Legislature:
Category:
Reset
Active:

servizz tat-trasport pubbliku – kuntatti ma’ kumpanija Ċiniża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat il-Ministeru jew Transport Malta jew il-Gvern kenux f’kuntatti ma’ kumpanija Ċiniża sabiex din tieħu over is-servizz tat-trasport pubbliku mill-Arriva?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saru l-ebda kuntatti ma’ kumpanija Ċiniża sabiex din tieħu over is-servizz tat-trasport pubbliku. Madankollu ma nafx jekk fl-aħħar ġimgħat sarux kuntatti mill-Onor. Interpellant ma’ kumpaniji Ċiniżi jew xi kumpaniji oħra barranin.

Transport Malta – kap eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu, inkluż benefiċċji, il-kap eżekuttiv ta’ Transport Malta, u jekk għandux kuntratt definit jew indefinit? Jista’ jgħid ukoll x’kundizzjonijiet għandhom il-membri tal-bord ta’ Transport Malta u jekk għandhomx ħlasijiet li qed isiru mill-Ministeru minflok minn Transport Malta? Jista’ jgħid jekk inħatrux is-supervisory boards fi ħdan Transport Malta skont il-liġi u, jekk inħatru, jgħid min huma l-membri, kemm qed jitħallsu u kemm-il darba ltaqgħu s’issa mit-12 ta’ Marzu 2013 ’l hawn, u jekk ma ġewx maħtura, jgħid għaliex le?

Response (MIZZI, JOE)

Fir-rigward tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3910. Rigward il-membri tal-bord ta’ Transport Malta, dawn qed jieħdu l-istess remunerazzjoni li kellhom il-membri tal-bord taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Is- Supervisory Boards fi ħdan Transport Malta li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huma dawn: Maritime Supervisory Committee Land Transport Supervisory Committee Roads and Infrastructure Supervisory Committee Sal-lum, il-Maritime Supervisory Committee ltaqa’ darba, filwaqt li l-kumitati l-oħra ser jiltaqgħu fil-ġranet li ġejjin. Il-membri ta’ dawn il-kumitati ma ħadu l-ebda ħlas.

Transport Malta – annual report

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Annual Report għas-sena 2012 ta’ Transport Malta li suppost, skont il-liġi, tlesta sal-aħħar ta’ Marzu 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min ikun Shadow Minister ta’ Ministeru partikolari għandu isegwi bir-reqqa x-xogħol kollu li jkun għaddej f’dan il-qasam, b’mod speċjali dak li jkun għaddej fil-Parlament li jirrigwarda il-Ministeru li tiegħu jkun Shadow Minister. Meta ma jkunx qed isir dan ix-xogħol, ikun ċar li kull kritika li tkun qed issir minnu ma tkunx kritika ibbażata fuq fatti u anqas ma tkun qed issir b’intenzjoni li l-affarijiet jiġu irranġati fl-interess tal-pajjiż. Għaldaqstant ma nistax nifhem kif l-Onor. Interpellant qed jerġa jitlob biex jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Annwali għas-sena 2012 ta’ Transport Malta meta dan l-istess rapport ilu ‘l fuq minn 5 xhur li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jieħu dawk il-passi neċessarji biex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li bħalissa qiegħed stazzjonat fl-uffiċini ta' Transport Malta fil-Marsa, jieqaf jiddemoralizza u jintimida lill-kollegi tax-xogħol tiegħu li għandhom opinjoni politika differenti minn tiegħu? Jista’ jinforma lil din il-Kamra x'passi jkunu ttieħdu biex din il-persuna ma tibqax tiddemoralizza u tintimida lill-kollegi tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk xi mpjegati fi ħdan Transport Malta għandhom xi kwistjoni ma’ kollegi tax-xogħol tagħhom dawn għandhom il-mezzi neċessarji sabiex isemmgħu l-problema tagħhom b’mod dirett fi ħdan l-istess Awtorità, fosthom mas-superjuri tagħhom, mal-HR Unit, jew jekk dan ikun il-każ anki permezz ta’ union li tħares l-interessi tal-ħaddiema membri tagħha. Ma narax li huwa l-każ li jittieħdu xi passi kontra l-persuna msemmija sakemm ma jingħatawx biżżejjed dettajli konkreti li jippruvaw dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant, li fuq kollox aktarx qiegħed jisma’ verżjoni waħda tal-fatti.

