B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17146, jista' l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija fejn jirrigwardja l-informazzjoni dwar il-manutenzjoni u tiswijiet?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba għal din il-Mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji li għandhom il-permess iżommu għandhom persuni li jiġu f'pajjiżna biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista' jagħti t-tagħrif f'kull każ, lokalita' b'lokalita' ta' Malta u Għawdex?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li hawn 1049 familja li għandhom il-permess iżommu għandhom persuni li jiġu f'pajjiżna.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi fejn joqogħdu dawn il-familji.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom tneħħiet il-funtana tal-pjazza ta' Buġibba? Meta tneħħiet u għaliex baqgħet ma twaħħlitx lura? Jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament meħtieġ mad-dipartimenti jew il-kuntratturi konċernati ħalli għas-sajf li ġej tkun ġiet imwaħħla mill-ġdid? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-ditta Borg Bros ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru 1998 sal-ġurnata tal-lum, inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartiment, korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li t-tenders li ġew 'awarded' lid-Ditta Borg Bros. ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi għal ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra huma:
Novembru 1998 - Ġarr ta' għamara u affarijiet mill-Ministeru fi
Triq ir-Repubblika għal Palazzo Spinola - kwotazzjoni nru. 598 datata 14/11/98 - Lm1,400
Jannar 2000 - Ġarr ta' mudelli tal-proġetti relatati mal-
Kumpless tal-White Rocks minn Palazzo Spinola għal Triq San Pawl, il-Belt u mill-Belt għall-Kumpless tal-White Rocks - Lm46.00
Ġunju 2000 - Ġarr ta' 'safe' kbir mill-ewwel sular ta'
l-Auberge d'Italie għal 'store' fi Triq il-Merkanti il-Belt - Lm80.50
Dawn it-tenders ingħataw b''direct order' skond il-proċeduri viġenti fis-servizz pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-sejħa għal supervisor mal-beach cleaners, saret minn Settembru 1998 sal-lum? Kemm applikaw f'kull każ? Mil-liema lokalita' kien kull applikant? Kemm ingħataw il-grad ta' supervisor? Minn liema lokal kienu dawk magħżula?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma saret l-ebda sejħa għal 'supervisor' mal-'Beach Cleaners'.
Jista' l-Ministru jinformana x'apparat modern inxtara matul dawn l-aħħar 20 xahar sabiex ix-xtut tal-gżejjer tagħna jitnaddfu aħjar?
Kemm sewa dan l-apparat? X'investiment hemm ippjanat sabiex għal futur ix-xtut f'Malta u f'Għawdex jinżammu aktar indaf?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma nxtara ebda apparat f'dawn l-aħħar għoxrin xahar sabiex ix-xtut jitnaddfu aħjar.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16820 dwar l-ispiża tal-kampanja tal-Malta Tourism Authority fuq stazzjonijiet tat-TV lokali u mistoqsijiet relatati?
Response (REFALO, MICHAEL)
M'għandix x'inżid mat-tweġiba li tajt fis-Seduta Nru. 315 iżda immedjatament kif tasalli l-informazzjoni li jrid l-Onor. Interpellant inwieġeb u nagħti d-dettalji mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'xiri ta' computers u tiswijiet fuq computers fil-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tat-Turiżmu bejn l-1992 u 1996 mingħand il-Medway Import/export agency?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, it-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjiegi ġodda mill-Malta Tourism Authority mill-1 ta' Settembru 1999, sal-lum? Min huma l-impjegati ġodda? X'kariga qegħdin jokkupaw? X'inhuma s-salarji, benefiċċji u allowances li qegħdin igawdu u fejn kien l-aħħar impjieg ta' dawn l-impjegati ġodda?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Kap ta' l-Oppożizzjoni tidher mill-iskeda li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li qegħdin jitħallsu mill-Malta Tourism Authority? F'liema istituzzjoni, dipartiment jew awtorita' dawn il-konsulenti qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom? X'inhuma s-salarji, benefiċċji u allowances li qegħdin igawdu, x'safar sar minn dawn il-konsulenti mill-1 ta' Settembru, 1999 sal-lum u x'kienet l-ispiża ta' dan is-safar, globalment meta tinkludi biljetti ta' l-ajru, spejjeż ta' akkomodazzjoni, trasport, allowances, insurance u spejjeż oħra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda bidla minn meta ngħata t-tagħrif mitlub bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 11253.
