Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba ta' armla b'erbat itfal li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għal post alternattiv? Jista' jgħid jekk hijiex intitolata għal post tal-gvern minħabba li hi sit ta' dan l-istess fond?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif jista' ikun fis-seklu 21 għad għandna familji jgħixu ma' żewġ familji oħra ġewwa fond wieħed b'numru kbir ta' nies jgħixu f'dan l-istess fond li huwa żgħir? X'passi qed jieħu d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex l-applikanta li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi pprovduta post alternattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex is-sidien li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, ġew mogħtija post tal-gvern bl-iskema tax-xiri, qatt ma sarulhom ix-xogħlijiet rikjesti minnhom stess qabel ma sar il-kuntratt finali ma' l-awtorita' tad-djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proprjeta’ li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant inxtrat tale quale u għalhekk l-Awtorita’ tad-Djar, wara li eżaminat it-talba tal-persuna konċernata, ddeċidiet li ma kelliex tagħmel ix-xogħolijiet hi. Kieku sar dan l-Awtorita’ kienet tkun qed tiddiskrimina kontra ħaddieħor.
Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk il-familji li sofrew danni kbar fl-aħħar għargħar li għamel f'Setembru humiex se jingħataw si forma ta' għajnuna finanzjarja mill-Gvern u jekk iva meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għal tiswijiet fi djar residenzjali, nfakkru li jeżistu diversi skemi li jistgħu jkunu applikabbli skond iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.
Jista' il-Ministru jgħid jekk familji Maltin li qed jgħixu ġo akkomodazzjoni sub-standard ġo l-Imsida humiex se jingħataw post alternattiv illi l-Gvern qed jibni ġo l-Imsida?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-postijiet li qed jinbnew l-Imsida huma parti mill-Urban Renewal f’dak il-lokal u jinkrew skond il-ħtiġijiet tal-proġett.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2065, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jirriżultax li effettivament kien hemm tnaqqis fid-disability allowance li qed jirċievu l-ġenituri tat-tifel konċernat, nirriferih għar-regolamenti dwar payment of DCA li jgħid li the rate of Lm5 per week for every disabled child is paid if the highest income is less than Lm9,270 whilst on the other hand if the highest income is more than Lm9,270, rate is worked out by considering 6.5% of the difference from Lm13,270 and Lm9,270? This rate is payable for every disabled child? Jista' il-Ministru jikkonferma dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jinforma l-persuna konċernata li għal aktar dettalji dwar il-każ personali tagħha għandha tavviċina lill-uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’.
Tas-Sliema — Stabiliment ta' l-ikel li jaħżen iċ-ċilindri
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi struzzjonijiet ħarġu l-uffiċjali ta' l-Awtorita' għas-saħħa u s-sigurta' biex jindirizzaw il-problema mqajma f'mistoqsija parlamentari 1842? Kemm hu maħsub li se jieħdu żmien biex jiġu mplimentai l-miżuri ordnati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta’ għamlu spezzjonijiet mingħajr preavviż fuq il-post indikat fejn ħarġu diversi ordnijiet dwar is-saħħa u s-sigurta’ ta’ l-impjegati li ma kienux relatati mal-ħażna ta’ ċilindri tal-gass. Dwar din il-ħażna ntalab l-intervent tal-Korporazzjoni Enemalta, bħala l-entita’ meqjusa l-aktar kompetenti fir-rigward. L-Awtorita’ ġiet infurmata li l-post ġie spezzjonat diversi drabi mill-Korporazzjoni u peress li kien jissodisfa l-ħtiġijiet minimi dwar Gass Safety Standards, it-tekniċi tal-Korporazzjoni ħarġu Safety Inspection Certificate.
