Fil-preżent hemm disgħa (9) każijiet quddiem il-Qrati tal-Maġistrati (Malta) li fihom ġew maħtura esperti fil-qasam tad-DNA. L-informazzjoni l-oħra mitluba ma nistax tingħata għax hija ta natura konfidenzjali.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proċeduri ta' estradizzjoni kontra żewġ persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament għadhom għaddejjin fil-qrati Maltin u allura ma kienux liberati mill-akkużi kif kien rapurtat mill-media?
Jekk għad hemm il-proċeduri pendenti quddiem il-qrati Maltin, veru li kien hemm talba oħra ta' estradizzjoni għall-istess persuni?
Il-persuna l-oħra li wkoll għaddejja proċeduri biex tkun estradita, ta' liema ċittadinanza kienet qabel saret Maltija?
Meta din iċ-ċittadina saret Maltija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm iż-żewġ persuni msemmija ġew rilaxxati mill-Maġistrat, hemm pendenti fil-każ tagħhom Appell quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali intavolat mill-Avukat Ġenerali u għalhekk il-"liberazzjoni" tagħhom mill-Maġistrat ma tidħolx fis-seħħ sakemm il-Qorti tal-Appell Kriminali ma tikkonfermax id-deċiżjoni tal-Maġistrat.
L-Avukat Ġenerali ma waslitlu ebda talba oħra għal estradizzjoni ta' l-imsemmija persuni għalkemm kien hemm kliem f'dak is-sens fil-media.
Il-persuna l-oħra, qabel saret Maltija kienet Marokkina.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kumpanija Proximus hijiex tagħmel xi xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xogħol ieħor relatat mal-Ministeru tiegħu, jew xi kumpanija, agenzija jew entita oħra li taqa' taħt ir-responsabilita' tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: X'inhu t-tip ta' xogħol? Kif saret l-għażla tal-kumpanija? Jekk saritx sejħa għall-offerti jew inkella ingħatax b'direct order? Meta l-entita' bdiet tagħmel użu mis-servizzi ta' din il-kumpanija? Xi ħlas sar lil din il-kumpanija min mindu din ingħatat ix-xogħol? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija fit-12 il-xahar li ġejjien? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija sat-terminu tal-kuntratt, fejn huwa l-każ? Xi inhuwa it-terminu tal-kuntratt fejn huwa l-każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li la l-Ministeru tiegħi u lanqas id-dipartimenti li jaqgħu taħtu m'huma qegħdin jużaw is-servizzi tal-kumpanija Proximus fuq xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xogħol relatat.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-Maltin li bħalissa jinsabu jiskontaw sentenza f'ħabsijiet barra minn Malta? Ta' x'hiex instabu ħatja, meta kienu kkundannati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm avukati għall-għajnuna legali? Dan huwa numru suffiċenti jew kemm bżonn li jiżdiedu? Jista' jgħid xi ħlasijiet jieħdu dawn l-avukati mingħand il-Gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħalissa hemm avukat għal Għajnuna Legali li għandu onorarju ta' Lm6026 u Assistent Avukat għal Għajnuna Legali li għandu onorarju ta' Lm3000 fis-sena.
Dawn jagħmlu użu wkoll minn 12-il Avukat tal-Elenku f'Malta (kull wieħed b'onorarju ta' Lm500 fis-sena) u 2 avukati tal-Elenku f'Għawdex (kull wieħed b'onorarju ta' Lm500 fis-sena) kif ukoll minn 6 Prokuraturi tal-Elenku f'Malta u Prokuratur tal-Elenku f'Għawdex (kull wieħed b'onorarju ta' Lm170 fis-sena).
Jidher li n-numru hu suffiċenti.
Jista' l-Ministru jikkonferma li avviċina numru ta' persuni biex jinħatru Imħallfin jew maġistrati? Meta l-Gvern bi ħsiebu jaħtar Imħallef ġdid? Meta l-gvern bi ħsiebu jaħtar maġistrat ġdid? Kien identifikati l-persuni li se jinħatru? Aċċettaw li jservu fil-qorti?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Gvern beħsiebu jaħtar Mħallef biex jagħmel tajjeb għall-assenza tal-Imħallef Carmel A.Agius li f' Novembru mistenni jieħu l-post li għalih ġie elett fil-Qorti Internazzjonali għall-ex Jugoslavja.
