Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’sar mir-riljiev li kien sar ad unur Oreste Kirkop fil-bitħa tat-Teatru Manoel in vista tal-fatt li l-propjetà in kwistjoni m’għadhiex f’idejn il-Gvern? Jista’ dan ir-riljiev jitqiegħed f’xi post ieħor jew f’xi mużew kif jixraq lill-memorja ta’ dan it-tenur rinomat Malti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-riljiev t’Oreste Kirkop għadu jinsab fil-bitħa tat-Teatru Manoel u għalissa mhemmx pjani li jiċċaqlaq. Dan għaliex fil-ftehim bejn is-sidien ta’ Palazzo Bonici u t-Teatru, il-bitħa trid tkun miftuħa għal kull rapprezentazzjoni li ssir fit-Teatru u b’hekk il-pubbliku għadu jista jgawdi dan lir-riljiev.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — spejjeż ta' assigurazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż tal-assigurazzjoni fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu, sew jekk huma dipartimenti, aenziji, kumpaniji, awtoritajiet u l-korporazzjonijiet għas-sena 2013 u 2014 (sad-data tal-mistoqsija) u jagħti d-dettalji tal-ammonti imħallsa/invoiced u l-aġenziji/brokers tal-assigurazzjoni li mingħandhom qed jittieħed is-servizz?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il- Mejda tal- Kamra.
San Pawl il-Baħar — Ċitazzjonijiet dwar rimi ta' skart
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħarġu ċitazzjonijiet minn wardens jew uffiċjali oħra f'San Pawl il-Baħar matul din is-sena, għal dak li jikkonċerna ksur ta' regolamenti dwar ir-rimi ta' skart? Kif jinqasmu dawn iċ-ċitazzjonijiet xahar b'xahar matul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kumpanija ġiet inkarigata biex tieħu ħsieb id-dwal f’dawn l-attivitajiet imsemmija u kemm tħallset f’kull każ:
a. Notte Bianca 2014;
b. Iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ħamsin Anniversarju tal-Indipendenza
c. Iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-għaxar anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea;
d. Il-Festival tal-Junior Eurovision Song Contest;
e. Il-Karnival 2014;
f. Il-Jazz Festival;
g. Il-Malta Arts Festival; u
h. Il-Festival tal-Għana?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li tikkonċerna il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija rigward dawn l-attivitajiet: Iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-50 Anniversarju tal-Indipendenza, Iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-10 Anniversarju tad-Dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kif ukoll Il-Festival tal-Junior Eurovision Song Contest lill- Ministeri kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u kemm hemm każijiet ta' allegata korruzzjoni li qed jiġu investigati mill-awtoritajiet wara li fl-2013 tneħħiet il-preskrizzjoni f'reati ta' korruzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni għandha sitt każijiet ta’ allegata korruzzjoni in ġenerali, jiġifieri korruzzjoni taħt l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Dwar investigazzjonijiet oħra magħmula mill-Puluzija, d-domanda trid issir lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11579 u 11951, li oriġinarjament saru lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u peress li fir-risposta għall-mistoqsija 11951 intqal li l-mistoqsija trid tiġi riferuta lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-playgrounds li nstabu mhux safe matul din is-sena mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u jgħid f’liema lokalitajiet qegħdin? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet li saru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa għaddejja ħidma bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u s-Segretarjat responsabbli mill-Gvern Lokali fuq dawn ir-rapporti li ħadmet fuqhom l-Awtorità ghall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Għaldaqstant minħabba s-sesittivita’ ta’ dawn l-investigazzjonijiet kopja tar-rapporti ma’ tistax tiġi ppublikata f’ dan l-istadju qabel ma ssir l-analiżi meħtieġa.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11580 u 11952, li oriġinarjament saru lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-ftehim kuntrattwali bejn l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali dwar l-ispezzjonijiet tal-playgrounds fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kemm tiswa kull spezzjoni li ssir mill-MCCAA?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ewwel kuntratt iffirmat bejn l-MCCAA u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali fil-21 ta’ Diċembru 2010, u kopja tat-tieni kuntratt iffirmat bejn l-MCCAA u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali fit-28 ta’ Frar 2013 hekk kif mgħoddija lili mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Reġistru Elettorali — persuni li għandhom sittax-il sena
