Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qorti Ċivili – Prim Awla – Kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm illum kawżi pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li huma differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm ħames mija tmienja u sittin (568) kawża li huma differiti għas-sentenza quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Qorti Ċivili – Prim Awla — Kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm illum kawżi pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li ilhom aktar minn sena li ġew differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li tlett mija u tnax-il (312) kawża ilhom aktar minn sena differiti għas-sentenza quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili.

Qorti tal-Maġistrati – kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm illum kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li huma differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm mija erbgħa u tmenin (184) kawża differiti għas-sentenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta). Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) hemm 32 kawża superjuri ċivili u avviż inferjuri ċivili wieħed (1) differiti għas-sentenza.

Qorti tal-Maġistrati – kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm kawżi illum pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li ilhom aktar minn sena li ġew differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ kawżi li ilhom aktar minn sena li ġew differiti għas-sentenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jammonta għal mija u tlettax (113). Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) hemm tlett (3) kawzi civili (Ġuriżdizzjoni Superjuri, Sezzjoni Ġenerali) li ilhom iktar minn sena. M’hemm ebda kawża kriminali li ilha aktar minn sena differita għas-sentenza.

Qorti tal-Appell – Apelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm appelli pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) li ilhom aktar minn sena li ġew ippreżentati u li sal-lum għadhom ma’ ġewx appuntati għas-smiegħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm sitt mija, tmienja u tletin (638) appell pendenti, li ilhom aktar minn sena li ġew ippreżentati u li sal-lum għadhom ma ġewx appuntanti għas-smigħ quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri). Skont il-liġi hemm diversi appelli ta’ diversi xorta li jridu jingħataw prjorita’ fuq oħrajn li jkunu ġew preżentati ferm qabilhom apparti appelli oħra li skont il-liġi jridu jiġu appuntati u deċiżi fi żmien qasir wara li jiġu preżentati. Dan ifisser li jitwal iż-żmien sakemm jiġu appuntati l-appelli li jkunu ġew preżentati qabel.

Qorti tal-Appell – Appelli differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm appelli intavolati quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri)li preżentament huma differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-31 ta’ Ottubru 2014 biss ingħataw 45 sentenza mill-Qorti tal-Appell/Qorti Kostituzzjonali . Illum hemm 31 Appell li huma differiti għas-sentenza u dan in-numru jiżdied u / jew jonqos kważi kuljum ma’ kull seduta li tagħmel il-Qorti tal-Appell/Qorti Kostituzzjonali.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, kemm tul ta' ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant tirreferi għat-tweġibet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 26812, 26813, 26814, 26815, 26816, 26817, 26818 u 26819 tal-Legislatura IX.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — bordijiet - chairpersons u membri

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-chairpersons u membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Itnerpelant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal- Kamra l-informazzjoni mitluba

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu mit-30 ta’ Settembru 2013 sal-1 ta’ Ottubru 2014? Jista’ jgħid f’kull każ għaliex ġie deċiż li tinħareġ direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li ghall-perjodu msemmi minnu ingħataw 20 direct order mill-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru u dawn ingħataw għaliex kienu fil-parametri tar-regolamenti tal-procurement tal-Gvern.