Biex jiżgura li ma jkunx hemm "vacuum" u li min jidħol ġdid ikun jista' jagħmel il-pjani tiegħu u b'hekk ma jkunx hemm żmien meta ma jsirux seduti, il-Gvern identifika min għandu jkun Imħallef il-ġdid u dan ġie avviċinat u aċċetta.
Jista' l-Ministru jgħid kif jiġi deċiż quddiem liema imħallef għandu jiġi riferut rikors għal sospensjoni ta' subasta bil-Qorti?
Ir-rikors imur għand l-Imħallef tal-Għassa jew għand imħallef li preċedentement kien ha konjizzjoni tal-atti tas-subasta minħabba rikorsi preċedenti?
Din ir-regola tvarja waqt il-ferjat? Jew skond min ikun preżenti fil-Qorti dak il-ħin?
Min jista' jeżerċita diskrezzjoni għand liema imħallef għandu jmur rikors jekk l-imħallef appuntat skond ir-regoli ma jistax jinstab?
Fil-każ tar-regola illum viġenti, kemm ilha fis-seħħ?
Response (GATT, AUSTIN)
L-atti tas-subasta jintbagħtu għand l-Imħallef tal-Għassa, li jinbidel kull ħmistax-il ġurnata, sabiex jiffirma d-digriet promotorju, li permezz tiegħu jiġi awtoriżżat il-bejgħ bis-subasta tal-proprjeta' in kwistjoni.
F'każ tar-rikors għal sospensjoni jintbagħat għand dak l-Imħallef li jkun iffirma d-digriet promotorju. Din il-proċedura tiġi segwita dejjem, inkluż fil-ferjat.
Ir-Reġistratur tal-Qrati jew id-Deputat Reġistratur inkarigat mis-sezzjoni tas-subasti, għan-nom tal-istess Reġistratur għandu d-diskrezzjoni jagħmel dan.
Dawn il-proċeduri ilhom jitħaddmu għal dawn l-aħħar tlett snin.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li għandhom każ pendenti l-qorti u ħarbu minn Malta? X'akkużi għandhom kontrihom u quddiem liema qorti qiegħed jinstema' l-każ tagħhom? Meta saret l-aħħar seduta fil-każ tagħhom? Imħareġ mandat ta' arrest internazzjonali fil-kontront tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif meħtieġ hu fil-pussess tal-Puluzija, u d-domanda trid issir lill-Ministru ta` l-Intern.
Jista' l-Ministru jgħid x'kommunikazzjoni saret bejn l-awtoritajiet Maltin u barranin dwar it-traġedja ta' lejlet il-Milied li kienet tinvolvi traffikar ta' immigranti illegali? Meta nbdiet l-inkjesta maġisterjali u xi trid tistabilixxi din l-inkjesta? Kien hemm xi eżitu minn din l-inkjesta? Hemm awtoritajiet barranin li talbu lil Malta tgħinhom dwar dan il-każ? Min huma dawn l-awtoritajiet? Meta saret it-talba? X'riedu? Jeżistu proċeduri kriminali barra minn Malta dwar persun involuti f'dan il-każ traġiku li hemm involuti fih ċittadin Malti u Grieġ miżżewweġ Maltija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkjesta magisterjali dwar il-kaz imsemmi infethet fid-29 ta’ Dicembru 1996. Din izda ma tistax tinghalaq minhabba li l-awtoritajiet Maltin ghadhom qed jistennew l-ezekuzzjoni ta’ l-ittra rogatorja li kienet intbaghtet lill-awtoritajiet Griegi f’Dicembru 1999.Kif jaf l-Onorevoli Interpellant l- inkjesta minn natura taghha hija wahda kunfidenzjali.
Fis-17 ta’ Dicembru 1999, fuq talba tal-awtoritajiet investigattivi Maltin, l-Avukat Generali baghat ittra rogatorja lill-awtoritajiet Griegi fejn intalbet assistenza bl-iskop li jkompli l-gbir tal-provi dwar il-kaz. Sallum din ghadha ma gietx esegwita .
