Billi l-kummissarju tal-pulizija ġie rrapportat li qal li l-allokazzjoni ta' fondi għall-klandestini ntnefqet b'xi sitt darbiet aktar minn dak oriġinarjament provdut, jista' il-Ministru jgħdi xi pjani għandu l-gvern biex jilqa' għall-problema finanzjarjament? Jista' jagħti dettalji speċifiċi tal-ħwejjeġ jew bżonnijiet bażiċi minimi li qiegħed jipprovdi lill-klandestini waqt li jinżammu f'pajjiżna, b'indikazzjoni ta' l-ispiża approssimattiva għal kull item li jiġi provdut?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija għamel talba lill-Ministeru tal-Finanzi sabiex jingħata aktar fondi sabiex ikun jista` jkopri l-ispejjeż involuti sabiex jinżammu u jiġu mantnuti l-klandestini. Minbarra l-ikel, dawn qed jingħatawlhom l-affarijiet kollha meħtieġa sabiex tinżamm l-iġene personali ta` kull wieħed, kif ukoll il-materjal kollu meħtieġ għat-tindif tal-post. Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa ta` dawn l-affarijiet għal dawn il-klandestini.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew użati membri tal-korp tal-pulizija għas-sorveljanza tal-klandestini f'Settembru u Ottubru 2002? Minn liema taqsimiet ġew?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35687, peress li l-posizzjoni għadha ma nbidlitx.
Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha tal-faċilita` korrettiva ta' Kordin minn Settembru 1998 sa Ottubru 2002? Kemm kien jiswa kull tender, fiex jikkonsisti, lil min ġie assenjat u jekk ingħatax b'direct order jew b'talba għall-offerti? Jista' jgħid min kien jew kienu l-persuni responsabbli mill-aġġudikazzjooni ta' kull tender?
Response (BORG, TONIO)
Għall-perjodu minn Settembru 1998 sa Settembru 2001 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28601.
Fir-rigward tal-perjodu minn Ottubru 2001 sa Ottubru 2002 ninsab infurmat kif ġej:-
Audio Recording System
. Dan il-kuntratt ingħata b`
tender
lil
Correct Termination Ltd
għal prezz ta` Lm8,295 wara li tqiesu erba` offerti mingħand,
Comsec Ltd
(Lm20,421),
Correct Termination Ltd
(Lm8,295),
Euch Zammit Co Ltd
(Lm17,000) u żewġ offerti mingħand
Advanced Telecommunications Systems Ltd
(Lm11,541 u Lm13,097).
Immunology Analyser.
Direct Order
għal
prezz ta` Lm19,435 mingħand
Vivian Corporation
.
Re-Configuration of Locks
.
Direct Order
għal prezz ta` Lm7,417 mingħand Messrs Philip Toledo.
L-approvazzjoni ta` dawn iż-żewġ id-direct orders ingħatat mill-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Settembru 2002? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Settembru 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Settembru 2002 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 28 każ ta` serq.
Hold-up
2
Pick pocketing
44
Snatch & grab
11
Serq minn dghajjes
12
Serq ta’ dghajjes
6
Serq ta’ karozzi
40
Serq minn karozzi
228
Serq minn barijiet / lukandi
129
Serq minn fabbriki
8
Serq minn residenzi
40
Serq minn hwienet
64
Serq minn xtajtiet
30
Serq iehor
224
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Settembru 2002? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Settembru 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li tidher hawn taħt. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Settembru 2002 kien hemm 640 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Abandon of child
1
Against morals and honour of the family
5
Arson
14
Attempted offences
82
Bodily harm
91
Computer misuse
1
Damage
308
Drugs
6
Forgery
1
Fraud
2
lllegal Immigration
21
Prostitution
1
Sexual offences
4
Theft
838
Threats and private violence
8
Violence against public officers
11
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadhom ma sarux l-interviews għall-post ta' spetturi tal-pulizija? Jista' jgħid ukoll min huma l-membri tal-bord ta' l-għażla u meta hu maħsub li jsiru dawn l-interviews? Jista' jgħid ukoll meta se jibda l-kors u fejn se jinżamm, jekk hux l-ewwel l-akkademja tal-pulizija jew l-Universita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-interviews imsemmija mill-Onrevoli Interpellant għadhom ma sarux minħabba li kien hemm membru tal-bord tal-għażla li kien indispost. Din id-diffikulta` issa ġiet solvuta u huwa mistenni li l-interviews isiru fil-futur qarib. Wara dan il-proċess, l-applikanti li jkunu kisbu suċċess fl-interview jibdew kors ta` sena fl-Universita` ta` Malta li jwassal għac-Certificate in Policing. Parti mill-kors jista` jsir fl-Akkademja tal-Pulizija, u dan kif stipulat fis-sejħa għal applikazzjonijiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta` Ġunju 2002.
