Legislature:
Category:
Reset
Active:

Policy Dwar Parkeġġi — Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tfasslet dwar il-parkeġġi f'Malta? Ma' liema kunsill lokali saru d-diskussjonijiet dwar din il-policy? Liema kunsilli kienu li taw is-suġġerimenti tagħhom u fil-każijiet fejn dawn is-suġġerimenti saru, x'kienu s-suġġerimenti li ngħataw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-polza li għaliha qed jirreferi għadha fil-fażi ta' konsultazzjoni nterna u ser titnieda għal konsultazzjoni esterna mal-entitajiet kkonċernati fil-ġranet li ġejjin. Saru laqgħat mal-kunsilli lokali kollha u ma’ entitajiet varji fejn il-kummenti u s-suġġerimenti li saru ġew annotati. Dawn il-kummenti u suġġerimenti wasslu għall-ħtieġa ta' reviżjoni tal-polza eżistenti li tirrigwarda l-immanniġġjar tal-parkeġġ fit-toroq pubbliċi u kienu l-qafas li fuqu ġiet riveduta din il-polza. Il-kummenti u s-suġġerimenti li ngħataw ġew ikklassifikati f'seba’ taqsimiet kif ġej: - Ir-rotot tat-trasport pubbliku li m'humiex jaqdu l-ħtiġijiet tan-nies u li għaldaqstant żdied l-użu tal-karrozzi privati - talba għal żoni ta' Park and Ride ġodda bla ħlas - talba għal sistemi ta' parkeġġ li jindirizzaw il-problema tal-parkeġġ mill-ħaddiema għal ħinijiet twal (commuter parking) f'żoni residenzjali - Użu tal-fondi tal-Parking Payment Scheme (CPPS) sabiex jiġu identifikati żoni fejn jinbnew parkeġġi ġodda u rigward l-użu ta' art mhux mibnija għal parkeġġ temporanju - Talba sabiex jiżdiedu l-parkeġġi komunali għall-persuni b'diżabbiltà u problemi li jinħolqu minn parkeġġi riservati għal persuni b'diżabiltà quddiem ir-residenza privata tagħhom u/jew meta dawn jinzertaw quddiem ir-residenza privata ta' terzi - Li l-ammont ta' parkeġġi blu u ħodor fl-iskema tal-Belt Valletta huma eċċessivi.

Kunsilli Lokali — 7 u 12-il distrett - bidliet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi proposti saru mill-kunsilli lokali indikati għal dawk li huma l-kunsilli lokali fid-domanda li ressqu proposti dwar bidliet fir-rotot tal-linja u dwar it-toroq one ways jew two ways, lill-Transport Malta u dan matul l-aħħar 12-il xahar? Liema toroq kienu proposti li jiġu affettwati u liema proposti ġew aċċettati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li f’dawn f'dawn l-aħħar tnax-il xahar, fis-seba’ u fit-tnax-il distrett elettorali kien hemm total ta' ħmistax-il talba għal bdil fid-direzzjoni tat-traffiku fit-toroq fejn sebgħa minnhom ġew approvati u s-sebgħa l-oħra għadhom pendenti sakemm l-kunsill lokali rispettiv jibgħat l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn Transport Malta. Kien hemm ukoll talba għal kjarifika fuq id-direzzjoni tat-traffiku fi triq minnhom. Il-lista qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward bidliet fir-rotot għat-trasport pubbliku ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposti mressqa mill-Kunsilli Lokali kollha ġew milqugħa, liema proposti għadhom suġġett tad-diskussjonijiet bejn l-Arriva u Transport Malta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — tender/direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-perijodu 1998 u Marzu 2013? Jista' jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b'direct order jew tender u kemm kienet l-ispiza għal kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kumpanija li id-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tat is-servizzi tagħha lill-Ministeri preċedenti li illum il-Ministeru tiegħi jagħmel parti minnhom hu kif ġej: Fis-sena 2008 sar ħlas għal servizzi ta’promozzjoni u informazzjoni relatati ma’ “Rural Development Measures” għas-somma ta’ €21,015.80. Ta’ min jgħid li f’din is-sena saret l-amalgamazzjoni bejn MRI u MRAE. Dan is-servizz ingħata lil MRAE. Fis-sena 2012 tħallsu reklamar fil-magazine Gwida għall-attività’ “Festa tat-Tonn 2012” għas-somma ta’ €129.80 Fis-Sena 2013 tħallsu reklamar fil-magazine Gwida għax-xhur ta’ Awwissu u Settembru 2012 għas-somma ta’ €277.30. F’kull każ ix-xogħol kollu ingħata b’ direct order. Ma ingħata l-ebda xogħol lil din il-kumpanija mill-entitajiet f’ ħdan il-Ministeru tiegħi.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bordijiet kollha maħtura taht il-Ministeru ghat-Trasport u l-Infrastruttura ġew mlaqqa’ kif meħtieg minn Marzu 2013 ’il quddiem. Il-Bordijiet kif maħtura taħt dan il-Ministeru huma kif imsemmi hawn taħt: Bord tal- Warrant tal-Periti Building Regulation Board Engineering Profession Board Masons’ Board Mdina Rehabilitation Committee Cottonera Rehabilitation Committee Valletta and Floriana Rehabilitation Committee Grand Harbour Regeneration Corporation Board Transport Malta Maritime Safety and Pollution Prevention Committee Maritime Security Committee Co-ordinating Committee

