Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta persuna tirreġistra għax-xogħol tkunx eliġibbli għal pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna mhix prekluża milli tirreġistra waqt li tkun qed tirċievi Pensjoni għal Min Jirtira jew xi pensjoni għar-Romol, iżda hija prekluża li persuna tirreġistra waqt li tkun qed tirċievi xi pensjoni għal Invalidita'.
Peress li jidher li se jkun hemm slum clearance fl-area ta' Santa Liena, Bormla, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-djar li se jkunu nvoluti għax hemm preokkupazzjoni fost ir-residenti dwar min minnhom se jintlaqat? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' l-istess proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-familji affettwati mill-proġett kollha jafu bil-ħsieb tal-Gvern billi qabel saru l-pjanti tal-proġett u tkejjel il-bini kollu affettwat. L-indirizzi affettwati huma dawn:
Hanover Hill, 1-9
Hanover Street, 13-25
Irish Street, 26-38
St Helen Street, 38-45
St Mark Street, 32-42
Eagle Street, 25-32
Billi l-proġett għadu qed jistenna l-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma nħossx li jkun prudenti li jitpoġġew il-kopji tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra f'dan l-istadju.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16912, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm ittri maqbuda mhux għand Posta Ltd imma għand il-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hemm ebda ittri maqbuda għand il-Ministeru, dipartiment u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ħlief għal 70 ittra tad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali li hemm bżonn li jkunu reġistrati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-ditta Borg Bros ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum, inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartiment, korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inbediex ix-xogħol fuq il-proġett ta' l-Awtorita' tad-Djar fil-Birgu, Bormla, Fgura, Kirkop, Msida, Pembroke u Zabbar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Karma l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol fuq proġetti ta' l-Awtorita' tad-Djar f'Birżebbuġa, Bormla, Buġibba, Iklin, Kirkop, Mosta, Imsida, Mtarfa, Naxxar, Paola, Pembroke, Qawra, San Gwann, Sta. Lucia, Ta' Giorni, Tarxien, Valletta, Qala u Xewkija Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika x'tip ta' proprjeta' kienet il-proprjeta li l-Awtorita' tad-Djar ħarġet għall-bejgħ permezz tad-Dipartiment ta' l-Art, detto che ma kenitx residenzjali, u taħt liema kriterji din ġiet mibjugħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-proprjeta' li ma hiex residenzjali nħarġet għall-bejgħ b'tender wara sejħa pubblika.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet ntavolati taħt l-Iskema "U" u cioe' xiri ta' proprjeta' privata mill-Awtorita' tad-Djar? Kemm kien hemm applikazzjonijiet ġodda għall-perijodu 1/10/99 - Ġunju 2000? Jista' jgħid min huma l-persuni mpoġġija fuq il-panel mwaqqaf bl-iskop li jiġu verifikati l-istess applikazzjonijiet? Jista' jgħid kemm ġew milqugħa u kemm le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ipporeċċessar taħt l-iskema U ġie konluż. Bejn dan il-perjodu ma daħlu l-ebda applikazzjoni peress li din is-sejħa kienet miftuħa bejn il-5 ta' April u s-7 ta' Mejju 1999.
Il-Panel u magħmul minn dawn il-persuni:-
Il-Perit Anton Valentino għan-non ta' l-Awtorita' tad-Djar;
Is-Sur Victor Sciberras Grioli għan-non ta' l-Awtorita tad-Djar;
Il-Perit David Pace nominat mill-Ministru responsabbli għad-Djar;
Is-Sur Claude Marguerat rappresentant tad-Direttur tal-Kuntratti u Is-Sur Frans Attard rappresentant tal-Ministeru tal-Finanzi.
