Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4167 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Barriera ta' Wied il-Għomor

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsiderazzjoni qegħda tagħti l-Awtorita' ta' l-Ippjanar lill-fatt li l-estensjoni proposta tal-barriera ta' Wied il-Għomor tista' tkun ta' periklu għar-residenti ta' Victoria Gardens, Ta' l-Ibraġġ, Tas-Swieqi u ta' San Gwann?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bħalissa għandha quddiema applikazzjoni minn sid il-barriera sabiex jestendi l-istess barriera fid-direzzjoni ta' Victorita Gardens. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-Awtorita' wara li s-sid kien twaqqaf mill-istess Awtorita' milli jestendi l-barriera llegalment. L-applikazzjoni (PA 6163/97) hija suġġetta għall-Environment Impact Assessment (EIA) li qiegħed jiġi ppreparat minn konsulenti ndipendenti. It-terms of reference għall-EIA jinkludu, fost affarijiet oħra, l-impatt soċjali tal-barriera. Qabel ma' jiġi konkluż l-EIA għas-sodisfazzjon ta' l-Awtorita' u tad-Dipartiment ta' l-Ambjent, din l-applikazzjoni ma tistax tkompli tiġi pproċessata. Sadanittant is-sid jista' jopera fil-parti tal-barriera koperta bil-liċenzja viġenti tal-pulizija. 03.02.99
Leg 9 PQ #4185 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Protezzjoni liċ-ċittadini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3953, jista' l-Ministru jagħti spjega ta' x'inhuma d-diversi raġunijiet u għaliex ma jistgħux isiru arraġamenti sempliċi ma'l-indivdwi konċernati biex il-pulizija on duty fuq fixed points għal sigħat twal ikun jista' jagħmel użu minn faċilitajiet sanitarji?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 3780, Numru 3952, u Numru 3953, dwar dan is-suġġett. 03.02.99
Leg 9 PQ #3706 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Casino Notabile

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'użu għandu l-Casino Notabile tar-Rabat fil-mument? Għal-liema skop intuża dan il-post/bini matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jikkunsidra li jipprovdi dan il-bini għall-użu ta' inizjattivi ġodda sabiex jintegraw il-persuni b'diżabilita' fis-soċjeta tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-użu tal-fond Casino Notabile fir-Rabat hu kif ġej : - * Sa l-1994 kien użat mis-Soċjeta' Casino Notabile * Bejn l-1995 u l-1996, il-fond kien f'idejn id-Dipartiment ta' l-Artijiet, ħlief għal ftit xhur meta kien użat mill-N.T.O.M * F'Ottubru ta' l-1996 il-fond kien ġie mikri lid-Dipartiment għall-Anzjani biex jintuża għal skop ta' rikreazzjoni (Day Care Centre). Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3705 f'Seduta 58. 02.02.99
Leg 9 PQ #3820 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Twelid ta' tfal of unknown father

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal of "unknown father" sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown ta' l-etajiet ta' l-ommijiet in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-istatistika ta' t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant tinġabar u tiġi ppublikata mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika u mhux mir-Reġistru Pubbliku. 02.02.99
Leg 9 PQ #4033 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Clamping/towing ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet kklampjata u/jew ittowjata mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Kemm ġabar flus il-gvern minn l-imsemmija kontravenzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn is-7 ta' Settembru, 1998, u l-31 ta' Diċembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew ikklampjati u ta' dawk li ġew ittowjati kien ta' 90 u 914 rispettivament. L-ammont li tħallas rigward dawn il-kontravenzjonijiet kien ta' Lm44,059. 02.02.99
Leg 9 PQ #4095 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Probation Officers — Warrants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li għandhom warrant ta' probation officer qed jaħdmu ma' criminal offenders fil-komunita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni appuntati bħala Probation Officers u li qed jagħmlu dan ix-xogħol hu ta' 5. Ninsab infurmat ukoll li ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet li għalqet fil-15 ta' Jannar, 1999, għall-Probation Officers u Trainee Probation Officers u li issa qed tiġi pproċessata. 02.02.99
Leg 9 PQ #4136 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Bormla - Triq San Gorg

