Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport Pubbliku — Laqgħat mal-Arriva

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6161, jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar laqgħat kif miktub fid-domanda? Jista' jagħti tagħrif dwar x'kkonsultazzjonijiet mistennija jsiru mal-kunsilli lokali u x'perijodu ta' żmien hu mistenni jingħata għall-konsultazzjonijiet meħtieġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-laqgħat saru u għadhom isiru b’mod regolari. Il-konsultazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali mistennija jsiru bħalma diġà saru qabel.

Is-Swieqi – toroq imblukkati

Question

Peress li fis-Swieqi hemm diversi toroq li għad għandhom l-aċċess tagħhom imblukkat bħal Triq it-Terz, Triq l-Istasija, Triq tal-Franċiż u Triq il-Qasam u għalhekk qed jiżdied it-traffiku f’toroq oħra fil-lokal, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jaħdem biex isib soluzzjoni biex dawn it-toroq jinfetħu? Kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol, anke jekk hemm xi expropriation li jaf hemm bżonn li ssir (fejn applikabbli) kif bħala xogħol infrastrutturali? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-obbligu tal-iżviluppatur biex it-triq tkun żviluppata.

Is-Swieqi – bankini fi stat perikoluż

Question

Peress li fil-lokalità tas-Swieqi li fi tmiem il-ġimgħa tkun mimlija turisti kif ukoll Maltin li jmorru Paceville, hemm diversi bankini li huma fi stat perikoluż, barra l-fatt li l-maġġor parti tagħhom mhumiex aċċessibli għal persuni b’diżabilità, jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax jgħid lill-Kunsill Lokali tas-Swieqi jagħmel ix-xogħol neċessarju?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Is-Swieqi/San Ġwann – Triq il-Wied — xogħlijiet

Question

Peress illi it-Triq fil-Wied li tgħaqqad lis-Swieqi ma’ San Ġwann illum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala main road u peress illi fix-xhur li għaddew il-Kunsill Lokali tas-Swieqi flimkien mal-Kunsill ta' San Ġwann għamlu applikazzjoni konġunta ma’ Transport Malta biex din it-triq passeġġa titwessa’, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-applikazzjoni ġietx milqugħa minn Transport Malta u jekk ix-xogħol fuq din it-triq hux se jsir? Jekk fl-affermattiv, kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq mhiex arterjali jew distributorja iżda waħda rurali. Transport Malta qed tikkunsidra tinkludi din it-triq bħala rotta ta’ devjazzjoni marbuta mal-proġett tal-Kappara.

Is-Swieqi – Triq is-Swieqi – azzjoni minħabba t-traffiku

Question

Peress illi Triq is-Swieqi fis-Swieqi hija waħda mit-toroq prinċipali tal-lokalità li għandha l-aċċess miż-żewġt itruf limitat u saħansitra perikoluż ħafna peress illi f'tarf minnhom hemm il-pont li huwa dejjaq wisq u li minnu jridu jgħaddu l-karozzi/vannijiet flimkien man-nies bit-tfal, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux jistudja l-possibbiltà illi jinfetħu żewġ mini f’kull ġenb tat-triq għall-użu tan-nies u li fit-tarf l-ieħor, id-daħla li mill-wied jgħaqqad lis-Swieqi ma’ San Ġwann, tiġi mwessgħa it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq msemmija huma toroq residenzjali u għaldaqstant ir-responsabbiltà ta’ traffic management taqa’ taħt il-Kunsill Lokali rispettiv. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub jagħmel rikjesta lill-Kunsill Lokali in kwistjoni fejn ikun jista’ jiġi ppreżentat u kkunsidrat dan il-każ mill-istess Kunsill Lokali, fejn sussegwentament il-Kunsill iressaq il-proposti tiegħu formalment quddiem Transport Malta.

Kunsilli lokali – traffic management plans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk meta tiġi ppreparata traffic management plan ta' lokalità, il-kunsill lokali ta' dik il-lokalità jiġix mitlub jagħmel it-traffic counts tat-toroq involuti, anke meta tali tibdiliet ikunu żgħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni li jintalbu traffic counts mhix relatata mal-kobor jew tul tat-triq iżda mal-impatt li jista’ jkollha tali talba fuq il-kumplament tal-lokalità.

Servizz tat-trasport pubbliku – rotta bejn is-Swieqi u l-Gżira

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-reviżjoni tar-rotot tat-trasport pubbliku li bi ħsiebu jagħmel fil-futur qarib, hux se jinkludi rotta li mis-Swieqi twasslek għall-Gżira peress illi r-residenti ta' din il-lokalità jkollhom bżonn jużaw it-trasport pubbliku biex imorru fiċ-ċentru tas-saħħa ta' din il-lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tagħrif se jiġi ppubblikat ġaladarba jintlaħaq qbil mal-operatur tat-trasport pubbliku dwar it-tibdil fir-rotot u l-frekwenzi. L-eżitu dwar dan it-tibdil jerġgħu jiġu nfurmati bih il-Kunsilli Lokali.

