Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lotterija tas-Super 5 — Taxxi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ammonti mirbuħa permezz tal-lotterija tas-Super 5 humiex taxxabbli?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammonti mirbuħa fil-lotterija tas-Super 5 mhumiex taxxabbli.

Xiri ta' proprjeta' minn persuni ta' nazzjonalita' barranija — Permessi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' permessi li nħarġu lil barranin sabiex jixtru l-proprjeta' f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament? Kemm kien id-dħul mit-taxxa tal-boll minn dawn il-kuntratti? Kemm kien id-dħul tal-gvern mit-taxxa tal-boll minn trasferiment ta' proprjeta' matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ permessi li ngħata lill-persuni barranin biex jixtru proprjeta’ immobbli sena b’sena matul l-aħħar ħames snin kien kif sejjer jingħad. Ma kinitx tinżamm statistika separata għall-proprjeta’ f’Għawdex u f’Malta fis-snin 1998 u 1999. NUMRU TA' PERMESSI Sena Malta Għawdex Total 1998 n/a n/a 155 1999 n/a n/a 202 2000 241 55 296 2001 274 71 345 2002 379 85 464 2003 (sa l-aħħar ta' Mejju) 227 46 273 Bir-rispett, tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li meta jingħata permess taħt l-Att dwar l-Akkwist ta’ Proprjeta’ Immobbli minn Persuni mhux Residenti (Kap 246) ma jfissirx konklussivament li jkun sar it-trasferiment u għalhekk ma jistax jingħata l-ammont mit-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti fuq dawn il-permessi. Għar-rigward id-dħul mit-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti ta’ proprjeta’ matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament, ġentilment nitlob lil-Onorevoli Interpellant jara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari Numru 766.

Funzjoni tal-koperattivi — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi rapport mill-Ministeru dwar il-funzjoni tal- koperattivi li twaqqfu fi ħdan iċ-Ċivil qabel l-elezzjoni li għaddiet? Jekk iva, x'kienu l-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta'dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra ?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi kien biss irrappreżentat f'kumitat imwaqqaf mill-Management and Personnel Office tal-Prim Ministru biex jirrapporta dwar il-koperattivi fi ħdan l-impieg governattiv. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Onor Prim Ministru.

Tal-Qroqq — Sptar Mater Dei - Sejħa għall-offerti għall-apparat mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet l-order of preference dwar il-preferred bidders skond l-ewwel rapport ta' SECTA dwar is-sejħa għall-offerti għall-apparat mediku, għamara u affarijiet anċillari għall-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Membru li, minħabba l-fatt li l-għoti tal-Kuntratt imsemmi għadu suġġett għas-smigħ ta' appell quddiem il-Public Contracts Appeals Board, ma jkunx prudenti li f'dan il-mument tingħata l-informazzjoni mitluba minnu. F'dawn iċ-ċirkostanzi ikun hemm min ikollu nteress fil-kwistjoni u jagħmel kollox biex jagħmel pressjoni ħalli jinfluwenza d-deċiżjoni favorih. Ikun hażin li wieħed jaqa' fin-nassa ta' dawn it-talin.

Tal-Qroqq — Sptar Mater Dei - Offerta għall-xiri ta' apparat mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji li tefgħu l-offerta tagħhom għat-tender għall-apparat mediku, għamara u affarijiet anċillari għall-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni mitluba minnu kienet ġiet ippubblikata fin-notice board tad-Dipartiment tal-Kuntratti meta għalqet is-sejħa għall-offerti s-sena l-oħra.

SECTA — Sejħa għall-offerti għax-xiri ta' apparat mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li SECTA ntalbu jagħmlu t-tieni rapport ta' evalwazzjoni dwar is-sejħa għall-offerti għax-xiri ta' apparat mediku, għamara u affarijiet anċillari?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 894.

