Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ li jaħdmu fid-diversi oqsma ta' l-ekonomija? Tista' din l-informazzjoni tingħata fi breakdown skond: 1) l-eta'; 2) il-gender; u 3) il-marital status?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 8790?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent hemm 15-il talba għal bozoz ġodda f'dawn it-toroq tal-Marsa:
Stiefnu Żerafa, Xemxija, Sqaq Bajada, Marsa, l-Iskola, is-Sebħ,
Nerik Sacco, Patri Magri, San Bernard, Assunta, Kungress Marjan,
San Franġisk, Ġnien 6 ta' Awwissu, Sqaq fi Triq Ħal-Qormi,
Sqaq Lamacca fi Triq Diċembru 13
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 8791 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jista' l-Ministru jgħid x'kumpens se jieħdu n-nies tal-Marsa minħabba l-ħmieġ li qegħda toħloq il-Power Station tal-Marsa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kull talba għal danni li l-Enemalta jkollha, tiġi mistħarrġa u jekk jirriżulta li hemm każ ta' kumpens, dan jingħata skond il-liġi li tirrigwarda l-ambjent.
Pero' ta' min jinnota li l-Enemalta qed tagħmel ħilitha kollha biex in-nies tal-Marsa ma jbatux mill-emissjonijiet li joħorġu miċ-ċmieni tal-Power Station. Fil-fatt, l-ewwelnett, diġa' saru pjanijiet biex il-kwalita' taż-żejt li jintuża jkollu kontenut ta' sulphur (kubrit) ferm inqas milli għandu llum, u t-tieni, it-tħaddim tal-combined cycle f'Delimara naqqset id-domanda għall-użu ta' l-impjant fil-Marsa.
Ta' min josserva li d-diversi amministrazzjonijiet laburisti mhux biss ma offrewx kumpens lin-nies tal-Marsa, talli lanqas biss ħadu miżuri biex jonqos it-tħaddim tal-Power Station tal-Marsa.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 8922?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-dawl fil-post imsemmi għandu jsir mill-Kunsill Lokali b'materjal ipprovdut mill-Korporazzjoni Enemalta. Meta l-Kunsill Lokali jlesti x-xogħolijiet meħtieġa, l-Enemalta tkun tista' tagħti l-provvista ta' l-elettriku.
Meta wieħed jeskludi l-bejgħ tal-Mid-Med plc lill-HSBC, jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-investment barrani f'pajjiżna bejn Diċembru 1998 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-investiment gross barrani f'Malta mill-31 ta' Diċembru 1998 sal-31 ta' Marzu 1999 kif pubblikat mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika fil-pubblikazzjoni ta' kull tlitt xhur huwa kif ġej:
1999* 1998*
CR DR CR DR
1021 631 1365 18482
* figuri proviżorji
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 8935, jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju li qiegħed jingħata liċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kif ukoll x'inhuma l-benefiċċji li jgawdi minnhom?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għall-għoti tal-kuntratt mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma lill-kumpannija Geo Med Services Ltd? Dan il-kuntratt ingħata wara sejħa għall-offerti? X'inhu l-valur ta' dan il-kuntratt?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8770, jista' l-Ministru jgħid kemm sar overtime mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum fil-manutenzjoni u fil-linji tat-tankijiet?
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-lampi li hemm fi Triq il-Wied, Ħal Qormi? Jaf li hemm żewġ lampi li ilhom bil-ħsara x-xhur, jiġifieri dik ta' quddiem Sqaq Nru.3 u dik li hemm qrib Triq l-Għargħar 1979?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni tal-lampi fit-toroq imsemmija saret fit-22 ta' Lulju.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6285 li tirrigwardja n-numru ta' nies li ġew ingaġġati bħala crane operators u security mal-Freeport bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998 u mill-5/9/98 sal-lum - lokalita b'lokalita'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998, jiġifieri matul l-aħħar Amministrazzjoni Laburista, ġew impjegati 51 equipment operator mal-Malta Freeport.
Bejn is-6 ta' Settembru 1998 u d-29 ta' April 1999, ġew impjegati 11-il security controller u equipment operator wieħed.
