Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta bdiet tiffunzjona l-iskema Youth Studies Specialisation Scheme, x'kienu l-kondizzjonijiet ta' l-iskema, meta bdiet u sussegwentement fi ħruġ ġdid, kemm-il persuna gawdiet minn din l-iskema, minn meta bdiet, sena b'sena, u għal-liema skopijiet iż-żgħażagħ applikaw għal self minn din l-iskema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskema Youth Specialisation Studies Scheme bdiet tiffunzjona fl-1994. Il-kundizzjonijiet kienu:
* Self sa massimu ta' Lm8,000 fuq żmien ta' 10 snin.
* Il-Bank jagħti moratorium ta' 3 snin.
* Il-Ministeru jħallas rata ta' 6% fuq l-ammont ta' self. Il-1% jitħallas mill-benefikant.
Il-kundizzjonijiet fl-2000 kienu:
* Self sa massimu ta' Lm10,000
* Applikanti ta' nazzjonalita` Maltija ta' bejn is-16 u l-35 sena
* Il-kors ta' l-istudju ma jsirx Malta
* L-applikanti jkunu aċċettati mill-Universita` ta' barra
* Il-kors irid ikun mhux inqas minn sena akkademika u mhux aktar minn ħames snin.
Kull sena bejn l-1995 u l-2000 ingħata sussidju lill-istudenti li riedu jkomplu javvanzaw fl-istudju barra minn Malta f'korsijiet li ma jsirux f'pajjiżna. L-uniku sena li ma saritx din l-iskema kienet fl-1998.
Sena Numru ta' Studenti
1994 28
1995 12
1996 16
1997 36
1998 --
1999 15
2000 17
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tħallas il-koperattiva lill-KSU għal użu tal-ħanut li tmexxi l-Universita'? Meta sar l-aħħar pagament dovut lill-KSU mill-koperattiva? Kemm se tħallas il-koperattiva għal użu tal-ħanut li tmexxi l-Junior College? Dawn il-pagamenti x'ikopru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-koperattiva m'hi se tħallas xejn lill-KSU għall-użu tal-ħanut.
L-aħħar kontribuzzjoni bħala 'sponsorship' mill-koperattiva lill-KSU sar fl-1999, u hemm ftehim fuq kif se jitħallas il-bilanċ dovut.
Il-koperattiva m'hix se tħallas għall-użu tal-ħanut tal-Junior College.
Jista' l-Ministru jgħid x'iggwadanjat il-koperattiva mill-ftehim iffirmat ma' terzi persuni? X'iggwadanjat l-Universita'? X'iggwadanjaw il-membri tal-koperattiva? X'qiegħed jinbiegħ minn dan il-ħanut? Min ħallas għad-dekorazzjoni mill-ġdid tal-University bookshop?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'iggwadanjat il-koperattiva mill-ftehim iffirmat ma' terzi persuni? X'iggwadanjat l-Universita'? X'iggwadanjaw il-membri tal-koperattiva? X'qiegħed jinbiegħ minn dan il-ħanut? Min ħallas għad-dekorazzjoni mill-ġdid tal-University bookshop?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-koperattiva tqis bħala vantaġġ il-fatt li issa għandha l-ħwienet tagħha operati minn kumpanija li għandha r-riżorsi kollha meħtieġa biex toffri servizz effiċjenti u kompetittiv. Barra minnhekk, il-koperattiva tqis li issa se tkun f'pożizzjoni li tħallas lill-kredituri tagħha.
L-Universita` iddeċidiet li ma tħarisx biss lejn il-gwadann finanzjarju imma wkoll lejn is-servizzi li jingħata lill-korp studentesk u akkademiku. Informat ukoll li mil-lat finanzjarju, id-djun li kellha l-Koperattiva ma' l-Universita` sejrin jitħallsu lura.
Il-membri tal-koperattiva jippretendu li jieħdu s-servizzi li xtaqu, li wara kollox huma r-raġunijiet għalfejn twaqqfet il-koperattiva, u li jinsabu elenkati fl-istatut.
Informat li l-ħanut qed jopera ta' 'bookshop' u 'stationery' u li d-dekorazzjoni mill-ġdid tal-ħanut sar mill-operaturi ġodda.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika kemm kien hemm każi fejn ġenituri daħlu u għamlu fiżikament għall-għalliema fl-iskejjel? X'passi ttieħdu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika li għaddiet fl-iskejjel kollha kien hemm 8 każi ta' ġenituri li ppruvaw jaggredixxu xi għalliem jew amministrazzjoni fl-iskejjel. F'kull każ issejjħet il-pulizija u f'numru ta' każi ttieħdu l-passi fil-Qorti.
