir proprjetà tal-management tad-Dropbox u għalhekk il-management tad-Dropbox ikun jistgħu jaċċessaw din id-data u jagħmlu użu minnha kif jixtiequ huma, fosthom ibigħuha lil individwi u/jew kumpaniji u/jew pajjiżi oħra; (b) jista’ jgħid għaliex mhux jintużaw servers interni ta' Transport Malta li jkunu jistgħu jiġu aċċessati minn virtual private network (VPN) li hu ħafna aktar secure u d-data traffic ikun encrypted minflok kif qed isir issa, fejn qed jintuża d-Dropbox fejn id-data traffic hu clear text; (ċ) ma jħossx il-Ministru illi b'din il-manuvra qiegħed ipoġġi s-sigurtà tal-pajjiż f'riskju; (d) min ta l-awtorizzazzjoni lill-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta li data tal-Gvern ta' Malta iperriċha mal-erbat'irjieh tad-dinja; u (e) X'assigurazzjoni u serħan il-moħħ se jagħti l-Ministru lil din il-Kamra kif ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi illi dan it-tperriċ ta' data li tikkonsisti f'informazzjoni klassifikata tal-Gvern ta' Malta jieqaf b'mod immedjat u jittieħdu dawk l-azzjonijiet kollha neċessarji biex jiġi assigurat illi kull data li diġà għaddiet mid-Dropbox ma tinbiegħx/tintuża minn terzi?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant qed joqgħod fuq l-għidut aktar milli fuq il-fatti. L-informazzjoni klassifikata tal-Gvern Malti m’hijiex imperrċa kif qed jallega iżda ninforma lill-istess Onor. Interpellant li l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta ma ta l-ebda ordni biex jintuża s-server tad-Dropbox minflok is-servers interni ta’ Transport Malta biex tistorja u tagħmel skambju ta' data klassifikata tal-Gvern ta' Malta. Huwa minnu li, wara talba li saret lid-Direttorat tal-ICT sabiex tinstab soluzzjoni għall-iskambju ta’ data li riedet tiġi aċċessata b’mod remot u sikur, ġie wkoll ssuġġerit li jiġu kkreajati numru żgħir ta’ Dropbox accounts, fejn l-istess Direttorat ikkonferma li dan seta’ jsir. Għaldaqstant dawn ġew ikkreajati sabiex ikun hemm skambju ta’ ritratti u progress reports fuq xogħlijiet kurrenti ta toroq bejn uffiċċjali/periti fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura, il-Kap Eżekuttiv u d-Deputy Chairman tal-Awtorità, liema informazzjoni hija limitata biss għal dawn it-tip ta’ files li ma titqisx bħala data klassifikata. Mhux infurmat li biex tikkrea account fid-Dropbox trid tiffirma agreement li kull data li tgħaddi mid-Dropbox issir proprjetà tal-management tad-Dropbox u għalkekk jingħataw id-dritt sabiex jaċċessaw din id-data u jagħmlu użu minnha kif jixtiequ huma. Fil-fatt infurmat li, skont it-termini u kundizzjonijiet li huma ppublikati fuq il-websajt tad-Dropbox: “Dropbox employees are prohibited from viewing the content of files you store in your Dropbox account...” u li “You retain full ownership to your stuff. We don’t claim any ownserhip to any of it.” Infurmat ukoll li kull data li tittella fuq id-Dropbox tiġi encrypted bit-tip ta’ encryption AES-256 li huwa l-istess standard ta’ sigurtà li jintużaw minn banek. Inżid ukoll li d-Dropbox huwa servizz utilizzat minn miljuni ta’ persuni, kemm fuq bażi personali u anki fuq xogħol (business users).

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rikostruzzjoni ta' parti min Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa hix imdaħħla fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diversi partijiet minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa se jiġu asfaltati minn Transport Malta matul is-sena 2014. Bħalissa Transport Malta qiegħda tidentifika l-partijiet li huma lesti għall-intervent fuqhom.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-involviment tal-Gvern Malti (u l-konsulenti tiegħu, inkluż ex-konsulenti) fl-organizzazzjoni tal-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti kien mistieden għal din il-Konferenza.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun is-sehem tal-Gvern Malti fil-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5696 u 5698.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun is-sehem tal-konsulenti (inkluż ex konsulenti) fil- konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5693.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — programm

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tal-programm tal-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant biex jagħmel it-talba tiegħu lill-Organizzaturi tal-Konferenza.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 – uffiċjali tal-Gvern Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret li fiha kienu involuti uffiċjali tal-Gvern Malti, uffiċjali ta’ enti tal-Gvern Malti u konsulenti (inkluż ex konsulenti) saret in preparazzjoni għall-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 li se jisponsorja l-Gvern Malti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti ma kienx involut fil-preparazzjoni tal-konferenza.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-konkorrenza għall-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Id-dettalji li qed jitlob l-Onor. Interpellant jistgħu jinkisbu minn għand l-organizzaturi tal-konferenza nnifisha.