Wara r-rapport imxandar dan l-aħħar dwar inġustizzji li saru fil-Maltacom ftit jiem qabel l-aħħar elezzjoni, ma jaħsibx il-Ministru li min kien Prim Ministru u Ministru responsabbli mill-Maltacom dak iż-żmien għandu jġorr ir-responsabbilta' politika ta' dak li ġara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iva naħseb li ż-żewġ persuni msemmija għandhom iġorru r-responsabbilta politika ta' dak li ġara.
Wara r-rapport dwar dak li seħħ fil-Maltacom ftit jiem biss qabel l-aħħar elezzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-chairman tal-Maltacom offriex ir-riżenja tiegħu? Jekk le, x'inhi l-pożizzjoni tiegħu? Ma jaħsibx il-Ministru li dan għandu jġorr xi forma ta' responsabbilta' bħala chairman għal dak li ġara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fin-negattiv. Naħseb li f'dan l-istadju, meta il-Bord tad-Diretturi ser jagħmel inkjesta, ma jkunx prudenti min-naħa tiegħi li f'dan il-mument nesprimi ruħi dwar dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8780?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ser tieħu passi biex l-arblu msemmi ma jitħalliex fil-pożizzjoni attwali, għalkemm ta' min jinnota li l-bankina fejn jinsab l-arblu hija kemmxejn dejqa.
Jista' l-Ministru jikkonferma li minbarra l-applikazzjonijiet għal seamen u cleaners, l-Gozo Channel beħsiebu joħroġ applikazzjonijiet oħra? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-postijiet vakanti li baqa' mal-Gozo Channel u li dwarhom hemm il-ħsieb li ssir talba għall-istess fini lill-ETC?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minbarra l-applikazzjonijiet għal Seamen (Deckhands) u Cabin Attendants (Cleaners), il-kumpanija Gozo Channel għamlet talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabiex jimtlew erba' vakanzi fi ħdanha. Dawn il-vakanzi huma ta' Kaptana, Chief Engineers u Engineering Officers, Customer Service Officers u Handyman/Arpenter.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-vapuri tal-Gozo Channel m'humiex iżommu l-ħinijiet ta' l-iskeda?
Jaf il-Ministru, per eżempju, li t-Tnejn 12 ta' Lulju, 1999, il-vapur tas-2.15 p.m. telaq mill-Mġarr, Għawdex fit-2.50 p.m.?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħala regola ġenerali l-vapuri tal-Gozo Channel iżommu l-ħinijet ta' l-iskeda. Naturlament ikun hemm drabi fejn dan ma jinżammax. Dan iseħħ minħabba raġunijiet validi, bħal meta l-vapur joqgħod jistenna sa ħames minuti l-wasla tat-trasport pubbliku jew jitlaq qabel il-ħin għaliex ikun imtela'. Jiena nfurmat li fid-data msemmija kien hemm dewmien tat-tluq minħabba hsara teknika li żviluppat fuq tnejn mill-vapuri li kienu qed joperaw dak il-ħin.
Jaf il-Ministru li minkejja numru ta' avviżi mill-Enemalta, għad fadal fis-suq bejħ ta' regolaturi taċ-ċilindri tal-gass li mhumiex skond l-istandards meħtieġa?
X'passi qed jittieħdu biex dan l-abbuż jinqata' darba għal dejjem?
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-isforzi biex ikun hemm ftehim bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-kunsilli lokali dwar il-bdil ta' lampi u t-twaħħil ta' lampi ġodda fit-toroq? Kif se jinħadem dan il-ftehim? X'responsabbiltajiet se jibqagħlha l-Korporzzjoni Enemalta u kif se jiġi ffinanzjat dan il-ftehim?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-ftehim li qed jiġi konkluż bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-Kunsilli Lokali huwa dwar bdil ta' lampi biss. Dan il-ftehim hu mistenni li jiġi ffirmat dalwaqt. Id-dettalji ta' kif ser jitħaddem dan il-ftehimjitħabbru aktar tard. L-Enemalta ser tibqa' responsabbli għall-bdil tal-lampi fil-lokalitajiet li mhux ser ikunu nklużi fil-ftehim kif ukoll tat-toroq arterjali. Il-ftehim ser jiġi ffinanzjat mill-fondi ta' l-Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru, 1998 sal-lum kemm għalqu fabbriki u kemm għalqu negozji, xahar b'xahar? Jista' jgħid x'kien l-investiment ġdid li sar minn Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid kemm minnu hu investiment barrani?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba jikkonsidrax li fl-uffiċċji tal-posta kollha ta' Malta u Għawdex, speċjalment f'Bormla, ikun hemm ukoll is-servizz ta' makna tal-FAX u dan biex ikun hemm post ieħor barra l-Maltacom fejn dan jista' jiġi wżat b'aktar faċilita'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Maltapost qed tikkunsidra l-possibilta li toffri lill-pubbliku s-servizz tal-makna tal-fax mill-fergħat tal-Posta.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-uffiċċju tal-Maltacom plc ġewwa Bormla għandux ukoll is-servizz ta' FAX għal użu ġenerali u jekk iva, jikkonsidrax li dawn jiżdiedu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kull fergħa tal-Maltacom, inkluż dik ta' Bormla, toffri s-servizzi tal-fax lill-klijenti tagħha, kemm biex jirċievu kif ukoll biex jibagħtu. In-numru ta' faxes li jintbagħtu mill-fergħa ta' Bormla huwa żgħir ħafna u l-arranġamenti li hemm bħalissa huma biżżejjed.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm ħaddiema ġewwa l-uffiċċju tal-posta f'Raħal Ġdid u jistax dan l-ammont ikun akbar billi l-bżonnijiet attwali tar-residenti tal-Fgura li jkollhom imorru hemm qed jiżdiedu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent hemm 30 ħaddiem fl-uffiċċju tal-Posta ta' Raħal Ġdid. Tajjeb jingħad li bħalissa l-kumpanija għaddejja minn ri-organizzazzjoni biex, fost affarijiet oħra, tiżdied l-effiċjenza fis-servizz postali.