Infurmat ukoll illi l-bord ta` l-għażla li ġie approvat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku hu kompost kif ġej:-
Chairman Is-Sur Joseph Cachia Deputy Commissioner
Membri Is-Sur Ronald Kelly Supretendent
Is-Sur Charles Deguara Director, Policy & Planning Home Affairs
Is-Sur Joshua Zammit Psychologist
Is-Sur John Galea Cavalazzi Rappreżentant nominat mill-Management & Personnel Office
Jista' il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' testijiet għall-breathalyser s'issa matul din is-sena? Kemm instabu pożittivi? Dawn kollha tressqu l-qorti? Kien hemm min kien diġa' pożittiv u għalhekk misjub ħati mill-qorti darb'oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2002, kien hemm 62 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv, filwaqt li kien hemm 35 li irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. Dawk li sarilhom it-test kollha irriżultaw fil-pożittiv. Fil-każijiet kollha tressqu jew inbdew il-proċeduri biex jitressqu quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll li 3 minn dawn il-persuni, diġa` kellhom test ieħor pożittiv. Ikun hemm ħafna testijiet oħra li r-riżultat preliminari jkun negattiv, u allura ma jsirx it-test proprju.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proposta tal-MEPA għall-iżvilupp ta' Crowns Work Ditch f'park and ride scheme, liema proposta ġiet imħabbra xhur ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-permess għax-xogħolijiet infrastrutturali inħarġu f`Ġunju ta` l-2002. Jien infurmat li l-Awtorita` tat-Trasport qed tħejji t-tender document għax-xogħlijiet fuq il-junctions meħtieġa għal dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli għan-noise pollution u jekk din il-persuna qattx ipprovat tiċċekkja l-biċċiet tal-baħar li jinkrew minn post ċentrali fil-bajja tax-Xemxija?
Response (BORG, TONIO)
Jekk in noise pollution li qed tiġi ikkawżata hija inkonvenjenza, il-Pulizija, meta jkollha xi rapport f`dan is-sens, tieħu azzjoni f`dawn il-każi taħt Kapitlu 10 tal-Kodiċi tal-Pulizija.
Ta` min isemmi li, bħalissa qed jiġu fformulati regolamenti dwar in-noise pollution.
Wara l-introduzzjoni tal-VRT u l-enfasi sħiħa li ssir biex ikun hawn sigurta` sħiħa fit-toroq, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imħarrka drivers ta' karrozzi mill-wardesn u pulizija dwar nuqqas ta' dwal, nuqqas ta' użu ta' indicators, min isuq bil-bright, u karroizzi li jkollhom kemm headlamps u fog lamps jixgħelu flimkien?
Response (BORG, TONIO)
Mir-records disponibbli ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2002, il-Pulizija ħarrket 5,874 sewwieq ta` vettura talli għamlu użu minn vettura bid-dawl mhux skond il-liġi, filwaqt li 1,918 tħarrku talli naqsu li jindikaw li ser jibdlu d-direzzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-MEPA li kienu nvoluti f'xogħol relatat direttament magħhom u li ħadu remunerazzjoni apparti għalih, fosthom taħt il-proġett CAMP? Kien hemm ksur fir-regoli u kodiċi ta' etika tal-MEPA? Se jittieħdu passi dixxiplinarji? X'kienu l-passi li ttieħdu miċ-chairman?
Response (BORG, TONIO)
Il-MEPA ma ħallset l-ebda uffiċjal tagħha għal xogħlijiet fuq il-proġett CAMP. Kull impjegat tal-MEPA huwa marbut bil-kodiċi ta` etika u f`dan il-kuntest hu marbut jistaqsi għall-awtorizzazjoni biex jagħmel xogħol apparti d-doveri tiegħu bħala impjegat. Dan il-permess jingħata skond il-linji gwida tal-kodiċi ta` etika. Kien hemm numru ta` talbiet simili għall-awtorizzazjoni għal xogħlijiet oħra li ġew rifjutati u l-Awtorita` ma jirriżultaliex li kien hemm xi ksur tal-kodiċi ta` etika f`dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-direttur tad-direttorat ta' l-ambjent tal-MEPA qiegħed isib diffikulta` meta jiġu diskussi suġġetti relatati ma' biodiversita', bioloġija u kimika?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-kummenti tal-bord ta' l-għażla li ħatar id-direttur f'dan ir-rigward?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni mill-ex-dipartiment ta' l-ambjent li ma jixtiequx jibqgħu mal-MEPA, kif qed jiġu trattati u jekk hux minnu li qed isir sforz biex jitilqu minn mal-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
Id-Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien ta` l-Ambjent tal-MEPA mhux qiegħed isib l-ebda diffikulta` meta jiġu diskussi suġġetti relatati ma` biodiversita`, bioloġija u kimika. Id-Direttur f`temp ta` xahrejn u nofs ipparteċipa attivament flimkien ma` l-istaff tiegħu f`aktar minn erbgħin meeting interni u esterni u din id-diffikulta` ma` irriżultatx.