articulated buses — Rapporti tekniċi

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 4637, jista’ l-Ministru jgħid meta għamel it-talba lill-Avukat Ġenerali biex ikun possibbli li jiġu ppubblikati s-sommarju tar-rapporti? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li saret lill-Avukat Ġenerali?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 4637, ninfurmah li kienet saret talba mill-uffiċċju tiegħi lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rigward ir-rapport imsemmi bil-miktub nhar it- 23 t’Ottubru 2013 wara li kienet saret talba oħra verbalment ġranet qabel. Għaldaqstant ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk irid jara il-korrispondenza in kwistjoni, jinfurmani u nurihilu bla ebda diffikulta’.

Warranting Board tal-Periti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4635, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Warranting Board tal-Periti minn Marzu 2011 sa Marzu 2013 biex isiru l-eżamijiet, kemm għall-gradwati Maltin kif wkoll għall-gradwati barranin? Kemm-il kandidat kien hekk f' kull sezzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Warranting Board tal-Periti minn Marzu 2011 sa Marzu 2013 iltaqa’ sebgħa u għoxrin darba. Ninfurmah ukoll li kien hemm disgħa u disgħin kandidati li kienu gradwati mill-Universita’ ta’ Malta filwaqt li kien hemm ħames kandidati oħra ggradwati minn Universitajiet Barranin.

Applikazzjonijiet għal reserved parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema policies inbidlu għal dak li jikkonċerna l-għoti ta' reserved parkings spaces wara Marzu 2013? Jista' jagġti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet għal reserved parking spaces li kienu rifjutati qabel Marzu 2013 u li wara dan ix-xahar ingħataw il-persuna meħtieġa għal reserved parking spaces? X'bidliet kien hemm fil-kompożizzjoni tal-bord li jiddeċiedi dawn it-talbiet?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li hemm xi partijiet mill-polza għall-Parkeġġ Riservat Persuni b'Dizabbilta’ li ġew mibdula b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabbilta'. Kien hem għaxar talbiet li kienu ġew rifjutati qabel Marzu u li ġew approvati wara Marzu għar-raġunijiet kif ġej: - waħda minnhom ġiet riveduta w approvata bħala 1.5m KEEP CLEAR bay; - tlieta minnhom ġew approvati mir-Review Panel wara li l-applikanti appellaw id-deċiżjoni tal-Bord għall-Parkeġġ Riservat Persuni b'Diżabbilta’; - tlieta minnhom ġew approvati fuq bażi temporanja għal sitt xhur minħabba perjodi ta' konvalexxenza/kimoterapija; - waħda minnhom ġiet approvata għax mid-data tal-ewwel approvazzjoni sar jgħix persuna li ssuq mal-applikant u għaldaqstant l-applikant sar eliġibbli għal parkeġġ riservat għax issodisfa l-kriterji kollha ta' eliġibilita'; - tnejn oħra ġew riveduti fuq ċertifikat mediku li jgħid li l-kundizzjoni medika tal-applikant iddeterjorat. Il-bidliet li saru fil-Bord għal Parkeġġ Riservat Persuni b'Diżabbilta’ kienu kif ġej: - Chairperson: Perit Audrey Testaferrata De Noto li ma nbidlitx - Segretarja: Sinjura Doreen Busuttil li ma nbidlitx - Membru: Sur Kevin Zahra, rappreżentant ta’ Transport Malta, li bidel lil Josie Brincat minħabba li dan tal-aħħar m'għadux jagħmel xogħol ta' konsulenza ta' mmanniġġjar tat-traffiku - Membru: Sinjura Amy Zahra, rappreżentanta tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabbilta’, li ma nbidlitx - Membru: Sinjura Joanne Debono Grech, rappreżentanta tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li ġiet nominata minn wara Marzu wara li l-Awtorita’ kienet ilha żmien twil titlob li jiġi nominat rappreżentant mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Transport Malta — Controlled Residential Parking Schemes