Kien hemm ukoll xi każi fejn studenti aggredew għalliema. Minn dawn il-każi hemm 9 fi skejjel sekondarji u 2 fi skejjel primarji. Anke hawn ittieħdu l-passi li l-Kap ta' l-Iskola deherlu xierqa.
Lista f'aktar dettal qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti fil-livell primarju u sekondarju tal-gvern li kellhom xi inċidenti waqt it-trip ta' l-iskola? X'ikkawża dawn l-inċidenti u x'passi ttieħdu? X'servizzi joffri d-dipartiment lill-iskejjel f'ċirkostanzi bħal dawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ġew irraportati ebda inċidenti lil uffiċjal inkarigat mit-Trasport tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fis-sena skolastika 1999/2000.
F'każ li jinqlagħu inċidenti waqt it-trasport, jittieħdu l-miżuri applikabbli għal inċidenti li jinqalgħu fi skola waqt il-ħin ta' l-iskola.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-ditta Borg Bros ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum, inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitlbua għal kull dipartiment, korporazzjoni u awtorita'li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16537, jista' l-Ministru jgħid meta bdew id-diskussjonijiet, fiex waslu u x'kienet ir-raġuni prinċipali sabiex bdew dawn id-diskussjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din il-materja hi fl-inkarigu tal-Ministeru tal-Politika Soċjali u, allura, mhinix informat preċiżament dwar id-diskussjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-suġġett tal-business studies ma jifformax parti mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali? Jista' jgħid jekk dan is-suġġett huwiex se jkun imdaħħal?
Response (GALEA, LOUIS)
F'paġna 81, il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali jsemmi s-suġġetti bażiċi f'dan il-livell, iżda ma jillimita b'ebda mod il-firxa ta' suġġetti 'optional' li skola tista' toffri lill-istudenti biex minnhom jagħmlu l-għażla tagħhom.
Informat ukoll li l-Business Studies dejjem kien wieħed minn dawn is-suġġetti 'optional'.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika kemm kien hemm tfal b'diżabilita', inklużi fil-main stream, tal-kindergarten, primarji u sekondarji ta' l-iskejjel tal-Knisja? F'liema skejjel, każ b'każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni miltuba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu mitlub mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni, sabiex jinħareġ permess ta' nursery?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' kelli okkażjoni nwieġeb mistoqsija simili numru 17211, Seduta 324, informat li s-sezzjoni tan-Nurseries ma tidħolx fil-parametri ta' l-Att ta' l-Edukazzjoni (1988) u għalhekk ma taqax taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal transfers minn għalliema minn Jannar, 2000 sal-lum? F'liema lokalita' qed jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-iskejjel Sekondarji, Junior Lyceums, Skejjel tas-Snajja' u Skejjel Primarji ta' l-Istat saru 277 talba għal transfers minn għalliema.
Il-lista tal-lokalita` fejn qed jgħallmu dawn l-għalliema ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat ukoll li t-talbiet għal transfers fl-iskejjel post sekondarji li saru minn Jannar 2000 sal-lum kienu 7.
Il-lokalitajiet fejn kienu qed jgħallmu dawn l-għalliema huma kif ġej:
Numru ta' Lokalita` ta' l-Iskejjel
talbiet għal
transfers
6 Paola (Corradino Post Secondary Complex)
1 Ħamrun Education Broadcasting Centre).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fis-sitt klassi tal-primarja ta' l-iskejjel governattivi ta' Malta u Għawdex tul din is-sena skolastika?
Kemm minnhom qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum?
Kemm għaddew minnhom: (a) f'ħames suġġetti; (b) f'erba' suġġetti; (ċ) fi tliet suġġetti; (d) f'żewġ suġġetti; u (e) f'suġġett wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn 4,349 student fis-sitt klassi tal-primarja ta' l-iskejjel governattivi ta' Malta u Għawdex, 3,805 qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum matul din is-sena skolastika.
Minn dawn:
1860 għaddew f'ħames suġġetti
458 għaddew minn erba' suġġetti
595 għaddem minn tliet suġġetti
426 għaddew minn żewġ suġġetti
377 għaddew minn suġġett wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sezzjoni tar-registry tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għandha ħafna xogħol b'lura u l-impjegati ta' din is-sezzjoni qegħdin jaqilgħu t-telefon inkella ma jirrisponduhx jew xi drabi jirrisponduh u jaqtgħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma naħsibx li hemm xi nżid mat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 16615.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu li taw dan is-servizz minn Janar, 1999 sal-lum?