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ressaqx xi proposti partikulari biex ir-reġistru elettorali li jinkludi lil dawk il-persuni li għandhom sittax-il sena jkun jista' jiġi ppublikat? Jekk iva, x'kienu dawn il-proposti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Elettorali jikkonferma li qed jieħu l-passi kollha meħtieġa biex, b'seħħ mill-ewwel ta' Jannar, 2015, dawk il-persuni Maltin u Ċittadini mill-Unjoni Ewropea li jagħlqu s-16-il sena minn din id-data 'il quddiem, jiddaħħlu, jekk għandhom il-kwalifiki meħtiega l-oħra Kostituzzjonali, fir-Reġistru Elettorali tal-Kunsill Lokali fejn ikunu reġistrati bħala residenti u jidhru bhala votanti fl-ewwel reġistru li jkun ippubblikat fis-sena 2015.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – mobile phones mħallsa mill-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — xiri ta' biljetti tal-ajru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, b’mod separat, liema kienu l-aġenziji tal-ivvjaġġar li mingħadhom inxtraw il-biljetti tal-ajru tal-Ministeru, id-Dipartimenti, l-entitajiet, l-aġenziji, il-koporazzjonijiet, l-awtoritajiet, il-kummissjonijiet, il-kumpaniji, u l-fondazzjonijiet li jaqgħu taħtu u kemm kien il-ħlas f’kull każ? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għas-snin bejn l-2004 u l-2012, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm tħallset kull aġenzija b’mod totali fis-snin indikati? Jista’ jgħid f’kull każ jekk il-ħlas sarx b’direct order jew le?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni miġbura sa issa. Hekk kif ikolli il-bqija tal-informazzjoni, titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — kuntratti ta' konsulenza
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11559, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba u li tkopri il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed impoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l- informazzjoni relattiva għall-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru de quo.
Qed nieħu l-liberta' li ninkludi wkoll l-informazzjoni relattiva għall-Aġenzija Heritage.
Xemxija/Għajn Tuffieħa — tneħħija ta' ġebel mit-triq
Question
Jista' l-Minstru jara li jittieħdu passi biex il-periklu li hemm fit-triq li twassal minn ħdejn ir-roundabout fit-triq li mix-Xemxija twassal għal Għajn Tuffieħa, li tieħu lejn San Martin, jitneħħa l-periklu li hemm kawża ta' ġebel li waqa? Jista' jara li jittieħdu passi biex ir-reflectors li kien hemm u li issa b'xi mod m'għadhomx hemm, matul l-istess triq, jerġgħu jitpoġġew f'posthom u dan biex jiġu evitati inċidenti u periklu għal min ikun għaddej minn dawn l-inħawi ta San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li peress li l-Kunsill m’għandux il-makkinarju neċessarju biex jagħmel ix-xogħol rikjest, huwa għamel talbiet lill-Ministeru konċernat biex ineħħi l-ġebel imsemmi.
Intant ninsab infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali li l-istess Kunsill ta struzzjonijiet lill-kuntrattur sabiex jagħmel ix-xogħol fuq ir-reflectors.
Is-Sanċir (limiti tar-Rabat u Ħad-Dingli) — aċċessibilità
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12062 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jispjegali x'qed isir biex il-post magħruf bħala s-Sanċir, fil-limiti tar-Rabat u Ħad-Dingli, jibqa’ miżmum u aċċessibbli, wara li fil-passat kien sar investiment minn fondi pubbliċi u Ewropej biex dan jitranġa u jiġi aċċessibbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali li l-Kappella medjevali ta’ San Ċir tinsab f’żona rurali tar-Rabat, u hija aċċessibbli permezz ta’ mgħodija pubblika li tgħaddi minn qalb l-għelieqi.
Fil-passat din il-binja storika kienet ġiet restawrata permezz ta’ varji għaqdiet volontarji. Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma ntu¿aw fondi Ewropej biex dan is-sit jitranġa jew biex isir iktar aċċessibbli.
F’dawn l-aħħar snin il-Kunsill Lokali tar-Rabat, flimkien mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u mad-Direttorat tar-Restawr, wera nteress biex dan is-sit jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku u mantnut fi stat tajjeb ta’ konservazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni ta' kull lokalità f'Malta u Għawdex li abbażi tagħha se jiġi determinat kemm se jkun hemm kunsilliera fil-kunsilli lokali ai termini tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni ppublikata fil-gazzetta tal-Gvern skont l-Artikolu 73 tat-Taqsima VII tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali, liema informazzjoni qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11630 jista' l-Ministru jelenka x-xogħol preparattiv li sar sabiex il-bini msemmi jiġi ttrasformat f'Gozo Museum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li x-xogħol preparattiv rigward l-Gozo Museum jikkonsisti f’dawn l-azzjonijiet:
1. Laqgħat tekniċi sabiex jiġi stabbilit it-tqassim ġenerali tal-binja u l-kontenut
2. Preparazzjoni għal sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-fondi
3.