Kunsilli Lokali – korsijiet ta’ taħriġ lill-kunsilliera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet ta’ taħriġ lill-kunsilliera lokali mit-twaqqif tal-kunsilli lokali ‘l hawn? X’kienu t-temi ta’ kull kors (b’deskrizzjoni qasira dwar kull kors)? X’kienet l-attendenza ta’ kull kors (ta’ kemm attendew kunsilliera u fl-istess ħin il-post fejn saru? X’korsijiet hemm ippjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li t-tali informazzjoni mill-bidu tat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali għoxrin sena ilu sallum tirrikjedi riżorsa kbira umana u ta’ ħin biex tkun tista’ tinstab, tinġabar, tiġi katalogizzata u tkun preżentata. Għaldaqstant qed nagħti informazzjoni dwar l-aħħar tlett snin. Dwar dan qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Memo 69/2011 li jelenka l-istrateġija ta’ taħriġ. Fl-2011 id-Dipartiment kien nieda training needs analysis, kif ukoll dan it-taħrig, bħala parti mill-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni ta’ proġett ta’ taħriġ akkademiku li nbeda ftit ilu fl-20 ta’ Ottubru, 2014. Dan sar permezz tal-proġett “Improving Public Governance at Local Level” b’ko-finanzjament mill-European Social Fund (ESF), liema taħriġ hu limitat biss għall-ufficcjali pubbliċi. Intant skont din l-istess strateġija d-Dipartiment qed jimbarka fuq Strateġija Nazzjonali tat-Taħriġ. Din l-istrateġija se tkun lest sa Marzu 2015 permess ta’ proġett bl-isem “A Partnership for Creative Governance” b’fondi min-Norway Grant. F’dan il-proġett qed jittieħdu wkoll inizjattivi ta’ taħriġ li nbdew f’Settembru, 2014 – u li jissoktaw f’Diċembru – fejn 19-il Kunsill Lokali qed jipparteċipaw fi proġett pilota dwar “performance management”. Fl-2013 ġew iffirmati l-grant agreements ta’ dawn iż-żewġ proġetti: fit-12 ta’ Settembru, 2013 dak ko-finanzjat mill-ESF; u fit-12 ta’ Diċembru, 2013 dak b’finanzjament min-Norway Grant. U għalhekk kien qed isir xi taħriġ ieħor bi ftehim ma’ entitajiet u Mnisteri oħrajn. Sew is-sostenibilità dikajarata mid-Dipartiment fiż-żewġ proġetti, kif ukoll l-istrateġija nazzjonali tat-taħriġ, se jwassalu biex dan il-Ministeru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali jwaqqaf ċentru speċjalizzat iddedikat għat-taħriġ tas-Sindki, Kunsillieri, Segertarji Eżekuttivi u membri tal-istaff tal-Kunsilli Lokali b’mod organizzat. L-istrateġija nazzjonali dwar it-taħriġ se twassal biex Malta tkun minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa, li jkollha strateġija nazzjonali tat-taħriġ kif ukoll ċentru speċjalizzat li jigarantixxi l-iżvilupp tal-istakeholders kollha fil-qasam tal-Gvern Lokali.

Kunsilli Lokali – talbiet pendenti għall-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem id-Dipartiment tal-Gvern Lokali għall-ħaddiema biex jimlew postijiet vakanti fil-kunsilli lokali? Jista’ jgħid liema kunsilli għamlu dawn it-talbiet u għal liema pożizzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li ma għandux pendenzi quddiemu. Madankollu infurmat ukoll li hemm talbiet li qed jistennew direzzjoni minn entitajiet oħrajn.

Nfiq tal-Kunsilli Lokali

Question

B’referenza għall-MEMO 26/2014 – Nfiq tal-Kunsilli Lokali maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jipprovdi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mibgħuta mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment hekk kif mitlub mill-istess Memo għas-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba hekk kif mogħtija lili mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li telenka l-infieq tal-Kunsilli Lokali għas-sena 2013, kif provdut mill-Kunsilli Lokali nfushom, bi tweġiba għal Memo 26/2014. Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella B li telenka l-infieq tal-Kunsilli Lokali għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2014, kif provdut mill-Kunsilli Lokali nfushom ħlief tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur, li sa issa naqas milli jagħti l-informazzjoni tiegħu. Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella Ċ li telenka l-proġetti kapitali tal-Kunsilli Lokali għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2014, kif provdut mill-Kunsilli Lokali nfushom ħlief tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur, li sa issa naqas milli jagħti l-informazzjoni tiegħu. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed isegwi lill-Kunsill Lokali msemmi li għadu ma tax l-informazzjoni tiegħu. Hekk kif din l-informazzjoni tasal għand id-Dipartiment inkun nista’ npoġġieha wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skemi dwar inizjattivi sportivi fil-lokalitajiet

Question

B’referenza għall-MEMO 25/2014 - Skema dwar inizjattivi sportivi fil-lokalitajiet 2014–2015 maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jipprovdi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mibgħuta mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment hekk kif mitlub mill-istess Memo għall-inizjattivi sportivi bejn Ottubru 2014 u Settembru 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif provduta mill-Kunsilli Lokali nfushom.