Jista' l-Ministru jassigura li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb tinstalla s-servizz tal-FAX għal użu tal-pubbliku ġenerali fit-tip ta' strutturi magħrufa bħala "coin boxes", speċjalment fl-Airport, fis-Seaport u postijiet strateġiċi oħra, billi dan qed ikun kaġun ta' problemi għal ċerti vjaġġaturi barranin li jiġu f'pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar il-possibilta' li s-servizz li qed jissuġġerixxi l-Onorevoli Interpellant jiġi ntrodott fil-ġejjieni. Jekk jirriżulta li dan is-servizz huwa vijabbli, jibda jingħata mill-fergħat ewlenin tal-kumpanija fejn ikun hemm id-domanda għalih.
Jista' l-Ministru jassigura li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb li tinstalla apparat tat-telephone pubbliku li jista' jiġi operat bl-użu ta' credit cards internazzjonali billi dan in-nuqqas qed ikun kaġun ta' problemi għal ċerti vjaġġaturi barranin li jiġu f'pajjiżna?
Jista' l-Ministru jassigura li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb tinstalla apparat neċessarju sabiex il-konsumatur ikun jista' jagħmel il-pagamenti neċessarji permezz ta' l-użu tal-credit cards u dan forsi jnaqqas is-serbut ta' nies li jkun hemm wara l-banek kull l-aħħar tax-xahar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li kull abbonat jista' jħallas il-kont bil-'credit card' (jew 'debit card') tiegħu billi juża l-parti ta' taħt tal-kont li jintbagħtlu billi jimla d-dettalji tal-card (in-numru, meta tiskadi u l-isem tal-bank li ħareġ il-card) u jibgħat ir-remittance slip lill-Maltacom fis-self addressed envelope li l-Kumpanija tibgħat mal-kont u li għandu l-posta diġa mħallsa.
Barra minn hekk, abbonat jista' jħallas ukoll bil-credit card fl-uffiċċju ewlieni tal-Kumpanija fi Spencer Hill, il-Marsa.
Sadanittant qed isiru arranġamenti biex dan il-mod ta' ħlas ikun jista' jsir ukoll minn fergħat ewlenin tal-Kumpanija.
Minbarra fil-banek, il-klijenti tal-Maltacom jistgħu jħallsu l-kontijiet fil-fergħat kollha tal-Maltacom, fil-fergħat tal-Posta, jew b'ċekk maħruġ fuq Maltacom plc u mibgħut permezz ta' l-envelope li l-Kumpanija tibgħat mal-kont.
Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Ħlas ta' kontijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu hux qiegħed iħallas direttament jew indirettament għal: kera; il-kont ta' l-elettriku; l-kont ta' l-ilma; il-kont tat-telephone u l-fax ta' The International Foundation ta' 54, West Street, Valletta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-sezzjoni ta' l-Accounts tal-Ministeru tiegħi mhi tagħmel ebda pagamenti ta' kontijiet relatati għall-fondazzjoni msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kummerċ qattx ipprova jidħol fil-problema li jiffaċċjaw ir-residenti ta' Ħal Farruġ rigward li tal-gass u tal-luminata ma jidħlux san-naħat ta' ġewwa f'din l-area?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment dwar id-distribuzzjoni tal-gass ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta. Rigward it-tqassim tal-luminata, ta' min jgħid li din hija attivita' kummerċjali privata u għaldaqstant mhuwiex kompitu tal-Gvern li jidħol f'din il-materja.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7134, jista' l-Ministru jagħti tweġiba?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għalkemm ma rċevietx rapporti dwar ħruġ ta' ilma fl-inħawi msemmija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bdiet twettaq eżerċizzju ta' tiftix għal xi leakages li jista' jkun hemm fis-sistema tad-distribuzzjoni u eventwalment issir it-tiswija meħtieġa.