Rigward x`kienu l-kummenti tal-bord tal-għażla li ħatar id-Direttur f`dan ir-rigward, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 36351.
Infurmat illi mhux qed issir l-ebda distinzjoni bejn dawk il-persuni mill-ex-dipartiment ta` l-ambjent li jridu jibqgħu mal-MEPA u l-oħrajn li talbu li jmorru lura mal-Gvern. Mhux minnu li qed isir sforz biex il-persuni msemmija jitilqu mill-MEPA anzi, kien hemm okkażżjonijiet fejn id-Direttur stess ipprova jikkonvinci lil xi uħud li kellmuh sabiex jibqgħu jagħtu s-servizzi tagħhom lill-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-passi li ttieħdu mill-bord tal-MEPA fir-rigward ta' membri fi ħdan l-istess bord li kienu u għadhom ikunu esperti mħallsa privatament fit-tħejjija ta' EIAs u li eventwalment jgħaddu f'idejn il-bord fejn hemm l-istess membri biex jiġu approvati?
Response (BORG, TONIO)
Skond skeda Nru. 1 tal-liġi li tirregola l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp, membru tal-board tal-MEPA li għandu interess dirett jew indirett f`materja li tkun ser tiġi kunsidrata mill-bord, jrid jiddikjara l-interess u ma jieħux parti fid-deliberazzjoni tal-bord fuq il-materja li dwarha jkun iddikjara l-interess.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li shipyard privata kienet ingħatat kuntratt dirett ta' eluf ta' liri mingħajr ma nħareġ tender biex jiġi maħżun id-dispersant għal kontra ż-żejt u dan baqa' fis-seħħ sal-lum? X'passi dixxiplinarji ttieħdu u x'passi oħra tttieħdu mid-dipartiment tal-finanzi f'dan ir-rigward? Kemm ilu li skada dan id-dispersant? Veru li l-poplu kien qed iħallas għall-ħażna ta' dispersant skadut? X'ġara minn dan id-dispersant u jekk intrema fejn ġie mitfugh?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jikkonferma li d-direttur il-ġdid tad-direttorat ta' l-ambjent tal-MEPA qiegħed jagħmel diskriminazzjoni kontra xi uffiċjali tal-gvern li qegħdin detailed mal-MEPA, fosthom li jirrifjutalhom il-leave mingħajr raġuni?
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk hux qed issir ukoll diskriminazzjoni politika mill-istess direttur? L-istess direttur qiegħed jinnomina persuni li mhumiex fid-direttorat ta' l-ambjent u saħansitra nies li lanqas biss jaħdmu mal-MEPA, biex jattendu f'ismu jew miegħu konferenzi jew okkażjonijiet simili barra minn Malta? Veru li dan l-istess direttur ġieli għamel ġimgħatejn barra minn Malta? Min kien is-sostitut tiegħu u x'remunerazzjoni ħadet din il-persuna?
Response (BORG, TONIO)
Ma jirriżultax li kien hemm xi diskriminazzjoni kontra xi uffiċjali tal-gvern detailed mal-MEPA wisq inqas xi diskriminazzjoni politika.
Rigward ir-rifjut ta` leave ta` min jgħid li d-Direttur għandu d-dmir li jara li d-Direttorat jibqa` jiffunzjona kontinwament billi fost affarijiet oħra, ma jaċċettax applikazzjonijiet ta` leave b`avviż qasir. Ir-raġuni tar-rifjut dejjem ingħatat lill-impjegati konċernati.
Mhux minnu li d-Direttur preżenti ta` l-ambjent innomina persuni li m`humiex fid-direttorat ta` l-ambjent u saħansitra nies li lanqas biss jaħdmu mal-MEPA, biex jattendu f`ismu jew miegħu konferenzi jew okkażżjonijiet simili barra minn Malta.