Detailed architectural survey
li jifforma l-bażi fundamentali sabiex tiġi ppubblikata kompetizzjoni għad-disinn u eventwalment jiġu determinati l-ħtiġijiet strutturali tal-binja u jiħhejjew l-applikazzjonijiet tal-MEPA. Is-survey mistenni jkun lest f’Diċembru 2014.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — direct orders
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11544, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tad-direct orders li ngħataw u ċjoè lil min ingħataw dawn id-direct orders, x’kien is-servizz jew prodott mitlub u kemm kien l-ammont li tħallas mill-Gvern f’kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direct orders saru kollha skont ir-regolamenti u l-proċeduri finanzjari tal-Gvern.
Għawdex – kunsilli lokali – sitwazzjoni finanzjarja
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tas-sitwazzjoni finanzjarja annwali, sena sena, mill-2007 sas-sena 2013, tal-kunsilli lokali ta’ San Lawrenz, iż-Żebbuġ, Għajnsielem, Kerċem, Munxar u n-Nadur, Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 11994.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-timeline dettaljat tax-xogħol infrastrutturali li qed isir fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk), Triq Sir Adrian Dingli, u Pjazza Sabina, ġewwa r-Rabat, Għawdex, mill-Kunsill Lokali tal-lokalità, u li jispeċifika meta beda tali xogħol u meta se jitlesta kompletament l-istess proġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif miġbura mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom għaddejjin ix-xogħlijiet li qegħdin isiru mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex, bejn Pjazza Sabina, Triq Sir Adrian Dingli, u Pjazza Indipendenza (it-Tokk) ġewwa r-Rabat, Għawdex? Kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan ix-xogħol, u kemm kienu jaħdmu sigħat kuljum? Kemm sar xogħol nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat t’ Għawdex li x-xogħlijiet li qiegħdin isiru bejn Pjazza Sabina, Triq Sir Adrian Dingli u Pjazza Indipendenza (it-Tokk) fir-Rabat, ilhom għaddejjin mill-5 ta’ Mejju 2014, b’waqfien ta’ xahar bejn il-festi ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Marija.
Ix-xogħol qed isir mit-Tnejn sas-Sibt, b’medja ta’ tmien (8) siegħat kull ħaddiem kuljum minn barra s-Sibt fejn ix-xogħol jieqaf għat-tlieta ta’ wara nofsinhar. Ħaddiema qed ikunu b’kollox medja ta’ għaxra (10).
Ir-Rabat (Għawdex) – xogħlijiet fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk)
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn bħala parti mix-xogħlijiet li qegħdin isiru mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex, sar it-tħammil fil-Pjazza Indipendenza (it-Tokk) ġewwa r-Rabat, Għawdex, u issa x-xogħol waqaf, bil-pjazza titħalla maqlugħa? Veru li l-istess Kunsill talab li jinqalgħu s-siġar tal-pjazza? Veru li għad hemm appell pendenti quddiem il-MEPA, jew awtorità oħra kompetenti, fir-rigward ta’ tali siġar? Meta applika l-istess Kunsill għall-permess biex jinqalgħu s-siġar? B’liema mod ġew ikkonsultati l-ħwienet li ġew affettwati? Fejn se jiġi rilokat il-Monti tal-hawkers li kien hemm fi Pjazza Indipendenza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex li waqt li kien għaddej ix-xogħol nstabu xi fdalijiet fi Triq Sir Adrian Dingli. Sakemm kien hemm l-eżaminazzjoni min-naħa tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-kuntrattur ingħata struzzjonijiet biex jibda wkoll xogħlijiet fi Pjazza tat-Tokk, kif ukoll fi Triq Sir Mikelanġ Refalo. Dan sar sabiex ma jinħeliex ħin u jiżdied ir-ritmu tax-xogħol.
Infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali li l-istess Kunsill applika biex jinqalgħu s-siġar imsemmija kif ġej: fil-5 ta’ Mejju 2010 (PA0244/10), fit-23 ta’ Marzu 2010 (NP69/10), u fis-27 ta’ Frar 2014 (NP50/14). Infurmat ukoll li hemm appell pendenti f’dan ir-rigward.
Intant, ninsab infurmat li l-Monti ser ikun rilokat għall-Pjazza Savina. Saru 4 laqgħat annwali fejn dejjem issemma l-proġett kollu, inkluż ir-rilokazzjoni tal-monti u tas-siġar. Dan apparti li l-Kunsill dejjem ta l-ispjega tiegħu għall-mistoqsijiet li saru minn sidien ta’ ħwienet u bejjiegħa tal-monti.