Dawn l-impjegati ġejjin minn dawn il-lokalitajiet:
Attard 2, Buġibba 1, B'Bugia 4, Dingli 1,
Gżira 1, Ħamrun 1, Luqa 1, Marsascala 2,
Mtarfa 1, Msida 1, Mqabba 1, Naxxar 2,
Paola 2, Qormi 15, Qrendi 3, Rabat 1,
Sliema 1, Siġġiewi 2, Tarxien 1, Valletta 6,
Xgħajra 2, Żebbuġ 10, Żejtun 1, Żabbar 1.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex ma saritx sejħa għall-applikazzjoni għal xogħol part-time għas-sajf fl-Air Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ingaġġ ta' ħaddiema ma' l-Air Malta jsir permezz tal-Korporazzjoni tax-XOgħol u Taħriġ. Sejħa għall-applikazzjonijiet toħroġ biss meta l-Korporazzjoni ma tkunx tista' tilqa' t-talba tal-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandu l-Head tal-Human Resources tal-Maltacom? Veru li meta saru l-interviews/eżamijiet għal dan il-post is-sena l-oħra, persuna li għandha Masters ġiet il-ħames, waqt li dik li ġiet l-ewwel m'għandha l-ebda kwalifiki?
Il-gvern kif beħsiebu jindirizza l-"inefficient utility price structures" li jirriferi għalihom ir-rapport ta' l-IMF dwar Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
F'Settembru 1998, il-Gvern sab quddiemu skeda ta' prezzijiet għad-dawl u l-ilma, introdotta mill-Gvern preċedenti li kieku ġiet implimentata kienet ser timplika piż impossibbli fuq ħafna mill-industriji f'Malta li kienet twassal għat-tnaqqis fil-kompettitivita u telf ta' impjiegi b'riperkussjonijiet soċjali serji ħafna.
Għalhekk il-Gvern sab ruħu f'sitwazzjoni fejn kellu jieħu b'urġenza mezzi korrettivi billi ħareġ skeda ta' prezzijiet li tħares b'mod realisitku lejn dawk li huma il-kundizzjonijiet partikolari preżenti f'pajjiżna.
Fl-istess waqt il-Gvern qiegħed jistudja bir-reqqa il-'cost structures' attwali kemm tal-Enemalta kif ukoll tal-Water Services Corporation sabiex jiġu implimentati dawk il-miżuri meħtieġa sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-produzzjoni tad-dawl u tal-ilma, inkluż tnaqqis ta' telf mis-sistemi ta' distribuzzjoni. Dan għandu jgħamilha possibli li tingħata ħarsa ġdida lejn l-iskeda dawn il-'cost structures' b'rifless konsegwenti fuq l-iskeda tal-prezzijiet ta' dawn is-servizzi essenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq tibdil tal-linja ta' l-elettriku fi Triq John Otto Bayer, Xagħra, Għawdex? Peress li wara snin twal ta' qtugħ fid-dawl u ilmenti ġew waħħlu l-arbli ġodda biex jerfgħu l-linji l-ġodda iżda minkejja li għaddew bosta xhur dan ix-xogħol baqa' wieqaf u ma tkompliex, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni minħabba li dan id-dewmien qed jikkaġuna ħsarat u telf ta' ħin u paċenzja lil dawk ir-residenti milquta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol ta' tibdil ta' linji ta' l-elettriku fit-triq imsemmija beda u mistenni jitkompla fi żmien qasir flimkien ma' xogħolijiet oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6329?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Maltacom tagħmel tindif tal-cardphones tagħha fuq skeda regolari minn tim ta' ħaddiema tagħha stess. Dan it-tindif u manutenzjoni jsir kemm fuq dawk il-kiosks li huma ta' l-aluminium kif ukoll fuq dawk tal-ġebel jew tal-ħadid, fejn ikun meħtieġ isir tibjid jew żebgħa.
Jiena nfurmat li l-Maltacom qatt ma ġiegħlet jew infurmat lil xi ħadd li għandu jħallas xi spejjeż għax-xogħol li tkun għamlet biex issewwi l-ħsara li tkun saret minn terzi persuni li jħażżu n-numru tat-telefon ta' xi abbonat mal-kiosk. Dan tagħmlu biss jekk taqbad lil xi ħadd jagħmel att vandalu, u f'dan il-każ il-Maltacom tgħaddi l-każ f'idejn il-Pulizija u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiġbor l-ispejjeż involuti.
Jista' l-Ministru jgħid min għamel ix-xogħol taż tindif fl-uffiċċji tal-Ministeru mill-5 ta' Settembru 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999?
Jekk jirriżulta li dan it-tindif isir min xi kumpannija privata jista' jgħid: (1) min hi l-kumpannija; (2) kemm tħallset xahar b'xahar; (3) jekk jeżistix kuntratt ma' din il-kumpannija; (4) jekk inħarġitx sejħa għal offerta; (5) jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta` tindif fl-uffiċini tal-Ministeru tiegħi, inklużi l-uffiċini taż-żewġ Seġretarji Parlamentari, bejn il-5 ta` Settembru 1998 u l-21 ta` Ġunju 1999 sar b`direct order minn tlitt ditti u cioe` Mr. Clean, Commercial Cleaners Ltd., u General Cleaners Ltd.