articulated buses — Rapporti tekniċi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4636, jista’ l-Ministru jgħid x'differenza hemm bejn it-termini articulated buses u bendy buses kif wkoll bejn it-termini ‘jitneħħew mit-toroq’ u ‘jkunu phased out’? Peress illi fir-risposta tiegħu l-Ministru allega li jien wasalt għal konklużjonijiet żbaljati meta dak li staqsejt jien u r-risposta li tani l-Ministru jfissru eżattament l-istess, jista’ l-Ministru jispjega fejn jien kont żbaljat fil-konklużjonijiet tiegħi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ma jfissrux l-istess, il-għaliex l-istess Onorevoli Interpellant irid li l- bendy buses jibqgħu fit-toroq u minn naħa tiegħi ma naqbilx għax żmien il-bużullotti spiċċa. L-ewwel raġuni il-għala ma naqbilx hija ħabba s-sigurta’ u l-oħra hija kif stqarru ħafna nies stess, li mindu dawn tneħħew mit-toroq tnaqqset ħafna il-konġestjoni tat-traffiku.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti biex il-problemi marbuta ma' Triq is-Simar San Pawl il-Baħar jiġu solvuti biex l-istess triq tkun tista' tiġi rranġata u mogħtija t-tarmak u fiha jsiru s-servizzi meħtieġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq is-Simar San Pawl il-Baħar qiegħda tiġi żviluppata u għaldaqstant Transport Malta tistenna li jkun hemm mill-inqas 70% żvilupp qabel tibni t-triq. Madankollu saru konsultazzjoni mas-servizzi w jirriżulta li l’ Water Services Corporation trid tgħaddi s-servizzi neċessarji.

Transport Malta – ingaġġ ta’ konsulenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4618, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha jingħata separatament, hija l-mara ta' uffiċjal għoli fi ħdan il-Partit Laburista? Jista’ jgħid jekk din il-konsulenta intgħażlitx wara sejħa pubblika jew inkella hux b'direct order? Jekk b'direct order, x' kienet ir-raġuni li din il-konsulenza ngħatat b'direct order? Jista’ jgħid kemm se jiswew fis-sena lil Transport Malta s-servizzi ta' din il-konsulenta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta u l-Ministeru jingaġġaw persuni skont il-ħila tagħhom, irrispettivament lil min huma miżżewga jew x’parentela jkollhom. Ninfurmah ukoll li l-persuna msemmija ġiet ingaġġata direttament minn Transport Malta minħabba l-esperjenza vasta u speċjalizzata li din għandha fil-qasam tax-xogħol li dwaru qed tagħti konsulenza. Mhux opportun li tingħata informazzjoni rigward remunarazzjoni minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.

Boat Show ta’ Monaco

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4620, jista’ l-Ministru jispeċifika liema delegazzjoni ministerjali Maltija attendiet għall-boat show ta’ Monaco qabel id-9 ta’ Marzu 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 4620, nikkonferma li l-attendenza għall-konferenzi bħal dawn hija importanti ħafna fl-Industrija tal- Yachting. Bl-attendenza għal dawn l-avvenimenti tkun qed turi l-impenn li għandu il-Gvern lejn dan is-settur. Għaldaqstant jien nikkonferma li kien hemm okkażjonijiet fejn delegazzjonijiet ministerjali minn Gvernijiet preċedenti, attendew u għamlu sew, għal esebizzjonijiet u konferenzi simili fosthom dawk tal-Posidonia fl-2004, 2006 u fl-2008.

Grand Harbour Regeneration Committee – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman u l-membri tal-Grand Harbour Regeneration Committee? Xi kwalifiki għandha kull persuna li tifforma parti minn dan il-kumitat? X'remunerazzjoni qed jieħu kull membru ta' dan il-kumitat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li taħt id-dekasteru tiegħi ma jeżisti ebda kumitat bl-isem ta’ “Grand Harbour Rehabilitation Committee”.

