Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 15823?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed tirreferi għall-bdil ta' postijiet mill-inkwilini. L-ewwelnett irrid ngħid li l-proċedura tad-Dipartiment hija li ebda inkwilin ma jista' jibdel il-post qabel ma jagħddu tlett snin mid-data tal-allokazzjoni ħlief f'każijiet fejn ikun hemm ċirkostanzi speċjali. Meta issirlu t-talba għall-bdil, id-Dipartiment jinvestiga jekk min għamel it-talba hux l-inkwilin legali, jekk akkwistax xi post ieħor, u jekk hux qed jagħmel it-talba b'xi skop li jagħmel qligħ mill-bdil mitlub. Tibdil ta' postijiet isiru biss meta d-Dipartiment ikun konvint li dan l-istess bdil huwa ġenwin kif ukoll qed isir bi bżonn. Barra dan, ma jsir ebda tibdil f'postijiet privati ħlief f'postijiet li huma koperti b'ordni ta' rekwiżizzjoni.

ETC — Referrals/job placements

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru referrals u job placements minn Jannar 1999 sal-lum mill-uffiċċju reġjonali ta' l-ETC f'Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-uffiċċju reġjonali ta' l-ETC f'Bormla ġie miftuħ uffiċjalment f'28 t'April 1999. Minn Mejju 1999 sa Mejju 2000 in-numru ta' nies li ġew sottomessi għal xogħol minn dan iċ-ċentru kien ta' 4,055 għal xogħol full-time u 556 għal xogħol part-time. In-numru ta' nies li sabu xogħol minn dan iċ-ċentru kien ta' 96 għal xogħol full-time u 21 għal xogħol part-time.

Kummissjoni Avvanz tal-Mara — Membri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri fuq il-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara u x'inhu r-rwol ta' kull membru fuq din il-kummissjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-membri tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara huma: Ms Simone Vella - Chairperson Ms Angela Callus - Viċi-Chairperson Ms Josephine Attard Sultana - Membru Ms Jacqueline Azzopardi - Membru Dr Miriam Camilleri - Membru Dr Mario Felice - Membru Ms Renee Laiviera - Membru (ex officio) Ms Mary Anne Lauri - Membru Ms Margaret Mercieca - Membru Dr Joe R Micallef - Membru Dr Tania Sciberras Camilleri - Membru Rev Dr Charles Tabone - Membru Ms Christine Theuma - Membru

Ħal Far — Ċentru ta' Matul il-Jum

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġu investigati rapporti dwar allegati fatti li ġraw fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum f'Ħal Far li qed iħassbu lill-ġenituri tal-persuni li jmorru hemm u li huma vulnerabbli li jiġu abbużati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma saru ebda rapporti dwar xi fatti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant. Jiena nfurmat ukoll li r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri tal-persuni b'diżabilita' u l-Kap taċ-Ċentru msemmi fil-Mistoqsija huma tajbin ħafna, isiru laqgħat bejniethom sikwit u li l-ebda ġenitur ma ġibed l-attenzjoni tal-Kap taċ-Ċentru dwar xi ħaġa li kienet qed tħassibhom. Għalhekk nitlob lill-Onor. Membru li jkun aktar speċifiku u jekk jaf b'xi fatti li għadhom mistura, jgħid x'inhuma.

Guardian Angel School

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex jiġu ndirizzati l-preokkupazzjonijiet tal-ġenituri taż-żgħażagħ li se jispiċċaw mill-Guardian Angel School u minn Settembru li ġej se jitqassmu fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

a) Hu stmat li hemm 27 persuna b'diżabilita' li f'Settembru li ġej se jispiċċaw mill-iskejjel speċjali u jibdew jużaw is-servizzi taċ-Ċentri ta' Matul il-Jum. b) Erba' persuni (li għandhom nuqqas ta' vista u diżabilitajiet oħra) ġew trasferiti għaċ-Ċentru ta' Matul il-Jum dan ix-xahar stess. Rigward it-23 persuna b'diżabilita' oħra, il-Ministeru tiegħi jinsab f'diskussjonijiet kif l-aħjar li dawn il-persuni jiġu pprovduti bis-servizzi neċessarji. Dawn id-diskussjonijiet qed isiru kemm internament kif ukoll mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' mal-Korporazzjoni tal-Impjiegi u t-Taħriġ u għaqdiet oħra mhux governattivi. Il-Ministeru tiegħi, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, rnexxielu li għal din is-sena jżid il-vot ta' dawn iċ-Ċentri bi Lm65,600 mill-vot li hemm fl-estimi għas-sena 2000, sabiex inkunu nistgħu nipprovdu servizz aħjar lil dawn il-persuni kollha.

Adult Training Centres — Żgħażagħ b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żgħażagħ b'diżabilita' li huma ta' l-eta' li jmorru fl-Adult Training Centres, hux se jintbagħtu din is-sena f'dawn iċ-ċentri? Jekk le għaliex u x'se jsir minn dawn iż-żgħażagħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba għal din il-Mistoqsija tinsab fir-risposta mogħtija lill-Mistoqsija Parlamentari Numru 16830.