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-polza li fuqha Transport Malta tagħti l-kunsens tagħha għall-Controlled Residential Parking Scheme? Jista' jqieħged fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-polza kif indikata? Jista' jagħti tagħrif dwar min huma l-membri uffiċjali li qed jaħdmu biex ibiddlu din il-polza? Meta hu mistenni li l-polza ġdida tiġi applikata?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li bħalissa Transport Malta mhux qed tipproċessa aktar talbiet għall-Controlled Residents Parking Schemes minħabba li l-polza ġiet riveduta. Din il-polza l-ġdida għaddejja konsultazzjoni nterna u sussegwentament tibda l-konsultazzjoni pubblika mal-entitajiet kollha kkonċernati. L-uffiċċjali tal-Awtorita’ li ħadmu fuq ir-reviżjoni tal-polza huma mid-Dipartiment għall-Immanniġġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq. Il-polza l-ġdida tiġi applikata meta tintemm l-konsultazzjoni pubblika u jsiru t-tibdiliet li jista’ jkun hemm bżonn.

Transport Malta — Bankini u Toroq

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5827, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta spezzjonatx l-inħawi biex tara li dak li kien approvat fil-fatt sar? Jekk f'xi każijiet indikati fir-risposta kien hemm kundizzjonijiet li jolqtu t-traffiku li jgħaddi mill-istess inħawi u l-permessi ngħataw biex ix-xogħol jiġi implimentat f'perijodu fiss ta' żmien, jista' jagġti tagġrif dwar jekk dan il-perijodu ta' żmien inżammx inkella le?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wħud minn dawn il-permessi kienu jeħtieġu applikazzjoni u permess mill-MEPA qabel ma jsir ix-xogħol. Fl-ebda każ Transport Malta ma ġiet infurmata li x-xogħlijiet saru u allura ma kienx hemm lok ta' spezzjoni fuq il-post. Nitlob lill-Onoveroli Interpellant sabiex jekk jixtieq xi informazzjoni dwar xi każ partikolari jgħaddi d-dettalji sabiex l-Awtorita’ tkun tista' ssegwi l-każ mill-qrib.

San Pawl il-Baħar — Permessi għall-bidliet fil-one ways

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5828, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq indikati fir-risposta? Jista' jagħti risposta ukoll għall-aħħar żewġ domandi li hemm fid-domanda 5828?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tlett toroq li qed tirreferi għalihom il-mistoqsija parlamentari 5828 huma Triq Mons. A. Mifsud, Triq l-Erba' Mwieżeb u Triq San Ġeraldu. B’referenza għall-aħħar żewġ domandi, jien infurmat li wħud minn dawn il-permessi kienu jeħtieġu applikazzjoni u permess mill-MEPA qabel ma jsir ix-xogħol. Fl-ebda każ Transport Malta ma ġiet infurmata li x-xogħlijiet saru w allura ma kienx hemm lok ta' spezzjoni fuq il-post. Nitlob lill-Onoveroli Inperpellant sabiex jekk jixtieq xi informazzjoni dwar xi każ partikolari jgħaddi d-dettalji sabiex l-Awtorita’ tkun tista' ssegwi l-każ mill-qrib.

articulated buses — Rapporti tekniċi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4637, jista’ l-Ministru jgħid kif wasal għal konklużjoni illi minħabba s-sigurtà pubblika, l-imsemmija rapporti m'għandhomx jiġu ppubblikati? Fejn, f'dawn ir-rapporti, hemm stipulat illi minħabba is-sigurtà pubblika, dawn ir-rapporti jew partijiet minnhom m'għandhomx jiġu ppubblikati? X'inhi r-raġuni li l-Ministru jibqa’ jinsisti illi ma jippubblikax dawn ir-rapporti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4637.

articulated buses — Rapporti tekniċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport tekniku ġie ppreparat u ppreżentat lilu fir-rigward tal-articulated buses fid-dawl ta' inċidenti ta' ħruq li kienu nqalgħu reċentement? Min ipprepara dawn ir-rapporti? X'inhuma r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dawn ir-rapporti? Dawn tressqu għall-attenzjoni tal-operatur? X'qed isir minn Transport Malta biex jiġi żgurat illi dawn ir-rakkomandazzjonijiet jitwettqu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju, u minħabba s-sensitivittà tas-suġġett m’għandi xejn iktar x’inżid ma dak li diġà ntqal. Aktar informazzjoni tingħata iktar 'il quddiem fil-mument opportun.