Grand Harbour Regeneration Committee — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għandu ppjanat li jsiru proġetti mill-Gran Harbour Regeneration Committee? Kemm hu stmat li se jiswa’ dan ix-xogħol? Meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5600.

Transport Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x-xogħol qed tagħmel il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament għal Transport Malta, taħt liema kundizzjonijiet finanzjarji qed jagħmel dan ix-xogħol u jekk inħarġitx sejħa pubblika għall-istess servizz?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5571.

kumitat tal-Kordin Grain Terminal — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman u l-membri tal-kumitat tal-Kordin Grain Terminal? Xi kwalifiki għandha kull persuna li tifforma parti minn dan il-kumitat? X'remunerazzjoni qed jieħu kull membru ta' dan il-kumitat?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – TEN-T

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5641, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet mill-proposti tat-TEN T għandhom ma ġewx implimentati u liema huma skont it-toroq jew inħawi affettwati li għadhom mhux implimentati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolament il-ġdid għar-reviżjoni tal-gwidi għat-Trans-European Transport Network (TEN-T) qiegħed fl-istadju finali li jiġi addottat mill-Unjoni Ewropea. Din ir-reviżjoni għandha testendi in-network tat-TEN-T minn 52km għal madwar 125km. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ dan in-network il-ġdid għal Malta ta’ toroq li ġew identifikati għal ugrading flimkien ma’ mappa fejn dawn it-toroq qed jiġu murija b’ dashed lines ħomor.

Xemxija u Mistra — traffic count

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5642, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar traffic count fin-niżla tax-Xemxija u dik tal-Mistra? Jista' jagħti tagħrif dwar x'kienu l-bidliet li rriżultaw fin-numru ta' vetturi li jgħaddu minn dawn l-istess inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont ir-rekords ta’ Transport Malta saru traffic counts fil-junction tad-daħla tal-Mellieħa fl-2010. Minn dawn il-counts jirriżulta li l-vetturi li jgħaddu min-niżla tal-Mistra (it-triq bejn il-Mellieħa u x-Xemxija) jiżdiedu fix-xhur tas-sajf fil-ħinijiet bejn is-sebgħa u kwart u d-disgħa u kwart ta’ filgħodu u jonqsu bejn nofsinhar u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Jien infurmat li ma sarux traffic counts fin-niżla tax-Xemxija.

Il-Mellieħa – xogħlijiet fuq triq li tagħti mill-Għadira għaċ-Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq ir-roundabouts li hemm ħdejn it-Torri l-Aħmar u ħdejn l-entratura għar-Riviera Hotel fit-triq li twassal mill-Għadira għaċ-Ċirkewwa u dan in vista tal-fatt li madwar sitt xhur ilu għall-mistoqsija parlamentari li saritlu kien indika li dan ix-xogħol se jsir fi żmien qasir iżda sal-lum għadu ma bediex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li fix-xhur li għaddew Transport Malta talbet diversi drabi lill-ELC biex tlesti x-xogħol miftihem fuq is-soft areas, l-ELC infurmat lill-Awtorità li sabet diffikulta tlesti x-xogħol minħabba raġunijiet tekniċi. Għaldaqstant l-ELC ġiet mitluba tippreżenta pjan alternattiv. Malli dan il-pjan ikun ikkunsidrat sodisfaċenti minn Transport Malta, ikun jista’ jitlesta x-xogħol neċessarju.

Transport Malta – billboards

Question

B'referenza għal diversi billboards li terzi persuni għandhom armati f'diversi siti li huma proprjetà ta' Transport Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn is-siti ingħatawx b'direct order jew inkella ħarġux b'tender? Meta nħarġet id-direct order/tender? Min ħa t-tender/direct order? Għal kemm hu validu dan id-direct order/tender? Kemm qed iħallas għal kull sit? Dawn il-billboards huma koperti mill-permessi neċessarji tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Dawn il-billboards huma armati skont ir-regolamenti ta' Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema billboards/siti qed jirreferi.

