Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat (Għawdex) – xogħlijiet – traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex, introduċiex xi miżuri biex jiġi indirizzat l-iġġammjar tat-traffiku madwar ir-Rabat kollu? Il-Kunsill tar-Rabat huwa konxju li hemm bottleneck ta’ traffiku fil-junction bejn it-Triq ta’ Wara s-Sur u Triq l-Imgħallem? Għalfejn il-Kunsill ħass il-ħtieġa li jqabbad diversi wardens jagħtu tickets lill-vetturi li jgħaddu minn fuq in-no entry sign fil-parti tat-Triq ta’ Wara s-Sur u Triq il-Kapuċċini wara li jkunu weħlu fil-bottleneck imsemmija? Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu tickets f’dan il-lokal kemm ilhom li bdew ix-xogħlijiet fi Pjazza Sabina?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-immaniġġjar tat-traffiku fir-Rabat Għawdex sar wara konsultazzjoni u wara li ngħata permess minn Transport Malta. Intant, l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li l-gwardjani lokali ma jitqabbdux mill-Kunsilli Lokali iżda mill-Kumitati Reġjonali, fil-każ ta’ Għawdex jitqabbdu mill-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex. Intant infurmat ukoll li minn mindu bdew ix-xogħlijiet fi Pjazza Sabina, jiġifieri minn Mejju 2014 sal-lum, il-Pulizija ħarġu 409 ċitazzjoni, il-gwardjani ħarġu 4,224 ċitazzjoni, il-PTA ħarġu 39 ċitazzjoni u l-Educational ħarġu seba’ (7) ċitazzjonijiet.

Ir-Rabat (Għawdex) – Pjazza San Ġorġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħala parti mix-xogħlijiet li qegħdin isiru mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex, huwiex se jinqala’ l-pavimentar ta’ Pjazza San Ġorg? X’inhi r-raġuni għal dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex li ser jinqala’ l-pavimentar ta’ Pjazza San Ġorg. Dan wara li l-Kunsill applika għall-fondi mit-tieni sejħa tal-Gozo Action Group tar-Rural Development Programme for Malta 2007-2013 LEADER, Measure 313 – Encouragement of Tourism Activities. Il-proġett jinkludi heritage trail tul Pjazza San Ġorġ, Pjazzetta Akkursju Xerri, Triq l-Iskola u Triq Alfons Maria Ħili. Il-pavimentar tal-pjazza u t-toroq imsemmija ser isir bil-fondi taħt dan il-programm u l-kuntratt ġie ffirmat fl-1 ta’ Ottubru 2014. Il-heritage trail ser ikompli jgħaqqad mal-proġett li bħalissa qed isir mill-Kunsill Lokali fi Pjazza Savina u fi Pjazza Indipendenza. Pjazza San Ġorġ ser tkun pavimentata bil-porfido u l-materjal li ser jinqala’ minn din il-pjazza ser jintuża fil-parti tan-nofs fit-toroq imsemmija. Il-ġnub tat-toroq li fuqhom jgħaddu l-vetturi ser isir bil-porfido.

Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar – tagħrif lill-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11895 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’qed isir min-naħa tal-Gvern biex il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tiġi mgħarrfa lill-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-European Consumer Centre (Malta) li jifforma parti mill-European Consumer Centres’ Network (ECC-Net) jipprovdi informazzjoni dwar kif tintuża l-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Dan iċ-Ċentru jaqa’ taħt l-MCCAA liema Awtorità taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili. Il-European Consumer Centre (Malta) u l-MCCAA jipprovdu din l-informazzjoni anki permezz ta’ leaflet, artikli fuq gazzetti lokali u tagħrif ieħor online.

Proċedura Ewropea għal talbiet żgħar — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11894 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid, sena b’sena sa minn meta bdiet titħaddem, kemm saru każijiet quddiem il-fora kompetenti f’Malta taħt il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar? Sena b’sena kemm minnhom ġew deċiżi u attwalment kemm hemm pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għad-domanda 12144 ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar mis-sena 2009 sat-12 ta’ Novembru, 2014 ġew ipprezentati u deċiżi s-segwenti kawżi kif ġej: Sena Kemm ġew irrreġistrati kawżi Deċiżi/Deżerti Pendenti 2009 1 1 2010 2 2 2011 7 4/1 2 2012 3 2 1 2013 5 2 3 2014 2 0 2

