Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali – live streaming ta’ laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li diġà qed jagħmlu streaming tal-laqgħat tagħhom, liema huma l-kunsilli lokali li mistennija jibdew jagħmlu streaming f’Novembru 2014 u Diċembru 2014 rispettivament u liema kunsilli mhux ser ikollhom is-sistema lesta sal-aħħar ta’ Diċembru 2014, u għaliex?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 11755.

Kunsilli lokali – live streaming ta’ laqgħat – linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema linji gwida qed jimxu l-kunsilli lokali waqt li jkun qed isir il-live streaming tal-laqgħat tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li l-Kunsilli Lokali ngħataw linja gwida fuq l-apparat li għandu jkun użat. Kif jimxi l-Kunsill waqt il-live-streaming hija deċiżjoni tal-istess Kunsill Lokali.

San Pawl il-Baħar – ħsarat fi Triq San Pawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti ta’ ħsara fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar, bejn in-numru 550 u 560, kemm minħabba l-istat ħażin ta’ partijiet mill-bankina kif ukoll minħabba ħofor (tumbati fit-triq) li qed jikkawżaw problemi ta’ tixrib kull darba li jkun hemm ħalba xita? Jista’ jara li x-xogħol meħtieġ jitwettaq u dan għall-benefiċċju tar-residenti li hemm f’dawk in-naħiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma rċieva l-ebda rapport fir-rigward ta’ ħsara kif indikat mill-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll li wara spezzjoni li saret mill-Kunsill Lokali rriżulta li ma hemm ebda ħsara viżibbli.

Sistema ta’ Infurzar Lokali — Riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għar-riforma fis-sistema tal-infurzar lokali? X’inhu l-pass li jmiss?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imwiegħed fil-White Paper, il-Gvern ried jevalwa kull proposta li daħlet mill-proċess ta’ konsultazzjoni. Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed issir din l-evalwazzjoni.

Sistema ta’ Infurzar Lokali — Riforma - informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadhiex tintuża l-website “www.riformagwardjanilokali.com” li kienet qed tgħin fir-riforma u fl-informazzjoni dwar l-proċess fir-Riforma tal-Infurzar Lokali? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn m’għadhiex tintuża?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-website kienet inħolqot biex jinħoloq link matul il-proċess ta’ konsultazzjoni. Peress li jkun hemm min ma jżommx mal-iskadenzi l-website baqgħet miftuħa għal aktar żmien. Issa li qiegħdin fil-fażi ta’ evalwazzjoni ma hemmx aktar ħtieġa għal din il-website.

Kunsill Lokali Xagħra, Għawdex – xogħlijiet fuq Triq Marsalforn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex hu mistenni li jagħmel fuq ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq Triq Marsalforn fix-Xagħra, Għawdex? Kemm minn dan l-ammont diġà tħallas lill-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol? Kemm hemm kontijiet li diġà nħarġu u rċieva l-kunsill però għadhom ma tħallsux għax-xogħol fuq din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor . Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li l-ispiża fuq ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq Triq Marsalforn mistennija titla’ għal madwar nofs miljun Ewro. Dan ix-xogħol qed ikun parzjalment iffinanzjat mill-iskema tal-Public Private Partnership (PPP) tat-toroq. Infurmat ukoll li minn din is-somma, il-Kunsill Lokali diġa’ ħallas lill-kuntrattur is-somma ta’ € 54,000. Il-Kunsill Lokali għadu ma rċieva l-ebda kont rigward dan ix-xogħol peress li x-xogħol għadu mhux konkluż u għad irid jiġi ċertifikat.

Multi konvertiti f'ħabs

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8933, jista’ l-Ministru jgħid għal liema reati kienu imposti l-180 multa mill-Qrati tagħna u li ġew konvertiti fi priġunerija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-reati tal-180 multa imposti mill-Qorti u li ġew ikkonvertiti fi priġunerija kienu jikkonsistu kif ġej: 72 multa ta’ kundanna ta’ diprezz lejn l-awtorità tal-Qorti 7 multi fuq kawżi ta’ droga 40 multa f’reati tat-traffiku 23 multa f’reati ta’ ksur tal-liġi tal-VAT Multa fuq reat tal-liġi tad-DLE 18-il multa imposti f’kumpilazzjoni diversi 5 multi imposti fuq id-Distrett tar-Rabat (Malta) Multa imposta fuq id-Distrett tal-Imsida Multa imposta fuq id-Distrett ta’ Ħal Qormi 2 multi imposti fuq fuq id-Distrett ta’ Tas-Sliema Multa imposta fuq id-Distrett ta’ Bormla Multa imposta fuq id-Distrett tal-Mosta 4 multi imposti fis-seduta tad-Distrett tal-Belt Valletta 4 multi imposti fis-seduta tad-Distrett tal-Ħamrun.