Transport Malta – użu ta’ billboard minn terzi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru illi bażi ta' gantry sign int u dieħel l-ajruport qiegħda tintuża minn terzi biex jitwaħħlu billboards kummerċjali magħha? Dan il-billboard kummerċjali, li qiegħed f'art ta’ Transport Malta għandu l-permessi neċessarji ta' Transport Malta u tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Kif ingħatat l-art fejn qiegħed dan il-billboard, b'direct order jew b'tender? X'passi se jittieħdu minn Transport Malta biex dan il-billboard jinqala’ minn fejn hu u terġa’ teħel il-gantry sign minflokha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-billboard li qed jirreferi għaliha hija waħda llegali u li Transport Malta diġà ħadet il-passi neċessarji sabiex din titneħħa.

Servizz tat-trasport pubbliku – plan B

Question

Fid-dawl illi l-Ministru ġie rrappurtat li qal li għandu plan B jekk l-Arriva tiddeċiedi - jew tiġi kostretta - li titlaq, jista’ l-Ministru jikkonferma illi dan il-pjan jinkludi garanzija għall-impjegati kollha tal-Arriva illi mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom u li l-vetturi li se jintużaw fil-plan B huma kollha low floor, huma armati bl-arja kondizzjonata, huma aċċessibbli għal persuni b’diżabilità u huma armati b’magni Euro 5? Jista’ jgħid jekk dan il-pjan ġiex diskuss fil-Kabinett diġà u jekk tfassalx bl-għajnuna tal-esperti fi ħdan Transport Malta? Jista’ jikkonferma jekk sarux xi commitments ma’ entitajiet privati dwar l-allegat plan B?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijorità ewlenija tal-Gvern hija li jiġi żgurat li s-servizz tat-trasport pubbliku jkompli jopera b'mod effiċjenti kemm jista' jkun bl-inqas interruzzjonijiet possibbli. Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati mal-Arriva għadhom għaddejjin u jinsabu f’mument delikat ħafna.

Servizz tat-trasport pubbliku — kummenti/suġġerimenti/ilmenti

Question

Peress illi l-Ministru qal illi l-feedback li kellu għas-sejħa għal suġġerimenti jew kummenti fuq is-servizz tal-Arriva kien jammonta għal xi 3,500 kumment/suġġeriment/ilment, u peress illi huwa stmat li ’l fuq minn 60,000 passiġġier juża s-servizz tal-Arriva kuljum, u li allura n-numru ta’ nies li għamlu suġġeriment jew kumment jew ilment jammonta biss għal madwar 6% tal-passiġġieri ta’ ġurnata waħda biss, ma jaħsibx il-Ministru illi dan il-persentaġġ hekk baxx jiġġustifikax l-impressjoni illi jipprova jagħti l-Ministru illi s-servizz tal-Arriva (qabel ma l-Ministru ddeċieda li jissospendi l-użu tal-articulated buses) kien diżastru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni li saret mill-Ministeru tiegħi kienet bil-wisq aktar miftuħa u effettiva minn dik li allegatament saret mill-amministrazzjoni preċedenti, u aħna nqisu li din hija rappreżentattiva biżżejjed għall-bidliet li qed jiġu ikkunsidrati fin-network u fis-servizz. Barra minn hekk, il-bidliet kollha ġew diskussi mal-Kunsilli Lokali bħala rappreżentanti tal-lokalitajiet rispettivi.

Transport Malta – kuntratti ta’ ħaddiema

Question

B’referenza għal dak li kien mitlub fil-mistoqsijiet parlamentari 4617 u 4618, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji bażiċi tal-kuntratti (dettalji personali, ħlief l-ismijiet, jistgħu jitneħħew) li għandhom peress illi l-poplu Malti għandu d-dritt ikun jaf kif qed jintużaw it-taxxi li ħallas? Fir-rigward ta’ mistoqsija parlamentari 4617 jista’ l-Ministru jikkonferma l-ismijiet tal-impjegati li l-kuntratt tagħhom ġie estiż jew ġie mibdul, u b’liema mod ġie estiż jew mibdul?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalma kienet il-prassi tal-amministrazzjoni preċedenti, ċertu informazzjoni li titqies bħala kummerċjalment sensittiva jew b’xi mod tmur kontra l-privatezza tal-individwu, ma jkunx prudenti li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta’ mistoqsija parlamentari 4617, ma kien hemm l-ebda impjegati fi ħdan Transport Malta li l-kuntratt tagħhom ġie estiż jew mibdul.