L-Awtorita' tad-Djar laħqet ftehim fuq il-prezz ma' sid wieħed. S'issa għadu ma ġie ffirmat l-ebda ftehim.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw taħt l-iskema "T" għall-perijodu 1/10/99 - Ġunju 2000? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa? Jista' jagħti l-lokalita' minfejn l-applikati jemanaw? Kemm minn dawn saru mis-sid? Kemm minnhom ġie dikjarat li x-xogħlijiet se jsiru mill-inkwilin prospettiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li sal-lum intavalaw talba taħt l-Iskema "R" għall-perijodu 1/10/99-Ġunju 2000? Jista' jindika l-konċentrazzjoni minn fejn dawn l-applikanti jemanaw? Minn min kienu li ntlaqgħu u kemm ġew rifjutati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kien hemm 118 il-applikazjoni taħt l-Iskem R, li minnhom 21 kien invalidi, 49 qed jiġu pproċessati u 48 ġew approvati. L-applikazzjonijiet saru minn persuni residenti f'diversi nħawi different ta' Malta u Għawdex u ma jidhirx li hemm xi konċentrazzjoni partikolari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qed tiswa lill-gvern it-tmexxija tad-Detox f'dak li għandu x'jaqsam mediċini bħall-metadone matul sena waħda? Kemm intnefaq sa issa din is-sena u fuq liema mediċini intnefqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 1999, in-nefqa fuq mediċini għaċ-Ċentru Detox, kienet ta' Lm3,343.96. Din il-figura ma tinkludix il-Methadone, billi dan jinġieb mid-Dipartiment tas-Saħħa.
In-nefqa mill-bidu ta' din is-sena s'issa, kienet ta' Lm514.86.
Il-mediċini huma: Octreotide Injections, Naltrexone Tablets, Clonedine Tablets, Effortil Tablets u Dormicom Tablets.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija reġistrata bħala dipendenti fuq l-alkoħol? Kemm minnhom huma nisa? Kemm-il persuna marret għall-kura għall-ewwel darba din is-sena? Liema hi l-iżgħar u l-akbar eta' ta' persuni li qed jiġu kkurati għall-alkoħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma jeżistix reġistru ta' persuni dipendenti fuq l-alkoħol.
Matul din is-sena, 78 persuna ġew riferuti lis-Servizzi ta' l-Alkoħol ta' l-Aġenzija Sedqa. L-akbar persuna kellha 78 sena u l-iżgħar waħda kellha 12-il sena, għalkemm il-każ ta' l-aħħar kien wieħed ta' abbuż u mhux ta' dipendenza.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tad-Djar għandhiex xi skema għall-irranġar ta' postijiet li jkun tal-Joint Office?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt l-Iskema 5 - Sussidju Fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Li Huma Okkupati minn Inkwilini jew Ċenswalisti, residenti ta' postijiet amministrati mill-Joint Office jistgħu jikkwalifikaw biex japplikaw għal xogħolijiet ta' irranġar u titjib.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif lill-Kamra fuq x'tip ta' eżerċizzju qed jagħmlu l-konsulenti Irlandiżi FAS bħalissa fl-ETC?
Kemm ilu għaddej dan l-eżerċizzju, liema oqsma ta' l-ETC qed jinvolvi, x'tip ta' konsultazzjonijiet qed isiru ma' l-istaff ta' l-ETC u meta se jiġi konkluż dan l-eżerċizzju?
Il-FAS qed jingħataw wkoll ir-responsabbilta' li joħorġu bi proposti għal struttura organizzattiva ġdida fil-korporazzjoni? Jista' jgħid jekk dan l-eżerċizzju hux lest u jagħti tagħrif dwaru?
F'każ li dan l-eżerċizzju għadu mhux lest, jista' jispjega kif ħarġet sejħa għal mili ta' post ta' konsulent għall-ippjanar u l-iżvilupp fil-korporazzjoni? Xi proċeduri ntużaw biex timtela' din il-vakanza u jekk hux se jkun hemm vakanzi oħra qabel ma jitlesta r-rapport tal-FAS?
Ma jaħsibx li jkun aħjar li l-ewwel jitlesta r-rapport u mbagħad jiġu mimlija l-vakanzi l-ġodda u mhux viċe versa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt bil-miktub għal Mistoqsija Numru W160.