Kunsilli Lokali – Applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA

Question

B’referenza għall-MEMO 24/2014 – Applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jipprovdi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mibgħuta mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment hekk kif mitlub mill-istess Memo u jagħti lista ta’ kull talba li kunsill lokali informa biha lid-Dipartiment ta’ applikazzjoni li ssottometta quddiem il-MEPA sas-27 t’Ottubru 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi żewġ tabelli, A u B, fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xhud f'Qorti — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatmaent peress li nqabad xhud fil-Qorti mingħajr ma ġie avżat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħaba n-natura tal-informazzjoni ta’ din it-tweġiba, d-dettalji tar-risposta ser jingħataw separatament lill-Onor.Interpellant f’din is-seduta.

Ir-Rabat – Sit tas-Simblija – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programm speċifiku hemm sabiex is-sit magħruf bħala tas-Simblija, limiti tar-Rabat, Malta, jibqa’ aċċessibli u miżmum tajjeb, wara li kienu saru xogħlijiet fuqu iżda issa sfortunatament jinsab mitluq?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat – Casino antic u barrakka – pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex il-casino antik fuq is-Saqqajja, ir-Rabat Malta, u l-barrakka minn fejn jingħataw il-paljijiet jiġu rrestawrati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imdina, li għandu d-delega tal-amministrazzjoni tal-Casino fuq is-Saqqajja tar-Rabat, li saret applikazzjoni sabiex dan il-casino jiġi restawrat b’fondi mill-Unjoni Ewropea. Ix-xogħol ta’ restawr ser isir mill-Gvern Ċentrali.

Kunsilli Lokali – streaming tal-laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11614 rigward il-proċess tal-istreaming tal-laqgħat, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema, f’kull każ, huma l-kunsilli li: a. Bdew l-i streaming tal-laqgħat tagħhom? b. Se jibdew matul ix-xahar id-dieħel? c. Qed jistallaw is-sistema? d. Li qed jagħmlu evalwazzjoni? e. Dawk li għadhom ma bdewx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar — stallazzjoni ta' camera fil-bypass - talbiet mir-Reġjun tat-Tramuntana

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba kien hemm talbiet mir-Reġjun tat-Tramuntana, biex tiġi stallata camera fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn it-talbiet, u f'liema laqgħat tar-Reġjun ġew deċiżi? Min kien preżenti għal-laqgħat meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-PQ 3336, 3595, 3746, 4469, ta’ din il-Leġiżlatura stess. Ninsab infurmat illi l-Kamera ġiet installata fit-2 ta’ Settembru 2014 u dan wara li r-reġjun kien iddiskuta din ir-rikjesta fix-xhur ta Mejju, Ġunju, Lulju u Awwissu. Il-membri kollha tar-Reġjun qablu ma’ dina l-installazzjoni.

Minuti tal-kunsilli lokali fuq il-website

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista' wieħed jaċċessa l-minuti tal-kunsilli lokali, meta dawn ikun għadhom ma ttellgħux fuq il-website tal-kunsill partikolari? Kif qed jiġi assigurat li l-minuti jkunu aċċessibbli? Kif qed jiġi assigurat li l-minuti li jkunu kkoreġuti jidhru fuq l-istess website tal-kunsilli partikulari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Artiklu 14(A) tal-Ordnijiet Permanenti kif elenkati fis-Sitt Skeda ta’ Kapitlu 363 fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali: “(5) Il-Minuti kif miżmuma mis-Segretarju Eżekuttiv, kif approvati mill-Kunsill, għandhom jitqiesu bħala l-Minuti uffiċjali tal-Kunsill. (6) Il-Minuti jsiru dokumenti pubbliċi hekk kif jiġu approvati mill-Kunsill u ffirmati miċ-Chairman u s-Segretarju Eżekuttiv. (7) Meta l-Minuti jiġu approvati, ċ-Chairman għandu wkoll jinizjala kull paġna. (8) Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-Minuti approvati jiġu mdaħħla sew fil-file u jkun responsabbli għall-kustodja tagħhom. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu wkoll jara li l-minuti approvati jitpoġġew fuq il-website uffiċjali tal-Kunsill”. Intant ninsab infurmat ukoll li dwar dan, il-Kunsilli Lokali huma wkoll gwidati permezz ta’ diversi Memos li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali minn żmien għal żmien. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Memo 36 u 59 tal-2011 u Memo 2 u 9 tal-2014. Infurmat ukoll illi waħda mill-funzjonijiet tal-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali hi li kull ġimgħa jsir eżerċizzju li jara li l-portal elettroniku tal-Kunsilli Lokali www.lc.gov.mt ikun aġġornat bid-dokumenti kollha meħtieġa.