Tal-Qroqq — Sptar Mater Dei - Kuntratt għal xiri ta' apparat mediku

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi kienet irrakkmandat waħda mill-kumpanniji biex tingħata l-kuntratt tax-xiri ta' l-apparat mediku, għamara u affarijiet oħra? Jista' il-Ministru jikkonferma li din ir-rikkmandazzjoni ġiet imwarrba mid-dipartiment tal-kuntratti jew xi ħaddieħor fil-ministeru tal-finanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li nbidlet ir-rakkmandazzjoni li wara kollox kienet dik rakkomandata minn SECTA li evalwat is-sejħiet għall-offerti ta' dan it-tender partikolari?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 894

Ministeru tal-Finanzi u affarijiet Ekonomiċi — Direct orders

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ direct orders li ħarġu mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta’ flus ta’ dawn id-direct orders? Jista’ il-Ministru jinformani bl-istess informazzjoni għall-perjodu tas-snin 2001 u 2002?

Response (DALLI, JOHN)

Fix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April tas-snin 2001, 2002 u 2003, l-approvals għal direct orders li ħarġu minn dan il-Ministeru versu l-Ministeri kollha, skond ir-Regolamenti Finanzjarji, huma elenkati fil-listi hawn mehmuza.

Pensjonijiet — Programm

Question

Peress li l-Minstru ġie rrappurtat li qal li ser iħabbar programm sa l-aħħar ta' Mejju, dwar il-pensjonijiet, jista' jgħid jekk dan sarx u jagħti dettalji dwar dak li ġie programmat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għandu mpressjoni ħażina.

Inland Revenue Department — Tax refunds

Question

Following amendments to the income tax act and the income tax management act interest began accruing on tax refunds due to taxpayers in respect of year of assessment 1999 onward. Tax refundable relating to prior years remained interest free. As a result, the later refunds are being paid first. Expatriates and non-residents are among those due pre-1998 refunds. Excessively delayed refunds reflect negatively on Malta's credibility as a financial services centre of repute. Could the Honourable Minister please inform us as to the amount of tax refundable to expatriate and non-resident tax payers relating to the year of assessment 1999 and prior, and if a repayment plan exists, by what date these amounts will be settled?

Response (DALLI, JOHN)

There are two refunds due to Expatriates and Non-Resident taxpayers for Y/A 1999, except for those taxpayers that may have submitted a late return. Refunds due prior to Y/A 1999 are as follows: 531 temporary residents with work permits LM 399,902 3 temporary residents (entertainers) LM3,598 158 temporary residents (settlers) LM126,152 533 Non-residents LM330,817

Kontijiet Pendenti

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 313 u cioe' jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2003 kemm kien hemm każi pendenti ta' persuni li kellhom kontijiet x'jagħtu a) lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u b) lid-Dipartiment tal-VAT u dawn il-każi issa ġew solvuti? Jista' jgħid b'kollox kemm kellhom jagħtu bħala totalita' u kemm fil-fatt ħalsu meta ntlaħaq ftehim dwar il-każi?

Response (DALLI, JOHN)

Mhux magħruf eżattament għal liema każijiet pendenti qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Jekk dawn jirreferu għall-ftehim li għandu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma' taxpayers biex iħallsu t-taxxa dovuta għas-snin l-imgħoddija f’pagamenti fix-xahar, l-informazzjoni hija din: In-numru ta' ftehim 4283 L-ammont globalment dovut LM3,205,079 L-ammont imħallas LM2,055,534 Bilanċ dovut LM1,149,545 Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ tal-VAT, id-Dipartiment joħroġ biss kontijiet skond id-dikjarazzjonijiet li jirċievi fuq bażi ta’ self assessment. Madanakollu, minn żmien għal żmien, jinħarġu stimi f’każi fejn isiru investigazzjonijiet. Matul is-sena 2003 (Jannar – Mejju) kien hemm ukoll numru ta’ taxpayers li bagħtu l-formula tal-VAT mingħajr il-ħlas tat-taxxa dikjarata minnhom. Minn dawn kien hemm 62 taxpayer u t-taxxa pagabbli kienet tammonta għal Lm300,231. Id-Dipartiment ħa l-passi meħtieġa u 48 taxpayers ħallsu t-taxxa dovuta li kienet tammonta għal Lm206,124. Fl-aħħar ta’ Mejju kien hemm 14-il taxpayer li kellhom jagħtu Lm94,107. F’dawn il-każijiet qed jittieħdu proċeduri ċivili sabiex tinġabar it-taxxa dovuta”.

