Billi kemm il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura kif ukoll id-Deputat Prim Ministru wieġbu li l-Ministeru tagħhom mhux responsabbli għal dak li jikkonċerna l-Public Private Partnerships (PPP) (ukoll fejn jidħlu t-toroq ta' pajjiżna), jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min qed imexxi 'l quddiem il-politika dwar il-PPP għat-toroq ta' pajjiżna? Min hu politikament responsabbli għal dan il-qasam u x'sar s’issa, matul din is-sena, biex jiġi assigurat li fil-fatt ikunu jistgħu jsiru xi proġetti ta' toroq permezz tal-PPP? Fejn wasal s’issa, it-tfassil tal-policy li se tiġi applikata f'dan ir-rigward? Meta hu mistenni li jinbeda l-proċess ta' tendering dwar dan il-proġett?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li Projects Malta Ltd intalbet taħdem fuq proposti li jħarsu lejn kunċetti differenti ta’ PPPs.
Billi fid-diskors tal-budget saret referenza għall-kostruzzjoni ta' żewġ carparks taħt is-sistema tal-Public Private Partnerships (PPP), wieħed fil-Mosta u l-ieħor f'Wied il-Għajn, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk s’issa sarux il-pjanti għal dawn iż-żewġ carparks, u jekk instabux partners li lesti jipparteċipaw fil-proċess tal-PPP f'dan il-qasam? Jekk iva, min huma dawn il-partners?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Projects Malta Ltd li f’dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja b’ħidma fuq numru ta’ car parks ġodda, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Saru numru ta’ studji dwar il-ħolqien ta’ parkeġġ ġdid fil-Mosta. Kif jintemmu dawn l-istudji, Projects Malta se tkun qed tiltaqa’ ma’ stakeholders differenti.
Dwar il-ħolqien ta’ parkeġġ ġdid f’Marsaskala ġejt infurmat li bħalissa għaddejjin l-istudji biex jiġi identifikat is-sit idejali għal dan il-proġett. L-istudji għandhom jintemmu fil-ġimgħat li ġejjin.
San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – interventi fit-toroq
Question
Minkejja l-fatt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha lista twila ħafna ta' interventi li saru minnha fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar, fejn bosta mill-interventi ħallew warajhom ħsarat fit-toroq fejn saru u li baqgħu qatt ma ssewwew sew, jista' l-Prim Ministru jassigura li kull waħda mill-inħawi li fihom sar ix-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-fatt tiġi spezzjonata, biex jiġi assigurat li l-ħsara li hemm tiġi msewwija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandha l-ebda rapporti uffiċjali li x-xogħlijiet li saru hemm xi ħsara fihom. Ikun għalhekk apprezzat jekk tintbagħat lista ta’ fejn qed jingħad li hemm il-ħsarat ħalli dawn jiġu spezzjonati u jkun stabbilit jekk dawn ix-xogħlijiet sarux mill-Korporazzjoni jew le.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26535 u jgħid x'passi qegħdin jittieħdu mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġu protetti l-Pumping Station tan-No. 1 Dock u anke xi Overhead Cranes antiki li hemm f'xi mħażen, issa li l-post ingħata lill-privat?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'rimedji jeżistu għal dik il-familja li tinsab fil-faqar u m’għandhiex il-mezzi finanzjarji biex iddawwar il-meter tad-dawl minn fuq is-sid tal-post li jinsab mikri lilha sabiex tieħu l-benefiċċju tad-dawl u l-ilma?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata iktar tard
Jista’ l-Prim Ministru jara li fit-toroq kollha tal-Magħtab ikun hemm dawl adegwat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li Enemalta plc ma ntalbitx tapprova jew tagħti l-provvista lil bozoz ġodda fit-toroq imsemmija.
L-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ bozoz ġodda f’toroq u postijiet pubbliċi oħrajn m’hijiex responsabilità ta’Enemalta plc, peress li xi snin ilu dawn is-servizzi iżda għaddew f’idejn il-kunsilli lokali u għadd ta’entitajiet governattivi oħrajn.
Meta dawn l-entitajiet jiddeċiedu li jwaħħlu bozoz ġodda f’postijiet pubbliċi skont it-termini tekniċi u r-regolamenti applikabbli, Enemalta plc tircievi l-Applikazzjoni STL mingħand l-istess entitajiet biex it-tekniċi tagħha jqabbdu dawn l-installazzjonijiet mas-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku dedikata għad-dwal tat-toroq.
Water Services Corporation – konnessjoni tad-drenaġġ
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26245, billi fir-risposta hemm referenza għal disa’ postijiet li fihom saret il-koordinazzjoni neċessarja mal-Water Services Corporation (WSC), jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk allura dan ifissirx li fil-postijiet l-oħra fejn saru konnessjonijiet tad-drenaġġ, fil-fatt il-WSC ma kenitx infurmata li ser isir ix-xogħol, u għalhekk min għamel ix-xogħol ma kkordinax mal-WSC? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar kif il-WSC tkun taf li f'xi post partikulari jkun ser isir xogħol ta' konnessjonijiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ewwel paragrafu tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26446 (sitta u għoxrin elf, erba’ mija, sitta u erbgħin).
Water Services Corporation – xogħlijiet biex tinfirex is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-xogħlijiet li mistennija jsiru mill-Water Services Corporation biex il-korporazzjoni “tifrex is-sistema ta' distribuzzjoni ta' dan l-ilma”? Fejn mistenni li jinfirex dan l-ilma u fiex waslu l-preparamenti biex jinkisbu finanzi mill-Unjoni Ewropea?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li x-xogħlijiet ippjanati huma fil-lokalitajiet li ġejjin:
Għawdex -
Networks
fis-Sannat, fil-limiti tax-Xagħra u limiti ta’ Kerċem
North - Networks fil-Miżieb, fil-Pwales u parti minn Binġemma
South - L-istess firxa li qegħdha tiġi servuta bil-kanali preżenti.