Bhala talbiet li kellu dan l-ufficcju ghall-assistenza dwar il-kaz minn awtoritajiet barranin, kien hemm talba mill-Italja (ezattament mill-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Reggio Calabria) li waslet ghand l-Avukat Generali fit-28 ta’ Mejju 1997. It-talbiet tal-istat Taljan ghall-assistenza gew esegwiti u dak kollu migbur in esekuzzjoni tal-istess ntbaghat lill-istess awtorita’ nhar is-16 ta’ Gunju 1998.
L-informazzjoni dwar kuntatti u /jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet investigattivi kemm barranin kif ukoll lokali ghandhom jigu riferuti lill-Ministru koncernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-air conditioners fl-Awla tas-Sekond' Awla għas-seduta tal-lum 17 ta' Lulju ma ħadimx, b'inkonvenjent kbir għall-Qrati kif wkoll għal dawk kollha li kellhom seduta?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Air conditioner system li hemm fl-annex tal-Qorti kellu l-ħsara f'wieħed mill-kompressuri tiegħu u għalhekk is-sistema ma kienetx qed taħdem kif suppost.
Qed nieħdu l-azzjoni meħtieġa biex din il-ħsara tiġi rranġata mill-aktar fis possibli.
Jirriżultalu l-Ministru li r-rapporti uffiċjali tad-dipartiment tal-kunsilli lokali jikkonfermaw li 80% tat-toroq tal-lokal tal-Mosta jenħtieġu xi forma ta' manutenzjoni u upgrading?
Jirriżultalu l-Ministru li minħabba f'pagamenti pendenti li għandu l-kunsill lokali tal-Mosta mhux possibbli li l-kunsill ikompli b'dawn ix-xogħlijiet meħtieġa għar-residenti Mostin?
Jista' l-Ministru jikkonsidra, flimkien mad-dipartiment tal-housing, mad-dipartiment tat-toroq u tax-xogħlijiet pubbliċi, sabiex jitħejja pjan tax-xogħlijiet ta' upgrading fl-estates ta' Mlit, Zokkrija, u fl-inħawi ta' Santa Margerita? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Skond l-aħħar rapport li ħejja d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li dalwaqt jiġi ppublikat, u bejn l-14 ta` Mejju u l-4 ta` Lulju, jirriżulta li fil-Mosta hemm 59.06% tat-toroq urbani u 49% tat-toroq mhux urbani li mhumiex sodisfaċenti.
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Mosta baqgħa għaddej bil-programm tiegħu tal-manutenzjoni tat-toroq skond l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-Kunsill.
Mhux il-każ li l-Ministeru tiegħi jħejji pjan ta` xogħlijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ta` Ministeri oħra.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħa sabiex jara li tiġi rispettata l-ittra li bagħt is-Sindku tal-Mosta nhar it-3 ta' Novembru 2000 (kopja qed nibgħata separatament) X'progress sar bħala riżultat ta' l-ittra tas-Sindku u x'inhija s-sitwazzjoni għar-residenti in kwistjoni illum?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-ittra msemmija ma kienitx indirizzata u kkupjata lill-Ministeru tiegħi jiena ma stajt nieħu l-ebda passi. Jiena issa għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat biex jittieħdu l-passi neċessarji.
Madanakollu, peress li r-responsabbilita' biex jitwaqqaf l-inkonvenjent hija totalment tal-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jinħolqu karigi ġodda, skond il-grad, fil-qrati ta' Malta u Għawdex relattivament? Jista' jgħid kemm direttorati se jiġu upgraded? Jista' jgħid kemm hu maħsub li se tintela' aktar l-ispiża rikorrenti b'eżerċizzju bħal dan?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza għall-mistoqsija ta' l-Onorevoli interpellant, inħolqu tliet kategoriji ta' karigi ġodda fil-Qrati li huma - (i) Direttur (Qrati Civili, Tribunali Civili, Malta), Direttur (Qrati Kriminali, Malta) u Direttur (Qorti t'Għawdex) li l-applikazzjonijiet għalihom diġa ħarġu u huwa mistenni li jiġu maħtura fi żmien qasir, (ii) 34 Assistent tal-Qorti (Court Assistants) li qegħdin fi stadju li jiġu appuntati u (iii) Xufiera (Drivers) ma' kull membru tal-Ġudikatura .