Dikjarazzjoni Ta' VAT — Multi li ġew maħfura

Question

B'riferenza għat-tagħrif mitlub mill-ministeru tiegħek mill-ġurnal The Malta Financial and Business Times tal-11 ta' Ġunju, 2003 f'paġna 3, tista' jekk jogħġbok tgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom mhijiex qed tingħata l-informazzjoni mitluba? Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar l-ammont ta' multi li nħafru qabel l-elezzjoni ġenerali 2003 lil min ma ddikjarax il-VAT dovuta kif suppost?

Response (DALLI, JOHN)

Il-maħfriet li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant huma miżura li tħabbret fil-budget għal din is-sena u li ġiet implementata fil-kuntest tal-provvedimenti fil-liġijiet tal-VAT 1995 u CET 1997. Ma nistgħux nagħtu d-dettalji mitluba għaliex din il-miżura kienet waħda ġenerali u għalhekk għad irridu naraw minn se jieħu vantaġġ minnha. Id-dettalji ma nagħtuhomx ukoll għaliex din hi nformazzjoni kunfidenzjali bejn it-taxpayer u d-dipartiment.

Refund — VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'hiex waslet it-talba għal-refund tal-VAT bin-numru VF 492/03?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-refund tal-VAT fuq l-applikazzjoni numru VF492/03 (Lm42.15) sejjer jitħallas f’Ġunju 2003”.

Finanazi — Nefqa ta' kull Ministeru

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u x'suċċess inkiseb biex fil-perjodu Jannar - Mejju 2003 in-nefqa ta' kull ministeru, dipartiment tal-gvern, fondazzjoni u impriża pubblika tkun skond dik imħabbra fil-budget għas-sena 2003? Il-Ministru huwa sodisfatt li n-nefqa qed tinżamm fil-livell ippjanat? Liema ministeri, dipartimenti, fondazzjonijiet u impriżi ma żammewx mal-miri ppjanati?

Response (DALLI, JOHN)

Il-passi li ttieħdu kienu skrutinju dettaljat, ministeru b'ministeru tan-nefqa ppjanata u li qed issir. Is-suċċessi jew nuqqas tagħhom jitkejlu fl-aħħar tas-sena anke wara li jittieħed konjizzjoni ta' spejjeż li jista' jinqala l-ħtieġa tagħhom u li ma jkunux previsti.

Privatizzazjoni — Impriżi pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid bħalissa liema huma dawk l-impriżi pubbliċi li beda l-proċess fuqhom biex jiġu privatizzati? Jista' jgħid f'kull każ f'hiex wasal dan il-proċess?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa il-Privatisation Unit qiegħed jaħdem fuq il-privatizzazjoni tal-Mediterranean Offshore Bunkering Company (MOBC), il-Liċenzja tal-Lotterija Nazzjonali u l-Malta Freeport Terminals. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, nwieġeb li kemm fil-każ tal-MOBC u l-Lotterija il-proċess wasal fl-istadji finali. Fil-każ tal-Malta Freeport Terminals il-proċess għadu għaddej pero huwa prematur li jingħata informazzjoni fuqu.

Lotterija Nazzjonali

Question

Issa li tħabbar li l-Lotterija Nazzjonali mhux se tibqa' ssir, fl-2001, fl-2002 u mill-bidu ta' din is-sena s'issa f'kull lotterija separata jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-fond tal-premjijiet f'kull każ u kemm inbiegħu biljetti f'kull lotterija?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tidher fit-tabella mehmuża.