Trasport Pubbliku — Laqgħat mal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-Arriva? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar meta saru l-aħħar laqgħat mal-Ministru kemm mill-Arriva direttament kif ukoll minn Transport Malta mal-Ministru dwar l-Arriva? X'inhuma l-aħħa żviluppi li seħħew f'dawn il-laqgħat fir-rotot tal-11, t-12 u 7 distrett elettorali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-Arriva għadhom għaddejjin. Kull informazzjoni rigward rotot se tiġi ppubblikata wara li jintlaħaq qbil mal-operatur tat-trasport pubbliku dwar it-tibdil fl-istess rotot u l-frekwenzi, kif ukoll wara li tali rotot jerġgħu jiġu diskussi mal-Kunsilli Lokali.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex impjegat bħala konsulent mal-Ministeru tiegħu? Kemm qed titħallas, inkluż bonuses u perkaċċi oħra? Jista’ jqiegħed fuq kopja tal-kuntratt ta’ dan l-individwu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jinataw separatament, ġie imqabbad mill-Continental Shelf Department biex jagħmel preżentazzjoni dwar il-ġeoloġija reġjonali fil-konferenza Italy-Malta Oil and Gas Summit. Il-Continental Shelf Department daħal f'kuntratt ma’ RPS Knowledge Reservoir u dan l-individwu tqabbad minn din il-kumpanija. Il-kuntratt kien ikopri biss is-servizzi għall- preżentazzjoni f'dan is-summit ,kif ukoll il-preparamenti neċessarji sabiex jagħmel il-preżentazzjoni. Dan l-individwu hu l-istess konsulent li tqabbad mill-Gvern fil-2011. Id-deċiżjoni biex jintuża l-istess konsulent kienet meħuda propjament biex jiġu iffrankati flus żejda minħabba li dan kien diġà għamel prattikament l-istess preżentazzjoni u b'hekk kien diġà jaf xi jrid jippreżenta. Il-Gvern se jħallas €3,600 għas-servizzi ta' dan il-konsulent. Barra minn hekk se jitħallsu ukoll l-ispejjeż relatati mal-ivjaġġar.

Is-Swieqi – Triq il-Qasam

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-commitment li kien sar mill-Gvern preċedenti li jgħaddi lil lokalità tas-Swieqi is-somma ta’€150,000 biex issir Triq il-Qasam hux se jonorah?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ma sibt l-ebda traċċi ta’ dan il-commitment. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddili xi dokumenti li għandu billi qed jagħtini x’nifhem li jaf xi ħaga dwar xi wiegħda li kien għamel il-Gvern preċedenti.

Is-Swieqi – programm tax-xogħlijiet ta’ bini ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Keffa, Triq it-Tiben, parti min Triq il-Ħemel u Triq il-Ġiebja fis-Swieqi humiex inkluż fil-programm ta’ xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq tal-Gvern ċentrali? Kemm hu stmat li jiswa x-xogħol fuq dawn it-toroq? Jista’ jgħid hux f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmel dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Opri tal-Baħar — berths reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' berths għall-opri tal-baħar li huma reġistrati ma' Transport Malta? Kif inhuma maqsuma dawn il-berths skont il-lokalità li jinsabu fiha? Kemm minn dawn il-berths huma reġistrati fuq isem tal-individwu jew opri tal-baħar? Kemm minn dawn il-berths għandhom il-ħlas tagħhom imħallas? Fejn jinsabu l-berths li mhumiex imħallsa f'numri differenti skont il-lokalitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ berths għall-opri tal-baħar li huma reġistrati ma' Transport Malta, f’Malta u Għawdex huwa ta’ 1361, li huma maqsuma kif ġej: Marsaxlokk 115 Buġibba 333 Birżebbua 241 Ta’ Xbiex 30 Spinola 189 L-Imġarr 179 L-Imsida 274 In-numru ta’ berths li huma reġistrati fuq isem tal-individwu jew opri tal-baħar huwa ta’ 1178. Il-berths kollha għandhom il-ħlas tagħhom imħallas ħlief għal dawn li ġejjin: Buġibba 12 Birżebbuġa 4 Spinola 3

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u kif hu maħsub li l-Ministeru tiegħu, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità tiegħu, mistennija jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea fl-2014, ġejjin mil-liema programm ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq il-Programmi ta’ Operazzjoni. Huwa wara li jitlesta dan il-proċess meta l-Awtorità ta’ Ġestjoni tibda’ toħrog is-sejħiet għal proġetti u inizjattivi.

bini ta' toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta' toroq residenzjali ġodda saru mill-10 ta' Marzu 2013 sal-21 ta' Novembru 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perijodu ta’ bejn l-10 ta’ Marzu u l-21 ta’ Novembru 2013 saru total ta’ circa 5,415-il metru ta’ toroq residenzjali ġodda.