Coaches minflok articulated buses – apparat ta’ sigurtà

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4642, jista’ l-Ministru jgħid b'liema mod id-diskussjonijiet li qed isiru jiġu ppreġudikati billi jagħti l-informazzjoni mitluba, u ċjoè illi min se jħallas għall-ispejjeż biex jinkrew il-coaches li qed jissostitwixxu l-articulated buses?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4642 ħlief li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.

Dock 7 – bidla fi triq

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4640 u konsegwentement ir-risposta minnu mogħtija, il-Ministru qiegħed jikkonferma li ma ħareġ l-ebda avviż legali li jindika t-tibdil indikat f'din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Skont l-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, Kapitlu 499, l-Awtorità għandha s-setgħa u l-funzjoni li tagħti drittijiet ta’ mogħdija fit-toroq lill-persuni jew fir-rigward ta’ persuni. Għal finijiet tal-każ, skont Kapitlu 104 tal-Liġijiet ta’ Malta, ‘triq’ tfisser triq, sqaq, pjazza, fortifikazzjoni jew post ieħor ta’ mogħdija għall-pubbliku. Din l-interpretazzjoni kienet ikkonfermata mill-Qorti ta’ Malta Psaila v Debono (Appell, 5/4/1954). Għaldaqstant m’hemmx bżonn ta’ avviż legali. Bħalma dejjem sar, kien hemm diversi avviżi fil-medja lokali qabel ma din it-triq infetħet temporanjament għat-traffiku u importanti li jiġi nnutat li din it-triq temporanja qed tindirizza l-problema kbira tal-konġestijoni tat-traffiku fin-naħa t’isfel ta’ Malta li qatt ma ġiet indirizzata b’mod serju mill-gvern preċedenti.

Coaches minflok articulated buses – apparat ta’ sigurtà

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4641 u konsegwentement ir-risposta tal-Ministru bir-risposta għal din il-mistoqsija l-Ministru qiegħed jikkonferma illi dawn il-coaches mhumiex low floor u għalhekk persuni b'diżabilità, anzjani u ommijiet b'pushchairs ma jistgħux jirkbuhom, barra mill-fatt illi mhumiex Euro 5 u għalhekk iniġġsu aktar l-ambjent?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4641 li tirrispondi għall-mistoqsijiet li hawn f’din id-domanda.

Burmarrad – triq prinċipali — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5811, billi hu iktar important li jsir ix-xogħol milli li x-xogħol meħtieġ ikun fuq lista, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ f'din il-parti tat-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija hija fuq il-lista ta’ toroq li għandhom bżonn ta’ intervent.

Ħlas ta' Liċenzja ta' karozza

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq ħlas tal-liċezja tal-karozza peress li huwa persuna b'diżabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi minnu se jiġi kkuntattjat minn Transport Malta sabiex l-Awtorità tara kif tista’ tassistih fil-problema tiegħu.

Ħlas ta' liċenzja ta' karozza commercial

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandha problema fuq ħlas tal-liċenzja tal-karozza commercial?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi minnu se jiġi kkuntattjat minn Transport Malta sabiex l-Awtorità tara kif tista’ tassistih fil-problema tiegħu.

Problema ta' Traffic Management

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema fuq traffic management perikoluż li jgħaddi mit-triq tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-problema taċ-ċittadina li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari tinsab fi triq li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Għaldaqstant, kemm it-talba li din it-triq tiġi f'direzzjoni waħda kif ukoll it-talba li tiġi nfurzata s-sinjaletika li ma jgħaddux vetturi kbar għandhom jiġu riferuti lill-kunsill lokali. B'hekk, il-kunsill ikun f'pożizzjoni li jmexxi sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja skont il-proċeduri ta’ Transport Malta fil-każ tad-direzzjoni tat-traffiku u l-azzjoni neċessarja bil-pulizija jew gwardjani lokali fil-każ tal-infurzar tas-sinjaletika.

tindif ta' siti

Question

Peress illi ġie nnutat li fost postijiet oħra, il-belveder fuq il-Blue Grotto, l-irdum ta' Ħad-Dingli u Fomm ir-Riħ jinsabu fi bżonn urġenti ta' tindif wara ħafna xhur li dan ma sarx, jista' l-Ministru jieħu azzjoni minnufih mal-kunsilli lokali rispettivi biex dan it-tindif isir, skont proċedura ta' infurzar li teżisti mid-Dipartiment tal-Indafa Pubblika, fi ħdan id-diviżjoni tal-xogħlijiet pubbliċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ser tintbagħat notifika lill-Kunsilli Lokali konċernati sabiex isir it-tindif neċessarju fiż-żoni imsemmija.