Ma kien hemm l-ebda ħtieġa li l-konsulenti jsiefru in konnessjoni max-xogħol tagħhom b'risq l-Awtorita'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-ispiża tal-kampanja li qiegħda tagħmel il-Malta Tourism Authority fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali? Liema hi l-kumpannija li ngħatat il-kuntratt sabiex tipproduċi dawn il-messaġġi promozzjonali? Xi studji kkommissjonat l-MTA mill-1 ta' Settembru, 1999 sal-lum? Min huma l-persuni jew kumpanniji li rċevew ħlasijiet jew se jirċievu ħlasijiet għal dawn l-istudji? Xi proċedura ġiet segwita qabel dawn l-istudji ġew ikkummissjonati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'ser jiġri mill-impjegati kollha, nklużi l-Field Service Section, hekk kif tgħaddi l-Legal Notice fejn tiddikjara li l-HSEB ġiet xolta? X'qed isir fl-interess ta' l-impjegati taċ-Ċivil u dawk tal-Field Service Station?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nigbed l-attenzjoni ta' l-Onor Membru ghall-provvedimenti tas-subartikolu (3) taż l-Artikolu 6 ta' l-Att ta' l-1999 dwar Servizzi ta' l-Ivvjaggar u tat-Turizmu ghal Malta. Dawk l-impjegati tal-H.C.E.B li jew jaghzlu li ma jaccettawx impjieg ma' l-Awtorita jew li ma jintghazlux biex jiffurmaw parti minnha, jinzammu fid-Dipartiment tat-Turizmu jew jigu trasferiti f'Dipartimenti ohra tal-Gvern u jinstabilhom xoghol alternattiv.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk matul dawn l-aħħar ħames snin serviex bħala konsulent jew kellux xi forma ta' mpjieg ieħor ma' xi waħda mill-kumpanniji li jifformaw il-konsorzju li ngħata r-responsabbilta' ta' l-iżvilupp tal-proġett tal-White Rocks?
Response (REFALO, MICHAEL)
Se npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra addenda għat-tweġiba li tajt f'Seduta 297 tat-22 ta' Mejju 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ittri li jinsabu maqbuda fil-Ministeru, Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqħu taħtu b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali kontra l-miżuri anti-soċjali mħabbra fl-aħħar budget mill-GWU?
Response (REFALO, MICHAEL)
Fl-aħħar budget il-Gvern ma ħabbarx miżuri anti-soċjali u għalhekk ma naċċettax l-asserzjoni li qed jagħmel l-Onor. Interpellant li l-azzjoni industrijali tal-'GWU' qed tittieħed għal dak il-għan.
Infurmat li fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi m'hemm l-ebda ittra maqbuda b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali.
Jista' l-ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-irranġar tal-premises ġodda għall-Ministeru tat-Turiżmu fi Triq il-Merkanti? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-infiq? Meta se jispiċċa l-imsemmi xogħol u l-ministeru jibda jopera minn hemm?
Response (REFALO, MICHAEL)
Bi tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Infurmat li x-xogħol ikun tlesta sa l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jinfurmana x'impatt se jkollhom fuq l-industrija tat-turiżmu lokali s-sistemi tat-TARIC (levies ġodda) li timponi l-Unjoni Ewropea fuq Malta wara li nsiru membri?
Jista' jgħid x'diskussjonijiet saru s'issa, bejn il-gvern u l-għaqdiet tat-turiżmu, inkluż il-caterers, lukandi u restaurants? Jista' jinfurmana bl-iżviluppi ta' dawn il-laqgħat?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajtu fis-Seduta 223 għall-Mistoqsija tiegħu numru 12283.