Żurrieq – Vjal l-Indipendenza – traffic calming measures

Question

Jista’ l-Ministu jgħid jekk hemmx ipproġettat li jsiru traffic calming measures fi Vjal l-Indipendenza, kantuniera ma’ Triq Ġwann Camilleri, fiż-Żurrieq peress illi f'ċerti ħinijiet tal-ġurnata qed jgħaddu vetturi b'veloċità eċċessiva li qed joħolqu periklu għar-residenti tal-madwar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li ma għandux proġettat li jsiru traffic calming measures fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — kuntratti ta' konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u jgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika ż-żmien li għalih qed jitlob dina l-informazzjoni.

Għawdex — Proġett tal-Gozo Museum

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10993 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferita lilu u jinforma lill-Kamra u jgħid meta hemm il-ħsieb li jinbeda x-xogħol fuq il-proġett tal-Gozo Museum li hu ppjanat li jsir fil-bini li qabel kien jintuża bħala Liceo Ninu Cremona fir-Rabat Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li x-xogħol preparattiv sabiex il-bini msemmi jiġi ttrasformat f’Gozo Museum diġà beda, u dan qed isir b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Ministeru ta’ Għawdex.

B’Kara, Qormi, Qawra, Żejtun u l-Belt Valletta – Qorti tal-Maġistrati – seduti tad-distrett

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm kien hemm seduti tad-distrett ta’ B'Kara, Qormi, Qawra, Żejtun u l-Belt Valletta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fix-xahar kollu ta’ Ottubru 2014? Kemm kien hemm każijiet f'kull seduta, kemm minnhom ġew deċiżi f'kull seduta, kemm kien hemm każijiet li ġew differiti f'kull seduta u kemm kien hemm każijiet f'kull seduta fejn l-imputat ma’ ġiex notifikat bil-każ? Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba distrett distrett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati tal-Ġustizzja — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fil-qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 t’Ottubru 2014 xahar b’xahar u f’liema gradi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat li 5 persuni ġew impjegati fil-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta mill-1 ta’ Jannar, 2014 sal-31 ta’ Ottubru, 2014. Dawn ġew impjegati kif ġej: Gradi Bdew jaħdmu l-Qorti NO. 1 Tradesman (Carpenter) 06/01/2014 NO. 2 Clerk 29/01/2014 NO. 3 Clerk 29/01/2014 NO. 4 Clerk 29/01/2014 NO. 5 Training Administrator 11/08/2014

Ġudikatura – membri li se jirtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm membri tal-Ġudikatura li ser jilħqu l-età tal-irtirar sa Marzu 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm ħames (5) membri tal- Ġudikatura li ħa jilħqu l-età tal-irtirar sa Marzu 2018. Dawn jikkonsistu fi 3 Imħallfin u 2 Maġistrati.