Dwar it-tieni parti ta' l-interpellanza, tliet Diretturi 'l ġodda msemmija fl-ewwel parti tat-tweġiba se jissostitwixxu l-post preżenti ta' Reġistratur tal-Qorti li huwa preżentament okkupat mid-Direttur Ġenerali. Dawn il-gradi se jkunu fi skala ta' salarju numru 4. Se jiżdiedu wkoll żewġ Assistenti Reġistraturi biex jassistu l-imsemmija Diretturi.
L-ispiża annwali mistennija li tammonta għal ċirka Lm367,000, inkluż l-allowances kollha li jmorru mal-post jew kariga.
B'danakollu ż-żieda rikorrenti attwali tkun ferm anqas peress li l-pożizzjonijiet kollha jimtlew minn ħaddiema li huma diġa impjegati tal-gvern u konsegwentement iż-żieda attwali rikorrenti tkun biss dik relattiva għall-promotion u allowances li jista' jkun hemm marbuta mal-kariga. Hu wkoll mistenni li l-parti l-kbira sew minn din iż-żieda tiġi rkuprata minn saving sostanzjali li se jsir fuq l-ispiża rikorrenti għat-trasport tal-Ġudikatura.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tar-residenti ta' Baħar ic-Cagħaq li l-indafa pubblika f'dawn l-inħawi naqset ferm?
Jista' jinfurmani kemm kien iħallas il-Kunsill Lokali tan-Naxxar għall-kuntratt ta' qabel u kemm qed iħallas issa għall-istess xogħlijiet ta' ndafa f'Baħar ic-Ċagħaq?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jinterveni sabiex jgħin li tinsab soluzzjoni bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u residenti ta' Triq il-Katakombi dwar l-iżviluppi li se jsiru f'din it-triq mill-kunsill tar-Rabat għaliex filwaqt li r-residenti jixtiequ li din it-triq issir bil-madum kif saru toroq oħra fil-lokal tar-Rabat, il-kunsill Rabti jri li ssir bit-tarmac? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-meżżi tagħhom.
Madankollu jiena għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat .
Jista' l-Ministru ipoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra l-offerti kollha li ġew mitfugħa mill-entitajiet kummerċjali jew ko-operattivi għas-servizz ta' warden lill-kull grupp/kumitat ta' konsulenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u bis-setgħa li jagħmlu kuntratti u jidħlu għal transazzjonijiet li jwasslu għall-eżerċizzji u għall-qadi tal-funzjonijiet tagħhom. Fil-fatt s-sejħa għall-offerti ħarġet minn kull Kumitat Konġunt ta' Kunsilli Lokali u ġiet aġġudikata mill-istess Kumitat.
Id-dettalji ta' kull offerta għas-servizz tal-gwardjani lokali huma dokumenti pubbliċi u aċċessibbli għal kulħadd u jistgħu jinkisbu minn kull Kumitat Konġunt. Madankollu qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' entitajiet li għamlu offerta ma kull Kumitat Konġunt tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu każijiet ġodda għas-separazzjoni miż-żwieġ matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm huma ta' żwieġ bejn persuna Maltija u barranija? Kemm ġew deċiżi każijiet ta' separazzjoni mill-Qrati fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm kienet favur li ssir separazzjoni? Kemm ġew irtirati każi? Kemm hemm każi ta' separazzjoni pendenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-ewwel sitt xhur ta` din is-sena ġew introdotti 46 każi ġodda ta` separazzjonijiet.
M'huwiex possibbli li tiġi identifikata n-nazzjonalita` tal-partijiet, fl-ewwel lok minħabba l-fatt illi tali riċerka trid issir fuq kull kaz individwali u fit-tieni lok għaliex mill-atti nfushom mhux dejjem tirrizulta tali nformazzjoni.
Matul l-istess perjodu ġew deċiżi 36 kaz, ġew ċeduti/irtirati 32 kaz, u ġew abbandunati/dezerti 4 każi oħra.
Bħalissa hemm 520 kazi ta` separazzjoni li għadhom pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ivvotati flus fil-budget 2001 biex jitwettaq il-proġett għall-e-government? Kemm intnefqu sa issa minn dawn il-flus allokati? Kemm huwa stmat li se jqum b'kollox dan il-proġett meta jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-flus ivvotati għat-twettiq tal-Proġett ta` l-e Government għas-sena 2001 ġew allokati taħt il-voti ta` l-Uffiċju tal-Prim Ministru, nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.