Oġġetti ta’ wirt kulturali — taxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna barranija, kemm jekk hija mill-Unjoni Ewropea u kemm jekk le, u li ġiet tgħix hawn Malta u ġabet magħha oġġetti ta’ wirt kulturali għall-użu personali tagħha, tkunx obbligata tħallas xi taxxa jew tagħmel kontribuzzjoni oħra meta tiġi li tittrasferixxi dawn l-oġġetti personali u ta’ wirt kulturali barra mill-pajjiż? Jekk iva, kemm ikun il-ħlas? Biex tesporta dawn l-oġġetti għandna bżonn clearance minn Heritage Malta jew entità governattiva oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li oġġetti ta’ valur kulturali ma jistgħux joħorġu mit-territorju nazzjonali Malti mingħajr il-kunsens tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, kif stabbilit mill-liġi Maltija u mid-Direttivi Ewropej fuq din il-materja. Il-kunsens tas-Sovrintendent biex oġġett joħroġ minn Malta, jingħata wara li ssir eżaminazzjoni tal-istess oġġetti kulturali biex ikun determinat iż-żmien u l-valur kulturali ta’ dawn l-oġġetti. Din l-eżaminazzjoni ssir bi ħlas ta’ dritt ad valorem ta’ ħamsa fil-mija tal-valur tal-istess oġġetti kulturali. Talli oġġetti li joħorġu mill-pajjiż lejn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropeja, huma wkoll suġġetti għall-ħlas tat-taxxa tad-Dazju. Ninforma wkoll l-Onorevoli Interpellant li preżentement il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qed ifassal numru ta’ emendi tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, liema emendi ser jinkludu wkoll regolamenti ġodda dwar importazzjoni temporanja.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11529, jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għall-perjodu ta’ bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-1 ta’ Ottubru 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Rock Opera Ġensna 2014

Question

Jista l-Minsitru jgħid jekk tħallsux rights, u jekk fl-affermattiv lil min, meta ġiet imtellgħa r-Rock Opera Ġensna 2014 mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fit-22 ta’ Marzu 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli lokali – Elezzjonijiet 2015

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-data meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali fis-sena 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha diġa ingħatat b’mod estensiv mal-għeluq tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-rijallinjament tal- elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. M’għandi xejn xi nżid ma’ dak li diġa ġie ampjament iddikjarat.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Lista ta' xiri ta' servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta' prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji/individwi intalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Sabiex din il-Mistoqsija tiġi mwieġba b’mod sħiħ, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tispeċifika sa liema data qed titlob l-informazzjoni. Qed ngħid dan għaliex, kif l-Onorevoli Interpellant ċertament taf, ix-xiri ta’ servizzi u prodotti jvarja minn ġurnata għal oħra.

Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni għad-differenza fl-informazzjoni mogħtija fir-risposti ta' mistoqsijiet parlamentari 11762 u 11719 għar-rigward ta' San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-proġett tal-bandli ta’ Thalassalejn ma kienx imniżżel fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11719, li kienet tikkonsisti fl-informazzjoni għal Memo 24/2014, peress li sa dak iż-żmien kien għad ma hemmx applikazzjoni pendenti mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Infurmat mill-Kunsill Lokali li l-istess Kunsill ssottometta l-applikazzjoni biex jitkompla l-proġett wara dak iż-żmien. Dan però twaqqaf wara oġġezzjoni mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabiltà.

Il-Ħamrun – Triq San Ġorġ Preca – Pelican Zebra Crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li tissewwa u tinxtegħel il-pelican zebra crossing li tinsab fin-naħa ta’ isfel ta’ Triq San Ġorġ Preca, il-Ħamrun, peress li mhijiex taħdem u l-arblu tal-pelican beacon ilu mal-art għal diversi ġimgħat b’detriment għal kull min jgħaddi minn fuq il-bankina u għall-istudenti kollha li jużaw din iż-zebra crossing?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, eżiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — reklamar fuq media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi l-informazzjoni miġbura s’issa għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 11974 fuq il-Mejda tal-Kamra. Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif tingħatali l-bqija tal-informazzjoni mitluba, nqiegħed dina l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL3963 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 215 tat-Tlieta, 2 ta' Diċembru 2014)

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — żjarat uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamel minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm ili nservi bħala Ministru, m’għamilt l-ebda żjara uffiċjali. Irrid ngħid li, bħala Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali attendejt għall-laqgħat tal- Kunsill tal-Ministri li saru barra l-pajjiż fis-segwenti dati: DATAPOSTSKOP TAŻ-ŻJARA 04.06.2014 – 07.06.2014Lussemburgu2497th Meeting of Coreper (Justice and Home Affairs) 08.07.2014 – 09.07.2014MilanJustice & Home Affairs Informal Ministerial Meeting 23.09.2014 – 25.09.2014TurinInformal Meeting of EYCS Culture Ministers 09.10.2014 – 11.10.2014LussemburguCouncil Meeting Formal (Justice and Home Affairs)

