Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħa fdal ta' ġebel li tħalla wara li sar xi kostruzzjoni f'bini tal-gvern ħdejn il-Mitħna f'St.John Street, Bormla? Jista' jara li din it-triq tiġi mnaddfa b'makni (sweepers) peress li r-residenti ta' din l-area qed ibatu minn problema tat-trab?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jixtieq jgħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ġebel żejjed tneħħa u ġibed l-attenzjoni tal-kuntrattur ikkonċernat biex jieħu azzjoni mmedjata biex il-problema tat-trab tiġi minimiżżata.
Jista' l-Minsitru jgħid x'inhu l-mard kroniku li jintitola pazjenti jieħdu mediċini bla ħlas? Jista' jagħti l-listi hekk kif kienu fl-1995, 1996, 1997, 1998, 1999 u 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-mard kroniku li jintitola pazjenti jieħdu mediċini bla ħlas tinsab f'Taqsima II tal-Ħames Skeda tal-Att Dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-listi tas-snin mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, in vista ta' 4.1 tar-rapport ta' l-Awtorita' tad-Djar tas-sena 1998-1999, kif u b'liema mod l-Awtorita' tad-Djar ser tippromwovi bidla fil-mentalita' ta' dak li l-Maltin lesti li jħallsu biex ikollhom post fejn joqogħdu? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-suċċess f'din id-direzzjoni u kif dan ġie kalkolat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar emendat l-Iskema tagħha biex tħajjar aktar nies isiru sid darhom billi tagħti aktar inċentivi favorevoli. Fil-fatt, fl-Avviż Numru 64 ta' l-Awtorita' tad-Djar, il-benefiċjarji prospettivi jistgħu jissellfu mill-Bank il-prezz sussidjat kollu. Ir-riżultat jkun jista' jiġi kalkulat wara li l-Awtorita' tad-Djar tanaliżża l-applikazzjonijiet li ser jintefgħu taħt dan l-avviż.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-proġetti li fl-1 ta' Ottubru, 1999 kienu jinsabu fl-istadju ta' tendering u cioe' għar-rigward tal-bini ta':
Birżebbuġa 1 terraced house
Bormla 53 appartament
Buġibba (Tal-Veċċ) 2 maisonettes
Fgura 55 appartament
Iklin 32 appartament
Isla (St.Philip Str.) 4 appartamenti
Msida 55 appartament
Pembroke 36 maisonette
Qawra (New Str.) 44 appartament
Qrendi (Triq il-Kunsill) 2 maisonettes
San Pawl il-Baħar (Mosta Rd.) 44 appartament
Victoria - Gozo 18-il maisonette u terraced house?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mid-djar trasferiti mill-Uffiċċju Konġunt lill-Awtorita' tad-Djar? Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanti u l-applikazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-rigward ta' l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-proġetti ta' l-Awtorita' tad-Djar li fl-1 ta' Ottubru, 1999 kienu qegħdin fil-bidu tagħhom u cioe' dawk f': Birżebbugia, B'kara, Bormla, Fgura, Iklin, Isla, Kirkop, Lija, Mellieħa, Mqabba, Msida, Mtarfa, Qrendi, Safi, Siġġiewi, San Ġiljan, Swieqi, Zabbar, Għasri (Gozo)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-applikazzjonijiet sottomessi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-rigward ta' bini ta' units f'Ħ'Attard, B'kara, Buġibba, Luqa, M'Xlokk, Mosta, Msida, Mtarfa, Naxxar, Pembroke, Tarxien u Zurrieq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-arkati li jifformaw parti mill-bini tal-gvern ġewwa Triq l-Arkati, Senglea, jiġu miżbugħa u msewwija fejn hemm bżonn billi preżentament jinsabu fi stat ħażin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta'l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16922, li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid meta n-nursing aides li jaħdmu f'St Vincent de Paule se jieħdu l-arretrati li għandhom pendenti mill-1993? X'inhi r-raġuni li ddewmu daqshekk ma jeħduhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol minn naħa tad-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Anzjani sar kollu u ntbagħat it-Teżor għall-ħlas.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjoni numru 536 għal xiri ta' fond Nru. 8, Osha, Rabat, Malta?
Peress li din l-applikazzjoni issa ilha pendenti ħames snin, jista' jara li l-awtorita' tad-djar tirrimedja dan il-każ minħabba n-neċessita' urġenti tal-familja konċernata?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma ngħatatx il-permess biex tbiegħ din il-proprjeta' mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Ilmenti
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid s'issa kemm kien hemm persuni b'diżabilita' li wasslu ilmenti lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' li jħossuhom iddiskriminati u qed jitolbu rimedju permezz tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs? X'tip ta' diskriminazzjoni qed jilmentaw dwarha? X'rimedji qed jitolbu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu r-riservi li wrew il-ħames entitajiet biex il-liġi opportunitajiet indaqs jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru, 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-riservi li wrew l-entitajiet dwar id-dħul fis-seħħ tal-liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita') fl-1 ta' Ottubru kienu dawn:
a) entita' ssuġġeriet li jsir Impact Assessment;
b) entita' ssuġġeriet li l-liġi tidħol fit-3 ta' Diċembru 2000, il-Jum Intenazzjonali tal-Persuni b'Diżabilita';
c) entita' talbet aktar żmien biex tkun tista' teżamina l-liġi aħjar;
d) żewġ entitajiet urew li għandhom problemi ta' aċċess fiżiku fil-bini tagħhom;
e) entita' wriet li għandha problema biex korsijiet li torganiżża jkunu aċċessibli għall-persuni neqsin mid-dawl.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna attendiet u użat il-faċilitajiet taċ-Ċentru Detox matul April u Mejju? Kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom kienu barranin?
Fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, x'kien in-numru totali ta' persuni li marru d-Detox għall-kura? Kemm kienu barranin? Kemm kienu nisa? Kemm kellha eta' l-iżgħar u l-akbar persuna? Kemm mit-total sħiħ marru d-Detox għall-ewwel darba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul April 2000, 544 persuna attendiet u wżat il-faċilitajiet taċ-Ċentru Detox. Minn dan it-total, 70 kienu nisa u 49 kienu ta' nazzjonalita' barranija.
Bejn Jannar u April 2000, kien hemm 568 klijenti differenti li marru ċ-Ċentru Detox għall-kura. Minn dan it-total 75 kienu nisa u 59 kienu ta' nazzjonalita' barranija. L-iżgħar persuna kellha 17-il sena u l-akbar waħda kellħa 59 sena. Mit-total ta' 568, in-numru ta' dawk li marru għall-ewwel darba kien ta' 62.
L-informazzjoni mitluba dwar Mejju 2000 għad qed tinġabar.
Peress li skond l-informazzjoni dwar ix-xogħol maħruġ mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika għax-xahar ta' April, fuq April 1999, jidher li kien hemm żieda ta' xi 300 impjieg mad-dipartiment tal-gvern, jista' l-Ministru jgħid kemm eżattament daħlu mal-gvern u ma' liema dipartiment huma mqassma? Jista' jgħid ukoll minn liema lokal ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir xi ħaġa dwar ħsarat kontinwi li qed ikollu l-lift fil-blokk appartamenti Ent. A, Blk A, Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla? Jista' jara li jsir xi ħaġa sabiex ir-residenti ta' dawn l-appartamenti ma jibqgħux joħorġu aktar flejjes għat-tiswijiet kontinwi f'dan il-lift? Jista' jgħid jekk dan il-lift hux kopert b'garanzija għat-tiswija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li skond ir-records tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ma jidhirx li waslu xi lmenti fuq 'lift' li ġie nstallat f'Ent A, Blokk A, Triq il-Pellegrinaġġ.
Madanakollu, t-taqsima teknika fi ħdan l-istess dipartiment ser tagħmel spezzjoni fuq il-post indikat biex tinvestiga dwar l-imsemmija ħsarat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 16636?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Membru japprezza li t-tqassim ta' ittri impustati huwa xogħol il-Posta Ltd. Sa fejn hu infurmat il-Ministeru, m'hemmx posta li tinsab maqbuda għand il-Posta Ltd. b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali li l-G.W.U. qed tieħu kontra l-miżuri tal-budget tas-sena 2000 imħabbra f'Novembru tas-sena l-oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-regolamenti biex persuna separata tieħu r-relief? Jista' jgħid kemm tista' tħalli flus il-bank? Jista' jgħid kemm jista' jkollha proprjeta' biex persuna tibqa' tieħu r-relief?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sabiex persuna separata tirċievi l-Għajnuna Soċjali jekk fil-familja tagħha ma jkollix tfal dipendenti jew l-persuna ma tkunx marida, trid tirreġistra għax-xogħol taħt l-Ewwel Taqsima tar-Reġistru miżmum skond id-dispożizzjoni ta' l-Att dwar is-Servizzi ta' l-Impieg u Taħriġ.
Il-persuna hija wkoll obligata li tagħmel l-almu tagħha biex tottjeni manteniment legalment dovut lilha minn għand ir-raġel/mara tagħha.
Bħala flus fil-bank il-persuna ma jridx ikollha aktar minn Lm4000. Minbarra r-residenza, garaxx ma din ir-residenza għall-użu personali u villeġjatura, persuna separata ma jridx ikollha propjeta' (mhux mikrija) li flimkien ma mezzi oħra (flus il-Bank, fl-idejn eċċ.) li l-valur totali tagħhom jeċċedi Lm4000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa stmat li minn Settembru li ġej se jkun hemm persuni b'diżabilita' li se jispiċċaw mill-iskejjel speċjali u jibdew jużaw is-servizz taċ-Ċentri ta' Matul il-Jum? X'servizz se jiġi pprovdut lilhom? F'liema ċentri se jitqassmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Tweġiba għal din il-Mistoqsija tinsab fir-risposta mogħtija lill-Mistoqsija Parlamentari Numru 16830.
Jista' l-Ministru jgħid kif intlaqtu ċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għall-persuni b'diżabilita' bid-deċiżjoni tal-gvern li jnaqqas in-nefqa fuqhom għal din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li wara diskussjonijiet anke mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', il-Ministeru tiegħi, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, rnexxielu li jittrasferixxi s-somma ta' Lm65,600 minn vot ieħor taħt l-istess Ministeru għall-vot ta' dawn iċ-Ċentri.
Dan ifisser li effettivament in-nefqa għal dawn iċ-Ċentri żdiedet b'aktar minn Lm50,000, u mhux naqas. L-effetti ta' din iż-żieda ser jkunu pożittivi billi l-Ministeru issa jista' jimpjega aktar personnels biex jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri. Biss, il-Ministeru hu konxju li xorta għad hemm il-bżonn li dan il-vot ikompli jiżdied biex intejbu l-kwalita' tas-servizz offrut f'dawn iċ-Ċentri u biex inkunu nistgħu noffru dan is-servizz lil dawk kollha li għandhom bżonnu.