Mhux minnu li d-Direttur ġieli għamel ġimgħatejn barra minn Malta. Id-direttur irrapreżenta lill-MEPA f`żewġ okkażżjonijiet barra minn Malta b`durata ta` mhux aktar minn tlett ijiem għal kull safra, inkluż l-ivvjaġġar. Fl-assenza tad-Direttur l-għola uffiċjali tas-sezzjonijiet jieħdu ħsieb il-'business' tad-direttorat. L-ebda persuna ma ħadet xi remunerazzjoni relatata f`dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jidħol fil-każ ta' numru żgħir ta' pulizija nisa li qegħdin jaħdmu fuq sistema ta' sigħat imnaqqsa minħabba responsabiltajiet familjali u li ġew infurmati li se jkollhom jibdew jaħdmu s-sigħat kollha? Jista' l-Ministru jara li dawn in-nisa jibqgħu jagħmlu użu minn din il-kundizzjoni ta' xogħol family-friendly?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li saru talbiet minn diversi membri tal-Korp, kif ukoll mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, is-sistema ta` sigħat imnaqqsa qed terġa` tiġi ikkunsidrata sabiex jinstab l-aħjar mod kif din tista` tkun implementata għall-benefiċċju tal-membri, li jixtiequ jaħdmu sigħat imnaqqsa, u dan sabiex ma tkunx ta` detriment kemm għall-membri sħabhom l-oħra kif ukoll għal l-eżiġenzi tal-Korp. Dan dejjem fl-aħjar interess tal-kommunita in ġenerali.
Jista' l-Ministru jispeċifika jekk dak li qal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nmru 36290 u cioe' li l-insinwazzjoni ta' sentenzi mogħtija mill-prim' awla tal-qorti ċivili fir-riġward ta' separazzjonijiet kontenzjużi hija l-għażla tal-partijiet fil-kawża jgħoddx ukoll għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 36604?
Jekk fl-affermattiv, jiġifieri li l-insinwazzjoni ta' l-assenjazzjoni ta' proprjeta' immobiljari wara separazzjoni kontenzjuża hija wkoll l-għażla tal-partijiet fil-kawża, allura ma jaħsibx il-Ministru li dan huwa ta' dannu għas-soċjeta'?
Ma jaħsibx il-Ministru li ladarba l-liġi ċivili tagħna timponi fuq in-natura li jinsinwaw it-trasferimenti ta' immobili li joħorġu minn atti notarili, allura għandu jsir l-istess għat-trasferimenti ta' immobli li joħorġu mil-likwidazzjonijiet ta' separazzjonijiet kontenzjużi?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex diġa' qed isir? Jekk dan ma huwiex qed isir, ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir kordinazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja biex jibda jiġi impost li assenjazzjonijiet ta' immobbli wara separazzjoni kontenzjuża jiġu insinwati?
Response (BORG, TONIO)
Iva, l-insinwazzjoni ta` separazzjonijiet kontenzjużi ma hija qatt rikjesta mill-liġi u dan lanqas jekk hemm assenjazzjoni ta` proprjeta` immobiljarja bħala konsegwenza.
Wieħed irid jinnota li hi l-liġi innifisha li, sa mis-seklu dsatax, tagħmel din id-distinzjoni bejn, fuq naħa waħda insinwa t`atti notarili, u fuq in-naħa l-oħra l-insinwa ta` sentenzi li jġibu trasferiment ta` proprjeta` immobiljarja.
Fil-fatt m`hemmx liġi speċifika li tirregola l-insinwazzjonijiet ta` separazzjonijiet. Li jiġri f`dan il-każ hu li jiġi applikat l-Artikolu 239 tal-Kodiċi t`Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili liema artikolu jirregola kull insinwazzjoni ta` sentenza li għandha x`taqsam ma` proprjeta` immobiljarja kemm jekk hi waħda ta` separazzjoni kemm jekk le.
Għalkemm teżisti koordinazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent, u dak tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali, din il-koordinazzjoni qatt ma tista` twassal għat-tneħħija tad-distinzjoni fuq imsemmija ġaladarba il-liġi hekk tirrekjedi.
Jista` l-Ministru jgħid jekk xi vetturi tal-protezzjoni ċivili kinux din is-sena involuti f'inċidenti tat-traffiku? Jekk iva, kemm-il darba u kemm swew biex ittranġaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 8 vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kienu involuti f`inċidenti tat-traffiku. Fi 3 każi il-ħsara kienet negliġibbli, f`2 każi id-danni ġew imħallsa minn terzi, filwaqt li fit-3 każi l-oħra l-ispejjeż biex jissewwew huma ta` Lm30, Lm300 u Lm6,000 rispettivament.