Rigward il-possibilità ta’ użu ta’ fondi Ewropej, bħalissa qed tiġi ppreparata d-dokumentazzjoni neċessarja relatata mal-applikazzjoni għal dawn il-fondi.
Konkatidral ta’ San Ġwann — ħwienet - post alternattiv
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid għalfejn erba’ ħwienet fil-Belt li jinsabu fil-binja li tagħmel parti mill-Konkatidral ta' San Ġwann u li ntbagħtitilhom notifika ta' żgumbrament, ma ngħatawx post alternattiv fil-Belt? Jista' jgħid jekk kellux laqgħat mal-erba’ sidien ta’dawn il-ħwienet li jagħmlu parti mill-binja tal-Konkatidral ta' San Ġwann biex tinstab soluzzjoni għall-post alternattiv?
Konkatidral ta’ San Ġwann — Dipartiment tal-Artijiet - ħwienet - laqgħat
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa hu, jew is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Artijiet jew xi uffiċjal mid-Dipartiment tal-Artijiet kellu mas-sidien tal-ħwienet ħdejn il-Konkatidral ta' San Ġwann u li l-kirja tagħhom issa ntemmet mid-Dipartiment tal-Artijiet? Meta saru dawn il-laqgħat? X'kien l-eżitu ta' dawn il-laqgħat?
Konkatidral ta’ San Ġwann — Dipartiment tal-Artijiet – ħwienet - temm ta’ kirja
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti d-data meta ttieħdet id-deċiżjoni mid-Dipartiment tal-Artijiet li jtemm il-kirjiet tal-ħwienet ħdejn il-Konkatidral ta' San Ġwann?
Konkatidral ta’ San Ġwann – Dipartiment tal-Artijiet – ħwienet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema alternattivi ġew proposti mid-Dipartiment tal-Artijiet lis-sidien tal-ħwienet ħdejn il-Konkatidral ta' San Ġwann u li issa l-kirja tagħhom ġiet terminata? Meta ġew ikkomunikati lilhom dawn l-alternattivi?
Jista’ l-Prim Ministru jara l-każ ta’ kanna tal-ilma ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li nvestigat il-każ. Is-servizz tal-ilma mgħoddi f’din it-trejqa huwa esklussivament għall-propjetà msemmija. Main ġdid tal-ilma normalment jiġi nstallat biex iservi triq sħiħa.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – refund – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Prim Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward refund mingħand il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-persuna msemmija m’għandha tieħu l-ebda refund mill-istess korporazzjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jieħu azzjoni sabiex isir xogħol fuq leak tad-drenaġġ li issa ilu għaddej fi Triq JF Marks, San Ġwann?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex informazzjoni dwar xi leak pendenti fit-triq imsemmija. Iktar informazzjoni hija mitluba sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa.
San Ġwann – Triq il-Fuxa u Triq Gaċiniti – xogħol fuq leak tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Prim Ministru jieħu azzjoni sabiex isir xogħol fuq leak tad-drenaġġ li issa ilu jnixxi fit-triq bejn Triq il-Fuxa u Triq il-Ġjaċiniti, San Ġwann?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma jirriżultalhiex li hemm problema pendenti ta’ drenaġġ fit-toroq imsemmija. Iktar informazzjoni hija mitluba sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa.
Ilma ħiereġ fil-baħar fl-inħawi tal-pjazza ta’ Buġibba
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema investigazzjonijiet għamlet il-Water Services Corporation (WSC) minħabba ilma li deher ħiereġ fil-baħar, fl-inħawi tal-pjazza ta’ Buġibba? X’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet/investigazzjonijiet li seħħew, jekk seħħew? Meta saru l-investigazzjonijiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-ilma li kien ħiereġ fil-baħar fl-inħawi tal-pjazza ta’ Buġibba, irriżulta li kien ikkawżat minn ħsara fuq is-sistema tal-ilma. Din il-ħsara ġiet irranġata.
Billi fl-inħawi tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar qed ikun hemm riħa qawwija ta' drenaġġ, li qiegħda tkun ta' inkonvenjent kemm għal dawk li jgħaddu mill-inħawi, u iktar u iktar għal dawk li joqogħdu fl-istess area, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fl-inħawi irriżultax xi leak tad-drenaġġ, u jekk sarux investigazzjonijiet? Jekk ma sarux investigazzjonijiet, jista' permezz tal-Water Services Corporation (WSC) jagħmel l-investigazzjoni neċessarja, biex dawn l-inkonvenjenti jinqatgħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26507 (sitta u għoxrin elf, ħames mija u sebgħa).
Jista’ l-Prim Ministru jinvestiga jekk fis-26 ta’ Ġunju, kienx hemm ħruġ ta' drenaġġ taħt il-pjazza ta' Buġibba li mar fil-baħar? Jekk iva, minn fejn oriġina u x'passi ttieħdu biex ma jibqax niżel?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korprazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li ma rċeviet l-ebda rapport li l-Ħadd 26 ta’ Ġunju ħareġ id-drenaġġ fil-pjazza ta’ Buġibba. Il-Korporazzjoni tieħu ħsieb li regolarment kull nhar ta’ Ħadd tmur tiċċekkja u tnaddaf is-sistema tad-drenaġġ fil-pjazza biex jiġi evitat xi blockage mix-xaħmijiet li jistgħu jiġu mormija ġos-sistema.