Inkjesta dwar festin tal-Milied f’Awla ta’ Maġistrat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament fiex wasslet l-inkjesta li kienet ġiet ordnata wara li allegatament kien sar festin tal-Miied fl-awla tal-Maġistrat Peralta, f’liema festin ġewwa l-awla inxtorob xorb alkoħoliku, tpejpu sigaretti u ġie momentarjament arrestat ġurnalist?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fir-rigward tal-allegat festin imsemmi fl-istess domanda, ma kienet infetħet l-ebda nkjesta Maġisterjali. Billi l-Onor. Interpellant huwa Duttur tal-Liġi, jaf li l-liġi tipprovdi għal liema reati tista’ tinfetaħ inkjesta Maġisterjali. L-Onor. Interpellant jaf ukoll li l-każ ġie riferut immedjatament għand il-Kummisjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Persuni maqbuda jdaħħlu oġġetti mux permessi l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm kien hemm każijiet tul is-sena 2014 sal-llum fejn persuni deħlin il-Qorti Malta u Għawdex inqabdu minn membri tas-sigurtà b'oġġetti li ma kellhomx jiddaħħlu fil-Qorti? Jista’ jinforma lil dan il-Parlament x'inhi l-proċedura li tintuża meta jinstabu fuq persuni deħlin il-Qorti oġġetti li ma jistgħux jiddaħħlu l-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi bħala medja, l-membri tas-sigurtà tal-Qrati tal-Ġustizzja jaqbdu u jżommu bejn 40 u 50 oġġett kuljum li huma projbiti li jiddaħħlu ġewwa l-Qrati. Bħala proċedura, ta’ kuljum tinfetaħ formola hekk msejħa Prohibited Items Found li fuqha jitniżżlu dawk l-oġġetti projbiti kollha li jkunu nżammu mill-membri tas-sigurtà. F’dawk il-każi li l-oġġetti m’humiex perikolużi jingħataw lura lill pubbliku huma u ħerġin mill-Qorti. F’dawk il-każi fejn l-oġġetti huma perikolużi bħal oġġetti li jaqtgħu u bil-ponta u oġġetti oħra li fl-opinjoni tas-sigurtà huma perikolużi, jiġi msejjaħ il-Puluzija li jkun għassa l-Qorti jew Puluzija mill-Għassa tal-Belt.

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet wara l-BOV

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġie jqum ix-xogħol li sar wara l-BOV f'San Pawl il-Baħar? Min għamel dan ix-xogħol u fiex kien jikkonsisti? Kif intagħżlu l-kuntratturi li wettqu dan ix-xogħol? Jista' jagħti l-informazzjoni skond ix-xogħlijiet differenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif mgħoddija mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Intant ninforma lill-Onor. Interpellant l-ispiża globali għax-xogħol li sar kienet ta’ €8,929.30.

Investigazzjoni dwar mewt ta’ mara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-inkjesti u/investigazzjoniiet li kienu qed isiru minn Transport Malta u mill-Pulizija u/jew il-Maġistrat Inkwerenti fuq il-mewt tal-mara ta' 64 sena li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn tal-Pietà li kienet ittajret minn karozza tat-trasport pubbliku f'Settembru 2013 f'Tal-Pietà?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta Maġisterjali fuq l-inċident inkwistjoni ngħalqet u ntbagħtet fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fit-30 t' April 2014.

Ħal Tarxien – Kappella ta’ Santa Marija – Xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kien beda r-restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Tarxien u liema Ministeru jew entità kien beda x-xogħol ta’ restawr fuqha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mid-Direttorat tar-Restawr li, wara li kienet saret talba lid-Direttorat tar-Restawr biex jgħin fir-restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija tar-Rokna f’Ħal Tarxien, fl-ewwel xhur tal-2012 l-istess Direttorat wettaq xogħol preliminari ta’ dokumentazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ din il-Kappella. Dan ix-xogħol wassal biex f’Ottubru tal-2012 ġiet sottomessa l-Applikazzjoni tal-Iżvilupp lill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-permess meħtieġ inħareġ f’Awwissu tal-2013 u x-xogħol ta’ restawr fuq dan is-sit inbeda dritt wara. Ir-responsabilità tax-xogħol hi tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2015

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Qorti tal-Appell ma tilħaqx tiddeċiedi r-rikors li għandha quddiema dwar ir-referendum fuq il-kaċċa, meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali? Ma jaħsibx il-Ministru li għandu jiffissa data meta għandhom isiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali matul is-sena 2015 biex ineħħi l-inċertezza, l-aktar fost dawk li se jikkandidaw ruħhom għal dawn l-elezzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda rikors pendenti dwar ir-referendum fuq il-kaċċa quddiem il-Qorti tal-Appell.

Kunsilli Lokali tal-11-il u t-12-il Distrett Elettorali – xogħlijiet infrastrutturali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11615, jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li mistenni jsir mill-kunsilli lokali rispettivi fit-toroq li għataw fil-lista li tqegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra, waħda waħda, mill-kunsilli li huma responsabbli għal dawn it-toroq partikolari? Xi preparazzjoni saret s'issa dwar ix-xogħol li hu meħtieġ f'dawn it-toroq? Minn min saret?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.