L-uffiċjali ta’ l-Awtorita’ ordnaw li l-post ried ikun kopert bi pjan ta’ emerġenza li jkun għas-sodisfazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili skond ir-Regolamenti ta’ l-2002 dwar Ħtiġijiet Minimi għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita’ ser tibda proċeduri legali kontra min iħaddem f’dan il-post għax naqas li jobdi l-ordnijiet, li ma kienux jikkonċernaw dawk dwar il-ħażna ta’ gass, mogħtija mill-uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta’.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali wara li perit tal-gvern iddikjara li l-fond - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - huwa perikoluż ħafna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jieħu l-passi meħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-irċevuta tal-VAT tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ma ġietx aċċettata mill-awtorita' tad-djar u t-talba tiegħu ġiet miċħuda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fid-29 ta’ Novembru 2000, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat biex tingħata ħlas lura ta’ taxxa fuq il-valur miżjud taħt Skema S ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. L-applikazzjoni kienet tinkludi dikjarazzjoni ffirmata li ma kien hemm ebda rċevuta oħra pendenti għal dak l-istadju. Id-dikjarazzjoni kienet tgħid ukoll li l-applikanti jafu li l-ħlas isir darba biss u li wara li jsir il-ħlas, ma jista’ jsir ebda ħlas ieħor relatat ma’ l-istess stadju. Il-ħlas fil-fatt sar fit-12 ta’ Marsu 2001.
Wara din id-data ġiet sottomessa riċevuta fiskali oħra għal xogħolijiet dwar l-istess stadju. Għar-raġunijiet li għidt qabel din l-irċevuta ma setgħetx tiġi kkunsidrata u l-applikanti ġew infurmati b’dan bil-miktub. L-applikanti għamlu oġġezzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appelli ta’ l-Awtorita’ liema oġġezzjoni ġiet miċħuda. L-applikanti ġew infurmati b’dan iżda reġgħu kkontestaw din id-deċiżjoni. Il-każ reġa’ tressaq quddiem il-Bord ta’ l-Appelli, li kkonferma d-deċiżjoni oriġinali. L-applikanti ġew infurmati b’dan.
Jista' il-Ministru jara li l-gallarijiet ta' quddiem u ta' wara tal-fond (dettalji qed jintbagħtu separatament) jiġu irranġati minħabba li ma humiex fi stat tajjeb? L-inkwilina ta' dan il-post tal-Gvern hija anzjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jwaqqa' l-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jekk fl-affermattiv, meta se jibda l-proġett u fejn se jiġu akkomodati r-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-fond indikat mill-Onor. Interpellant hu parti minn proġett ta’ slum clearance f’Bormla bejn Triq Santa Liena, Triq Hanover, Triq San Mark, Triq l-Ajkla u Triq l-Irlandiżi. Il-proġett maħsub li jibda wara li titlesta t-tieni fażi tal-proġett ta’ Triq San Ġwann.
Peress li għad fadal ftit taż-żmien biex jinbeda dan il-proġett għadha ma ttieħdetx deċiżjoni finali dwar fejn ser jiġu rilokati r-residenti preżenti li jkunu milquta minn dan il-proġett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li fil-futur iwaqqa' jew jagħmel proġett ta' slum clearance minn Joe Hannover Street u Eagle Street, Bormla? Jekk fl-affermattiv, liema huma d-djar li se jiġu milquta? Meta se jibda l-proġett tat-twaqqigħ? Fejn se jiġu allokati r-residenti li se jiġu milquta minn dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2082 f’din l-istess Seduta.
Jista' l-Vici Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali jgħid liema kienu dawk l-NGOs li din is-sena ġew megħjuna mill-Gvern permezz ta' għotja ta’ flus jew inkella permezz ta' servizzi oħra? X'ħadu u kemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
X'servizzi qed jingħataw mill-Aġenzija Access fil-Kottonera fil-komunita'? Min qiegħed jieħu ħsieb din l-Aġenzija? Kemm hemm persuni li qed jaħdmu fl-Access u fuq liema programmi? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandhom dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li r-risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Liema aġenzija jew enti tieħu ħsieb il-Programm Formula One? Kemm-il klijent li qed jingħata dan il-programm? Kemm hemm staff allokat għal dan il-programm? X'taħriġ u/jew kwalifiki għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li r-risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.