Jista' l-Ministru jinfurmana x'impatt se jkollu fuq l-industrija tat-turiżmu t-telf ta' l-export refunds fuq l-ikel impurtat mill-Unjoni Ewropea, wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni? Jista' jgħid x'diskussjonijiet saru s'issa ma' l-għaqdiet tat-turiżmu, tal-catering, tar-restaurants u tal-lukandi sabiex jiġi diskuss l-impatt ta' dawn is-sistemi li timponi fuq pajjiżna l-Unjoni Ewropea?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Gvern qed jinnegozja pakkett ta' kundizzjonijiet li jkun fl-aħjar interess tal-poplu Malti għal sħubija fl-'U. E.'. L-Onor. Membru qed jiżbalja sew meta jagħmel asserzjonijiet gratuwiti kif ukoll għax m'għandux sabar jistenna l-esitu tan-negozjati.
Fil-laqgħat li jkolli ta' spiss ma' l-għaqdiet ħadd minnhom ma' semma din il-materja. Għalhekk neħodha li anke huma ma' jidhrilhomx li s-suġġett jimmerita' l-importanza u l-istħarriġ li qed jagħtih l-Onor. Interpellant.
Naħseb li jkun aħjar kieku l-Onor. Interpellant flok idaħħal flieles fl-imħuħ u jbeżża' bil-babaw, juża' l-influwenza tiegħu biex l-oppożizzjoni tieħu sehem fil-MEUSAC fejn, meta jeħtieġ, l-aspetti kollha li jistgħu jolqtu l-industrija tat-turiżmu jiġu analizzati bis-serjeta'.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk matul dawn l-aħħar ħames snin serviex bħala konsulent jew kellux xi forma ta' mpjieg ieħor ma' xi waħda mill-kumpanniji li jifformaw il-konsorzju li ngħata r-responsabbilta' ta' l-iżvilupp tal-proġett tal-White Rocks?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kont nittama' li wara ċertu żmien fil-Parlament l-Onor. Interpellant s'issa tgħallem ir-regolamenti tal-Kamra kif ukoll il-prinċipji bażiċi ta' l-etika professjonali.
Għalkemm din il-mistoqsija tmur kontra kemm ir-regolamenti tal-Kamra kif ukoll l-etika u nista' kieku rrid ma nweġibhiex, qed nagħżel li nwieġeb għaliex b'din il-mistoqsija l-Onor. Interpellant tani l-opportunita' nxejjen xnigħat foloz u qarrieqa li mid-dehra waslu wkoll għal widnejn l-Onor. Interpellant.
Infurmat li l-kumpaniji li jiffurmaw il-konsorzju SIVA huma dawn:-
Frosch Touristik GmbH
Gasan Group of Companies
Farrugia Holdings Limited
Island Hotels Group Ltd.
M.V. Holdings Ltd.
Valletta Investment Bank
GASAN GROUP OF COMPANIES
Gasan Enterprises Limited
International Automobile Ltd.
C.B. Motors Ltd.
Meruti Motors Ltd.
Gasan Properties Ltd.
Gasan Insurance Agency Ltd.
Gasan Technical Services Ltd.
Mekanika Ltd.
Teamwork Ltd.
Cable Network Construction Ltd.
B.D.S. Ltd.
Melita Cable Television Ltd.
Fiż-żmien kollu li okkupajt il-kariga ta' Ministru ma eżerċitajtx il-professjoni legali.
Fit-tnejn u għoxrin xahar, ċioe' mis-27 ta' Ottubru 1996 sat-8 ta' Settembru 1998 li matulhom kont Deputat ta' din il-Kamra fuq in-naħa ta' l-Oppożizzjoni la servejt ta' konsulent u lanqas kelli xi forma ta' impieg ieħor ma' xi waħda mill-kumpaniji li jiffurmaw il-konsorzju SIVA.
Jista' l-ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-irranġar tal-premises ġodda għall-Ministeru tat-Turiżmu fi Triq il-Merkanti? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-infiq? Meta se jispiċċa l-imsemmi xogħol u l-ministeru jibda jopera minn hemm?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-Mistoqsija tirrikjedi ġbir ta' ħafna informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.