Heritage Malta – Call for applications

Question

Peress li f’Awwissu li għadda, Heritage Malta ħarġet call for applications għal numru ta’ pożizzjonijiet interni, jista’ l-Ministru jikkonferma li kien hemm xi individwi li ġew imsejħa għall-interview, waqt li l-interview ġew mgħarrfa li mhux eliġibbli? Jista’ jikkonferma li l-proċess ta’ vetting (fejn tidħol l-eliġibilità) kien maqbuż u injorat? Jista’ jikkonferma li xi membri tal-interviewing boards ma kellhomx esperjenza fil-qasam tal-wirt kulturali u kellhom joqogħdu biss fuq l-esperjenza u d-direzzjoni taċ-chairperson? Jista’ jikkonferma li dawn l-external interviewers ma ngħatawx briefing fuq Heritage Malta u l-vakanzi kkonċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li waqt l-interviews għal pożizzjonijiet interni kien hemm każ fejn l-applikant ġie nfurmat li ma kienx eliġibbli, u dan minħabba li l-applikazzjoni ma kinetx ċara u l-applikant ingħata opportunità jispjega l-pożizzjoni tiegħu u kkonferma li kien ħa żball. F’każ ieħor saret interpretazzjoni teknika żbaljata fil-vetting, mhux għax il-vetting gie maqbuż. Il-membri tal-interviewing boards intgħazlu skont il-proċeduri stabbiliti. L-external reviewers ġew ipprovduti bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jevalwaw u jiddeċiedu skont il-każ.

Heritage Malta – nisa fit-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu n-numru ta’ nisa li qegħdin fit-tmexxija ta’ Heritage Malta? Jista’ jispjega liema huma l-gradi li Heritage Malta tqis li huma ta’ tmexxija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li hemm sebgħa uffiċjali nisa fi gradi ta’ tmexxija. Il-gradi ta’ tmexxija ta’ Heritage Malta jinkludu managers u senior curators li jiffurmaw parti mit-tim tal-immaniġġar.

Heritage Malta – top management — trasport

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li avolja t-top management ta’ Heritage Malta jingħata t-transport allowance, xorta qed juża l-mezzi tat-trasport tal-aġenzija? Jista’ jikkonferma li kien hemm xi drabi li matul ix-xhur li għaddew fejn xogħol importanti relatat dirett mas-siti, l-mużewijiet u esebizzjonijiet kellu jiġu pospost minħabba li ma kienx hemm trasport tal-Aġenzija disponibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li t-top management ta’ Heritage Malta juża l-mezzi ta’ transport tal-aġenzija biss għal postijiet fejn wieħed diffiċli jsib jipparkja (eż. il-Belt Valletta) sabiex jiġi evitat ħafna telf ta’ ħin bla bżonn, u dan jiġi mlaqqa’ ma’ xogħol ieħor tal-aġenzija. Madanakollu dan isir biss waqt il-ħin normali tax-xogħol u meta t-trasport ikun disponibbli. Meta t-trasport ma jkunx disponibbli, kulħadd juża l-mezzi ta’ trasport tiegħu. Ma ninsab mgħarraf bl-ebda okkażjoni meta xogħol tal-agenzija ġie pospost minħabba nuqqas ta’ trasport.

Heritage Malta – sejħiet – riżultati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati kollha uffiċjali minn Jannar 2014 sal-lum rigward sejħiet għal diversi posts li saru f’Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant japprezza li hemm kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data li ma jippermettulix nippubblika ismijiet u riżultati kif mitlub. Madanakollu jekk l-Onor. Interpellant għandu xi domandi x’jagħmel dwar proċessi u posts partikolari jien inkun dispost li nieħu parir mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u skont dak il-parir ngħaddi l-informazzjoni kollha meħtieġa, anke jekk hemm bżonn privatament.

Tariffi għax-xhieda

Question

B’referenza għall-Kap 108 tal-Liġijiet ta’ Malta li jirregola l-ħlasijiet li jistgħu jiġu mitluba minn min jittella’ bħala xhud f’xi kawża l-Qorti, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din il-liġi tiġi aġġornata għar-realtajiet tal-lum fejn, pereżempju, skont it-tariffa annessa ma’ din il-liġi, mara li tkun xhud hi intitolata biss għal 23 ċenteżmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern hu miftuħ li jikkonsidra kull proposta li twassal għall-amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja.

Dipartiment tal-Gvern Lokali – memos lil Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memos li nħarġu mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u li ntbagħtu lill-Kunsilli Lokali minn Jannar 2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li l-informazzjoni mitluba f’din il-mistoqsija parlamentari diġà tinsab fid-dominju pubbliku. Ninforma lill-Onor. Interpellant li jista’ jaċċessa l-Memoranda kollha tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, mill-1994 sal-lum, minn fuq il-portal elettroniku tal-istess Dipartiment. Qed ngħid dan mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn l-Onor. Interpellant li huwa fid-dover li jaqdi dmiru inkluż billi jsaqsi d-domandi parlamentari iżda għaliex il-kompilazzjoni tat-tali memos tirrikjedi ħafna ħin mawali li ma jgħamilx sens li jiġi utilizzat b’dan il-mod meta wieħed iqis: 1.L-ammont enormi ta’ xogħol li hemm fid-dipartiment. 2.Il-fatt li l-memos kollha qiegħdin online u allura wieħed jista’ jaċċedi għalihom bl-ikbar faċilità.