Question

Jista' l-Ministru jara li plot fi Triq San Gorg, Bormla, wara l-Kunsill Lokali ta' Bormla, jittella' ħajt mal-madwar sabiex jinqata' kull abbuż li qed isir peress li din il-plot spiċċat miżbla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sit in kwestjoni huwa kopert minn permess PA 3434/98 għall-bini ta' Crisis Intervention Centre fuq talba tal-Caritas u li ġie approvat fl-1 ta' Ottubru, 1998. Il-permess imsemmi jispeċifika li l-Caritas huwa fid-dmir li jdawwru s-sit b'ċint biex jiġi evitat kull periklu waqt il-kostruzzjoni. Il-Caritas qed jiġu nfurmati biex josservaw il-kundizzjonijiet tal-permess kif approvat. 02.02.99
Leg 9 PQ #4172 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jinsabu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li huma taħt it-30 sena? Kemm minnhom huma Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fit-28 ta' Jannar, 1999, in-numru ta' priġunieri taħt it-30 sena li kienu jinsabu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 121, li minnhom, 91 kienu Maltin. 02.02.99
Leg 9 PQ #4173 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' stqaff li jaħdmu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jista' jagħti din l-informazzjoni skond il-grad jew ix-xogħol tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' l-istaff li preżentement jaħdem fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin hu ta' 216 u huma mqassma kif ġej : - GRAD NUMRU ---- ----- Direttur 1 Prinċipal 1 Clerks 3 Psikoloġista 1 Uffiċjal Mediku 1 Assistant Managers 3 Correctional Supervisors 4 Senior Correctional Officers 10 Correctional Officers 158 Registered Social Workers I 3 Teachers 2 Sorijiet 2 Patri 1 General Hand 1 Surġenti tal-Pulizija 4 Pulizija 21 TOTAL 216 02.02.99
Leg 9 PQ #4174 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Proprjetajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjeta' ta' bini li għal xi raġuni jew oħra l-gvern ħa, jew se jieħu l-proprjeta' f'idejh minn Settembru, 1998 sal-lum? Jekk kien hemm każi fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid każ b'każ ħadux kumpens, u kemm fejn kienu u min kien jabita fil-proprjeta'?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellanti qiegħda tirreferi għall-proprjeta' mibnija li kienet diġa' dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku, imma ġiet fiżikament meħuda minn Settembru 1998 sa llum, ninsab infurmat li l-pussess attwali ma jsirx mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, imma mill-Ministeru jew mid-Dipartiment li jkun għamel it-talb għall-esproprjazzjoni. Jekk l-Onorevoli Interpellanti qiegħda tirreferi għall-proprjeta' mibnija li ġiet dikjarata esproprjata għal skop pubbliku minn Settembru, 1998 sa llum, ninsab infurmat li ma kien hemm ebda dikjarazzjoni f'dan is-sens. Hemm talba għall-esproprjazzjoni ta' blokk biex jitkompla is-Slum Clearance ta' l-Imsida. Din it-talba qegħda tiġi proċessata. Ninsab infurmat ukoll li fiż-żewġ każijiet ma sar ebda ħlas bħala kumpens. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li d-Dipartiment konċernat biex jistabilixxi n-numru ta' nies li jabitaw f'tali proprjeta', u dan għal skop li tiġi provduta akkomodazzjoni alternattiva, ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru ta' l-Intern. 02.02.99
Leg 9 PQ #4178 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Xgħajra - Għassa

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-għassa tax-Xgħajra qed tkun magħluqa regolarment, tant li dan il-fatt qed ikompli jikkrea insigurta' b'mod partikolari lil anzjani residenti fix-Xgħajra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Għassa tax-Xgħajra qed tkun miftuħa regolarment. 02.02.99
Leg 9 PQ #4238 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Suq tal-Belt — Watchmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-suq tal-Belt jistax jerġa' jibda jkun hemm watchman b'mod regolari? Jista' jgħid ukoll jekk tistax tiġi studjata l-possibbilta' li madwar is-suq ikun hemm parking meters bħala inċentiv sabiex aktar nies jitħajru jużaw dan is-suq anke għal xirjiet kbar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul il-ħinijiet u l-ġranet li s-Suq tal-Belt ikun miftuħ, ikun hemm watchman. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru konċernat. 02.02.99
Leg 9 PQ #3297 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux riċevimenti jew ikliet mill-Ministeru tiegħu kif ukoll mis-Segretarju Parlamentari li jaqa' taħtu fl-okkażjoni tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-Sena? Jekk saru, meta saru? Fejn saru? Min ipprovda l-ikel u x-xorb? Kemm ġiet tiswa l-ispiża totali? Inġabru kwotazzjonjiet għall-imsemmija riċevimenti jew ikla? Jekk inġabru kwotazzjonijiet, mingħand min inġabru? Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?

Response (BORG, TONIO)

L-uniku riċeviment li sar mill-Ministru u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Intern kien ingħata fit-23 ta' Diċembru, 1998. Dan ir-riċeviment sar fil-Ministeru stess. L-ikel u x-xorb ġie pprovdut mill-Percius Caterers. L-ispiża totali kienet tammonta għal Lm647.45c. Intalbu żewġ kwotazzjonijiet: mingħand il-Papillon (RJC Caterers) u mingħand id-ditta hawn fuq imsemmija. Il-mistednin ta' dan ir-riċeviment kienu uffiċjali għolja ta' dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru, membri tal-Kumitati u Bordijiet Governattivi u rappreżentanti tal-Kunsilli. 01.02.99
Leg 9 PQ #3705 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Casino Notabile - Artisti b'diżabilita'