Ma narax il-ħtieġa li npoġġi l-ircevuti konnessa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rabat — Malta - Triq Għajn Qajjed - Arbli tad-dawl
Question
Peress li l-arbli tad-dawl fi Triq Għajn Qajjed, Rabat, Malta, huma kollha msadda, jista' l-Ministru japprova li dawn jinbidlu preferibbilment qabel ix-xitwa li ġejja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jirriżultax li l-arbli msemmija għandhom għalfejn jiġu mibdula.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 6690?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfuramt li minn Awissu li għadda, l-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma ħarġet l-ebda kont għall-konsum ta' l-ilma fil-postijiet imsemmija. Il-Korporazzjoni ġiet avżata biex il-kontijiet relattivi għall-persuna li mietet ma jibqgħux jintbagħtu fl-indirizz tal-persuna l-oħra. Dan kien qed isir fuq talba tal-partijiet involuti.
Lill-persuna li għadha ħajja, il-Korporazzjoni bagħtitilha biss ittra ta' spjegazzjoni kif ser jorħos il-kont. Dan sar peress li l-kont oriġinali kien intbagħat lil din il-persuna. Il-kontijiet li ħerġin ser jintbagħtu skond l-aħħar talbiet tal-persuni involuti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li f'dawn l-aħħar ġimgħat saru xi ħatriet maniġerjali fi ħdan l-MIA? Huwa minnu li ntgħażlu persuni minn barra l-MIA? Sar reklutaġġ speċifiku avżat fil-ġurnali għall-mili ta' din il-kariga/karigi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li wara li f'Mejju ta' l-1999 numru kbir ta' ħaddiema li kienu jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili marru ma' l-M.I.A., saru diversi ħatriet maniġerjali.
Dawk li saru qabel Settembru 1998, ċioe` fi żmien il-Gvern Laburista li tiegħu l-Onorevoli Membru kien Ministru, saru kollha bla sejħa għall-applikazzjoni.
Wara l-ħatra ta' Bord tad-Diretturi ġdid, beda jsir eżerċizzju fejn tiġi definita l-istruttura maniġerjali tal-kumpanija. Saru xi ħatriet biex jagħmlu tajjeb għall-inġustizzji li saru qabel l-elezzjoni ta' l-1998. Ta' min jgħid li kien hemm ukoll bżonn li nies li jaħdmu diġa ma l-M.I.A. jinbidlilhom il-job title tagħhom sabiex jrrifletti aħjar ir-rwol li huma għandhom fil-kumpanija. Kien hemm ukoll xi vakanzi u l-ħatriet saru skond il-proċeduri stabbiliti mill-liġi, u mhux kif sar qabel l-elezzjoni ta' l-1998 fejn xi impjegati fuq impjieg temporanju ingħataw impjieg permanenti mingħajr ma ġew irrispettati l-liġijiet tal-pajjiż.
Jista' l-Ministru jikkonferma dak li ġie allegat fil-Malta Independent on Sunday tal-11 ta' Lulju, 1999 li hu kellu aċċess dirett għall-files tal-MDC konnessi ma' l-industrial development u li hu skrutinizza d-dettalji ta' ċerti proġetti meta allegatament mhux suppost li kellu aċċess għal tagħrif simili? Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux isostni li ċerti proġetti prospettivi tal-MDC setgħu taw il-lok għal dak li jissejjaħ ħasil ta' flus maħmuġin (money laundering)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma naħsibx li Ministru responsabbli għal korporazzjoni li tifforma parti mid-dekasteru tiegħu ma għandux dritt li jkun jaf dwar l-operat ta` l-istess korporazzjoni. B`danakollu dan ma jfissirx li l-Ministru, biex ikun jaf dwar l-operat tal-korporazzzjoni, irid jidħol fid-dettalji tal-files. Naħseb li ma nkun qed niżvela l-ebda sigriet meta ngħid li kull impjegat ta` azjenda pubblika għandu l-obbligu li jinforma lill-Ministru responsabbli minn tali azjenda dwar l-operat tagħha meta jkun mitlub jagħmel dan. Għaldaqstant naħseb li jkun qed jirraġuna b`mod żbaljat min jasal biex jallega li biex jiena wasalt għal certi konklużjonijiet kelli aċċess dirett għall-files tal-M.D.C.