L-eżerċizzju nbeda fi Frar 2000 u l-membri ta' l-istaff minn 'executives' 'l fuq ġew konsultati. Hi ħaġa naturali li din ir-reviżjoni fl-operat ta' l-ETC jista' jinkludi proposti għal tibdil fl-istruttura organiżżattiva. Ir-rapport finali tal-konsulenti Irlandiżi huwa mistenni sa l-aħħar ta' Lulju. Kien hemm aktar minn kariga waħda li għaliha saret sejħa għall-applikazzjonijiet interni u wara esterni skond kif jitlob il-ftehim kollettiv. Fil-każijiet kollha intalab il-parir tal-konsulenti Irlandiżi. Il-kariga li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant imtliet propju biex l-ETC ikollha persuna oħra kompetenti fit-tfassil ta' inizjattivi ta' mpjiegi u taħriġ u l-kitba ta' 'business plans'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru under separate cover, u ilu joqgħod fil-fond indikat għal aktar minn 20 sena, jistax jixtri dan il-fond?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar hija informata li dan il-post hu fil-pussess tal-Gvern b'titolu ta' pussess u użu. Għaldaqstant it-talba għax-xiri tal-fond ma tkunx tista' tintlaqa'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandha karozzi mikrija l-ETC, min jużahom u, kemm swew lill-ETC din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ETC għandha disa (9) karozzi mikrija. Dawn il-karozzi jintużaw kif ġej:
Tlieta (3) mit-taqsima tax-xogħol (Employment Services Division)
Tnejn (2) mit-taqsima tat-taħriġ (Training Services Division)
Waħda (1) mit-taqsima ta' l-amministrazzjoni
Tlieta (3) mit-taqsima ta' l-ispettorat
Bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena, il-kiri ta' dawn il-karozzi sewa Lm7,127.38.
Peress li l-iskema dwar l-istallazzjoni tal-lifts fl-appartamenti tal-gvern fil-Kottonera, il-Belt u l-Furjana damet ma ġiet fis-seħħ, tista' l-Awtorita' tad-Djar tagħti prijorita' lill-appartamenti fejn hemm: (i) anzjani ta' 'l fuq minn 80 sena fis-sulari ta' fuq; u (ii) każijiet ta' persuni b'diffikultajiet serji ta' mobilita' billi x-xogħlijiet jinbdew fihom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar qed tipprepara l-pjanti neċessarji ta' dawk il-blokki kollha fejn jista' jiġi installat il-lift f'dawn il-lokalitajiet. Kif dawn jiġu finalizzati, isir l-applikazzjoni neċessarji mall-Awtorita' tal-Ippjanar. S'issa l-Awtorita' tad-Djar diġa issottomettiet applikazzjonijiet għall-postijiet fil-Furjana. Meta jinħareġ il-permess neċessarju mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, l-Awtorita' tad-Djar ser timxi skond il-kondizzjonijiet ta' l-Iskema għall-Installar tal-lifts u ser tingħata l-ewwel preferenza lil dawk il-blokki/entraturi fejn jkun hemm xi persuna/persuni b'diżabilita' u jkollu/jkollhom problemi ta' mobilita'.
Jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħid tistax l-Awtorita' tad-Djar tqis il-kondizzjoni tal-appartament qabel ma tfassal ir-rati tal-kera ta' l-appartamenti tal-gvern diġa' okkupati?
Tista' tingħata konsiderazzjoni lill-istat infrastrutturali tal-post kif ukoll in-numru ta' taraġ u spejjeż li jkunu saru mill-inkwilin fl-aħħar snin qabel ma tiġi maħduma l-kera tal-fond?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kera ssussidjata ta' postijiet tal-Gvern hi regolata minn notifikazzjonijiet tal-Gvern numri 202 u 523 tat-13 ta' April 1987 u tas-7 ta' Lulju 1998.
Biss is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi kkonsidrat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta r-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Kera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif kont spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15826, il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera waslet fl-aħħar fażi biex tispiċċa x-xogħol tagħha. Fil-fatt, iċ-Chairman ta' din il-Kummissjoni nfurmani wkoll li l-abbozz tar-rapport finali huwa lest u li jonqos biss huwa li dan ir-rapport ikun approvat mill-Kummissjoni u jkun preżentat lill-Gvern. Irrid ngħid li jien qed nistenna bil-ħerqa dan ir-rapport minħabba l-importanza tiegħu.