Impjiegi — Ħaddiema taħt l-eta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm employers li minn Jannar 1999 sa Mejju 2000 ħaddmu nies taħt is-16-il sena? Jista' jaqsam lil dawk li nqabbdu jaħdmu taħt is-16 fi tfajliet u ġuvintur u f'liema xogħol inqabdu jaħdmu? X'passi ttieħdu kontra s-sidien? Kien hemm min inqabad aktar minn darba bl-istess offiża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f'xi Seduta oħra.

Impjiegi — Ħinijiet tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid, wara l-ittra li bagħtet il-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara liċ-Chairman ta' l-Enemalta dwar it-tibdil fil-ħin li fih jibdew ix-xogħol l-impjegati filgħodu, wara talba li dawn l-istess impjegati għamlu lil xi membri parlamentari, u wara li din it-talba ġiet riferuta lilu, x'sar min-naħa tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li rċevejt kopja tal-ittra tas-27 ta' Marzu 2000, indirizzata liċ-Chairman tal-Enemalta Corporation, mill-Kummissjoni Għall-Avvanz tal-Mara, jien ktibt lill-imsemmi Chairman u b'ittra ta' 1 ta' April 2000 esprimejt it-tħassib tiegħi dwar kif il-bdil fil-hinijiet tax-xogħol tal-impjegati kollha tal-Enemalta seta' jaffettwa numru ta' impjegati u l-familji tagħhom. Ninsab infurmat li l-Enemalta qed tikkunsidra attivament soluzzjonijiet possibli biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni ta' dawk li ġew milquta ħażin.

Bormla — Triq il-Kunċizzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jserraħ ras ir-residenti ta' Triq il-Kunċizzjoni, Bormla u jgħid hemmx periklu fil-bini li hemm taħt blokk appartamenti fi Triq Wiġi Rosato, Bormla peress li qed ikun hemm ħsarat kbar strutturali u r-residenti qed jibżgħu li jista' jiġġarraf?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-bini li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu tal-privat.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mill-bidu ta' April sal-lum kienx hemm persuni li ntbagħtu mill-ETC biex jaħdmu mal-gvern? Jekk iva, kemm kienu n-nies? F'liema dipartiment intbagħtu? X'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ta' Ġiorni — Triq Bertha K.IIg

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni biex id-dipartiment tal-manutenzjoni tad-djar jagħmel xogħol ta' manutenzjoni u tibjid fi blokk A, Triq Bertha K.IIg, Ta' Ġiorni, peress li l-istat tal-blokk imsemmi xejn ma hu feliċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li m'hemm ebda talba pendenti dwar dan il-blokk quddiem id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Madankollu ser isir spezzjoni fil-ġranet li ġejjin biex jiġi stabbilit x'xogħol hemm bżonn isir.

ETC — Barranin - Xogħol bla permess

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' persuni barranin li nqabdu jaħdmu bla permess f'pajjiżna mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar? Jista' jgħid: (1) minn liema pajjiż kienu ġejjin dawn il-ħaddiema; (2) liema tip ta' xogħol inqabdu jagħmlu; (3) ma' min inqabdu jaħdmu illegalment; (4) x'passi ttieħdu fil-konfront ta' dawn il-persuni u min kien qed iħaddimhom illegalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

ETC — Registrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' persuni li nqatgħu mir-reġistrar għax-xogħol minn Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li dawn il-persuni nqatgħu mir-reġistrar għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' relief ta' missier li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li ilu miżmum ftit taż-żmien u m'hemm ebda dħul ieħor u jidher li kien skond ir-regoli tas-sigurta' soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Gzira — Triq Luqa Briffa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond numru 118, Triq Luqa Briffa, Gzira huwiex rekwiżizzjonat? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-imsemmi fond li kien okkupat permezz ta' allokazzjoni mill-Housing Department minn inkwilini li issa m'għadhomx joqogħdu f'dan il-post jinsab: 1) okkupat illegalment 2) wara li tbattal mhux qed tintlaqa' t-talba tas-sidien mid-dipartiment biex il-post jiġi mgħoddi lura lilhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi waqt proċeduri ta' żgumbrament li d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali kien qed jagħmel lill-okkupant illegali, u minkejja li l-każ kien f'idejn il-pulizija, is-sid stess daħal fi ftehim mal-persuna li kienet tokkupa l-post biex tieħu l-post b'ċens. Id-Dipartiment mexa skond il-'policy' stabbilita u ħareġ permess biex il-post jingħata b'ċens skond il-konvenju.

Ministeru għas-Servizzi Soċjali — Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, għall-perijodu Ottubru, 1998 sa Mejju, 2000, kemm ġew impjegati persuni b'kuntratt indefinit, b'kuntratt definit, b'konsulenza, fuq bażi każwali u kemm ingħataw transfers fid-dekasteru li għalih hu responsabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Safar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dekasteru li għalih hu responsabbli minn Ottubru, 1998 sal-lum? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għall kull safra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

ETC — Self-employed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' self-employed li waqfu mix-xogħol għal xi perijodu ta' żmien matul dawn l-aħħar tliet snin (1996-1999) u rreġistraw għax-xogħol? X'kien l-average tal-perijodu ta' dan iż-żmien matul dawn it-tliet snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' self-employed li waqfu mix-xogħol u marru jirreġistraw bejn l-1 ta' Jannar 1996 u l-31 ta' Diċembru 1999 kien ta' 2550. Il-perjodu medju li damu jirreġistraw kien ta' 38 ġimgħa.