Bini ta' toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan hemm biex isiru iktar toroq residenzjali matul is-sena 2014? Kemm-il triq se ssir u f'liema lokalitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tipprepara programm għat-toroq residenzjali għas-snin li ġejjin. Dan filwaqt li għas-sena 2014 hemm pjanat li jsiru madwar 40 triq f’lokalitajiet differenti madwar Malta.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B’referenza għad-dikjarazzjonijiet li għamel il-Ministru illi għandu plan B f’każ illi l-Arriva tkun kostretta titlaq, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan hux diġà kontemplat mill-kuntratt iffirmat bejn l-Arriva u Transport Malta, b’mod partikolari l-Artiklu 14?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-provedimenti tal-kuntratt, inkluż Artiklu 14, jipprovdu soluzzjoni temporanja, li wkoll tirrikjedi pjan ta’ kontinġenza. Plan B imur oltre x’hemm stipulat fil-kuntratt.

Konsenja ta’ bendy buses

Question

Peress illi l-Ministru allega illi ftit jiem qabel l-elezzjoni, il-Gvern preċedenti għamel ftehim mal-Arriva biex jawtorizzaha ddaħħal iktar bendy buses, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim? Jista’ jgħid kemm-il bendy bus kienu kontemplati fil-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn l-Arriva u Transport Malta fl-2010?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ma nagħmilx allegazzjonijiet imma meta ngħid xi ħaġa nkun qed nibbaża fuq il-fatti. Jekk l-Onor. Interpellant jibbaża ruħu fuq allegazzjonijiet, dan ma jkunx ta’ awgurju tajjeb għall-qasam li għalih huwa ix-Shadow Minister. Il-kuntratt iffirmat fl-20 ta’ Novembru 2010 hemm stipulat ammont minimu ta’ 50 articulated bus. Dan l-ammont żdied f’April 2012 sa massimu ta’ 67 articulated bus u dan wara li saru bosta tibdiliet fir-rotot bejn is-sena 2011 u 2012. Kopja ta’ din il-parti mill-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Policy għal reserved parking

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4643, u b’referenza għall-provvedimenti tal-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta b’mod partikolari l-artiklu 11 illi jgħid: (1) Il-linji ta’ politika li għandhom ikunu segwiti u d-deċiżjoni dwar materji ta’ politika għandhom ikunu l-prerogattiva tal-Ministru. Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx, jew le, mal-politika (policy) illi kienet ġiet approvata mill-Ministru preċedenti, illi persuna b’diżabilità li tkun applikat għal reserved parking għall-bżonnijiet personali tagħha quddiem jew viċin id-dar tagħha, għandha jkollha l-ispazju riservat għaliha personalizzat biex ma jintuża minn ħadd iktar peress illi jekk jużah ħaddieħor ikun intilef l-iskop tal-applikazzjoni oriġinali? Jista’ jikkonferma illi din il-policy kienet tirrifletti wkoll ix-xewqa tal-Kummissjoni Nazzonali Persuni b’Diżabilità (KNPD)?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-provvedimenti tal-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, b’mod partikolari artiklu 11, jgħid: (2) Deċiżjoni politika mill-Ministru għandha torbot biss lill-Awtorità jekk jingħatalha bil-miktub u jekk tkun iffirmata mill-Ministru. Ma nstabet l-ebda approvazzjoni mill-Bord ta’ Transport Malta u lanqas l-ebda deċiżjoni bil-miktub iffirmata mill-Ministru preċedenti dwar politika li jiġu ppersonalizzati l-parkeġġi riservati għal persuni b’diżabbiltà. Fir-rigward tal-possibilità li dawn il-parkeġġi jiġu personalizzati kien hemm diskussjonijiet bejn l-Awtorità u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà li qatt ma ġew kompletament konklużi u qatt ma ġie ffirmat l-ebda qbil finali.

Birżebbuġa – Bini mill-ġdid ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq il-Port Ħieles bejn Triq il-Kostituzzjoni u Triq it-Tħabrik u bejn Triq ix-Xogħol u Triq Sant’ Anġlu f’Birżebbuġa hux inkluż fil-programm tax-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq tal-Gvern ċentrali? Kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diversi partijiet minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa se jiġu asfaltati minn Transport Malta matul it-tmintax-il xahar li ġejjin. Bħalissa Transport Malta qiegħda tidentifika l-partijiet li huma lesti għall-intervent fuqhom.