Xogħol tal-gvern — Refunds fuq overseas travel allowances

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 330 dwar refunds fuq overseas travel allowances li ma jistgħux jiġu rkuprati, jista' il-Ministru jagħti lista ta' l-individwi, ministri, kapijiet tad-dipartimenti, civil servants u awtoritajiet oħrajn li naqsu li jagħtu r-refunds, riċevuti u statements li kienu obbligati li jagħtu ħalli l-pubbliku jkun jaf min kienu l-individwi li abbużaw minn fondi pubbliċi?

Response (DALLI, JOHN)

Kif spjegajt fir-risposta tiegħi għall-mistoqsija numru 330 ma nistgħux ngħidu eżattament kemm huma r-refunds relatati għal kull Advance li saru peress li r-rapport tal-claims kontrihom ma kienx finaliżżat. Xi wħud minn dawn l-avvanzi li jingħataw ikunu relatati direttament mal-viżita, skond kriterji stabbiliti u għalhekk ikopru l-ispejjeż li mistennija jsiru. Għaldaqstant, mhux il-każ li wieħed jitkellem fuq abbużi serji minn fondi pubbliċi u l-anqas il-każ li jingħataw listi ta’ nies li jista’ jiġi mitfugħ xi dell fuqhom mingħajr raġuni. Infakkar li l-Awditur Ġenerali jidħol fid-dettal f’dawn l-issues u jirraporta fuqhom.

Ħ'Attard — Misraħ Kola - qasam industrijali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 321 fejn intlabt inkun aktar speċifiku, filwaqt li jinnota li l-inkonvenjent jikkonsisti f'irwejjaħ u ħsejjes żejda, jista' il-Ministru jagħti tweġiba?

Response (DALLI, JOHN)

L-Interpellant għandu japprezza li l-post li qed jirreferi għalih huwa qasam industrijali li ilu stabbilit għal ħafna snin. Għandhom isiru rapporti speċifiċi fuq kull inkonvenjent li jsir.

Theddida għas-saħħa — Yo balls

Question

Peress li skond rapporti li deheru, il-Market Surveillance Directorate u l-Malta Standards Authority qed jinvestigaw jekk il-ġugarell yo balls huwiex ta' theddida għas-saħħa u l-ħajja tat-tfal, jista' il-Ministru jgħid f'hiex waslu l-investigazzjonijiet u x'inhu r-riżultat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u hu mistenni li jiġu konklużi fi żmien qasir. Sadanittant, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni b’konsultazzjoni mad-Direttorat tas-Sorveljanza fuq is-Suq ħadu passi biex tiġi sospiża l-importazzjoni kollha ta’ dawn il-yoyo water balls f’Malta sakemm ikun hemm ir-riżultat finali ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

Malta Development Corporation

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Malta Development Corporation li bis-sentenza tas-6 ta' Novembru 2002 fir-Rikors Numru:80/97 (Gozo) fl-ismijiet Michael Said et vs chairman, Malta development Corporation et ġiet ikkundannata tħallas lill-imsemmi Michael Said kumpens ta' erbat elef lira (Lm4,000) minħabba l-inġustizzja li huwa sofra, sal-lum għalkemm għaddew aktar minn sitt xhur għadha ma wettqitx l-obbligu tagħha u ma ħallsitx dan il-kumpens?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Michael Said għadu ma tħallasx peress illi l-Korporazzjoni għal Żvilupp ta' Malta ma taqbilx mar-rakkomandazzjonijiet li saru mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji. Ir-raġuni fil-qosor għaliex l-MDC ma ħassitx illi r-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal kellhom jiġu implimentati hija illi, kif ġie ppruvat ampjament fl-andament tar-rikors, Michael Said mhuwiex bona fede tradesman li jikkwalifika għal assistenza taħt il-liġijiet dwar l-inċentivi għall-industrija. Fil-fatt jirriżulta ċar mill-atti tar-rikors illi Michael Said għandu impjieg full-time mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. Għalhekk l-istess Korporazzjoni tħoss illi l-istess Said ma ħaqqu ebda forma ta' kumpens u informat b'dan lill-Management and Personnel Office ta' l-Ufficcju tal-Prim Ministru skond kif titlob il-proċedura.