X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ?
X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ?
Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti?
Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Impjegati - Reliġjużi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' reliġjużi - saċerdoti u sorijiet - li qed jaħdmu mad-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? X'inhu x-xogħol tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Reliġjużi (saċerdoti) li qed jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta' l-Adulti huwa ta' erba' li tlieta minnhom huma għalliema 'full-time' u wieħed 'visiting'.
Saċerdoti u sorijiet li qed jaħdmu fl-iskejjel Sekondarji, Junior Lyceums, Primarji u tas-Snajja', hemm 9 li huma kollha għalliema tar-Reliġjon. Tnejn minnhom, apparti r-Reliġjon jgħallmu wkoll it-Taljan u wieħed, apparti r-Reliġjoni jgħallem ukoll il-Franċiż.
Fid-dipartiment Pjanar u Żvilupp, kif ukoll fid-dipartiment tal-Kurrikulu hemm reliġjuż wieħed, Education Officer (Non-State Schools) u Education Officer (German) rispettivament.
Fid-dawl tad-diskors li sar li f'pajjiżna m'aħniex insibu ħaddiema fejn għandu x'jaqsam ma' l-IT u li lanqas għalliema mħarrġa biex jgħallmu dan is-suġġett fl-iskejjel ma għandna, jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir min-naħa tal-ministeru/dipartiment ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni matul dawn l-aħħar snin għamlet diversi korsijiet għall-għalliema biex ikunu mħarrġa aħjar f'dan il-qasam. Dawn il-korsijiet isiru fl-ICT Learning Centre, kif ukoll fis-CITEDUC is-Swatar.
Mis-sena l-oħra, bħala parti mill-iskola sajf bdew isiru korsijiet għall-għalliema kollha fit-taħriġ tal-kompjuters.
Barra minn hekk għal dawn l-aħħar tlett snin, id-diviżjoni qed jisponsorja għalliema biex jattendu korsijiet li jwasslu għal diploma fl-edukazzjoni ta' l-IT fl-Universita` ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawk li huma fuq l-istatementing board u li jagħmlu xogħol għalih b'xi mod jew ieħor jibdew jitħallsu għal dan ix-xogħol? X'rati ta' ħlas se jingħataw? Minn liema vot se jitħallsu? Kemm hu maħsub li jkun it-total tan-nefqa f'sena waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa m'hemmx ħsieb li jsir ħlas għall-membri ta' l-iStatementing Board attwali. Nieħu l-okkażjoni, sabiex nuri l-apprezzament tax-xogħol siewi li qed jagħtu l-membri ta' dan l-iStatementing Board.
Jista' l-Ministru jinfurmani min kien jew kienu l-PROs tal-ministru mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? X'rimunerazzjoni kellu jew kellhom? X'benefiċċji u kundizzjonijiet adizzjonali ingħatawlhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Fis-Segretarjat Privat ta' Ministru d-dmirijiet marbuta ma' Public Relations jitwettqu mill-Communications Co-ordinator. Ir-rimunerazzjoni u kondizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mid-Dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta numru 124 tas-16 ta' Ġunju 1999.
Il-Communications Co-ordinator fil-Ministeru tiegħi huwa s-Sur Claude Sciberras.
Jista' issa l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17037?
Response (GALEA, LOUIS)
L-assignments li ingħata Dr Joe Cannataci mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jinkludu:
1. It-twaqqif u t-tmexxija tal-Projects Office tal-Ministeru li qed jaqdi l-funzjonijiet tiegħu sakemm jiġi finalizzat it-twaqqif ta' Taqsima ġdida għall-istess skopijiet:
2. It-twaqqif u tmexxija taċ-Ċentru Malti għar-Rewtawr u tal-Proġett tar-rijabilitazzjoni ta' Bighi:
3. Project Director tal-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija.
Dr Cannataci ma jitħallasx mill-Ministeru fuq bażi ta' assignments iżda x-xogħol tiegħu jingħata fil-kuntest ta' pakkett ta' servizzi li jingħataw lill-Ministeru mill-Malta University Services Ltd. Peress li Dr Cannataci hu mpjegat tal-Malta University Services Ltd u mhux tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, huwa ma jirċievi ebda ħlasijiet jew allowances mill-Ministeru iżda jirċievi dak biss miftiehem fil-kunttratt bejn il-Ministeru u l-MUS Ltd. Informat ukoll li Dr Cannataci jirċievi mill-MUS Ltd rimunerazzjoni b'rata fis-siegħa simili għal dik li l-MUS tħallas lil konsulenti oħra fuq proġetti li jiġu fdali lilha.