Question

Peress li n-numru ta' mużiċisti u artisti Rabtin jixtiequ li jiżviluppaw fil-Casino Notabile tar-Rabat "Mediterranean Charity Art Gallary" fejn jiġu esebiti xogħlijiet ta' artisti b'diżabilita' minn fost il-pajjiż tar-reġjun, jista' l-Ministru ġentilment jestendi l-użu ta' dan il-post għal dan il-għan nobbli? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Casino Notabile fir-Rabat kien ġie mikri lid-Dipartiment għall-Anzjani f'Ottubru 1996, biex jintuża għal skop ta' rikreazzjoni. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi s-suġġeriment tiegħu lill-Ministru konċernat. 01.02.99
Leg 9 PQ #3813 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

UE — Persuni jaħdmu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni minn pajjiżi li qegħdin ġewwa l-Unjoni Ewropea li għandhom permess jaħdmu f'Malta llum? Kemm hawn persuni minn pajjiżi li huma membri ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom resident permit illum? Kemm hawn persuni minn pajjiżi li qed jistennew li jidħlu li għandhom permess jaħdmu u jew jgħixu ġewwa pajjiżna llum? Kemm illum hawn applikazzjonijiet pendenti biex jaħdmu u biex jgħixu hawn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-lista ta' persuni barranin li kellhom liċenzja ta' impjieg (employment licence) biex jaħdmu f'pajjiżna, ippubblikata fl-4 ta' Jannar, 1999, kien hemm 812 -il persuna minn pajjiżi li jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea. Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija ninsab infurmat li : - In-numru ta' persuni li għandhom residence permit u li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea huwa 1,131 ; - Hemm 135 persuna - li ġejjin mill-ħdax -il pajjiż li bħalissa qed jaspiraw biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea - li qed jaħdmu jew jgħixu Malta bħala residenti permanenti ; u - In-numru globali ta' l-applikazzjonijiet pendenti u li qed jiġu pproċessati huwa madwar 820. 01.02.99
Leg 9 PQ #3814 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Persuni barranin — Permessi għal xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin li għandhom permess jgħixu Malta llum? Ta' liema nazzjonalita' huma? Kemm hawn persuni minn dawk hawn fuq imsemmija li għandhom il-permess jaħdmu ġewwa Malta? Kemm hemm minnhom li qed jistudjaw ġewwa pajjiżna? X'inhuma l-etajiet ta' dan il-persuni barranin li għandhom permess jaħdmu Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' barranin li qed jgħixu Malta bħala residenti permanenti (residence permit holders) huwa 1,739 u dawn ġejjin mill-pajjiżi li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-persuni ma jistgħux jaħdmu hawn Malta. Ma tinżammx statistika dwar kemm hu n-numru ta' persuni barranin li qed jgħixu u jistudjaw f'Malta. Ninsab infurmat ukoll li skond l-aħħar lista li ġiet ippublikata mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni, in-numru ta' barranin li għandhom permess biex jaħdmu Malta huwa 1,935. Ma tinżammx statistika dwar l-eta' ta' dawn il-persuni. 01.02.99
Leg 9 PQ #3815 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permess għal ftuħ ta'ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għal ftuħ ta' ħwienet ġodda fl-1998? F'liema lokalitajiet kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hi kif tidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 01.02.99
Leg 9 PQ #3816 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni llegali f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu u/jew jgħixu llegalment f'Malta s-sena li għaddiet? Kemm minnhom kienu ġejjin minn pajjiżi li huma membri ta' l-Unjoni Ewropea jew iridu jsiru membri? Minn fejn kienu l-oħrajn li nqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li nqabdu jaħdmu u/jew jgħixu llegalment f'Malta matul l-1998 kien ta' 463, u dawn kienu ġejjin mill-pajjiżi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 01.02.99
Leg 9 PQ #3970 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Il-qtil ta' Raymond Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni waslet għandu dwar il-każ tal-qtil ta' Raymond Caruana fil-Gudja? X'passi ħa l-Kummissarju? Lil min kellem dwar dan il-każ? Min intalab jixhed quddiem il-maġistrat inkwerenti?

Response (BORG, TONIO)

Ma waslitli l-ebda nformazzjoni dwar dan il-każ u għaldaqstant ma kienx hemm passi x'jieħu l-Kummissarju. Barra minn hekk, kif jaf kulħadd, dan il-każ huwa sub judice. 01.02.99
Leg 9 PQ #3971 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Pieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jinbidlu l-pieni għal min ikun akkużat u nstab ħati ta' produzzjoni ta' bombi li jkun ċert li l-iskop tagħhom ma jkunx intenzjonat għal skop ta' logħob ta' nar iżda anti personnel?

Response (BORG, TONIO)

Kif hija l-liġi llum, kull min jagħmel jew xjentement iżomm jew ikollu għandu jew taħt il-kontrol tiegħu xi sustanza esplossiva, taħt dawk iċ-ċirkostanzi illi jagħtu għaliex wieħed għandu bir-raġun jaħseb illi hu għamilha, żammha jew kienet għandu għal ħsieb mhux leċitu, jista' jeħel, sa disa' snin priġunerija. Barra minn hekk id-dispożizzjoni ta' l-Att ta' l-1957 dwar il-Probation ta' Ħatjin ma japplikawx. 01.02.99