Jista' l-Ministru jgħid, għalkemm huwa aċċettat li l-iskejjel tal-Knisja jitolbu donazzjonijiet mill-ġenituri, għaliex ma jintqalx fiċ-ċirkolari mibgħuta lill-ġenituri li dawn huma volontarji? Jaf il-Ministru li skola minnhom (dettalji tagħha under separate cover) f'dawn il-ġranet bagħtet ċirkulari lill-ġenituri fejn talbithom Lm 90 kull term u talbithom ukoll biex jekk jista' jkun iħallsu s-somma ta' sena kollha f'daqqa? Ma jaħsibx il-Ministru li metodu bħal dan la huwa ġust u wisq aktar ma jħallix lok għall-volontarjeta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Minkejja kif tkun formulata ċirkulari jew oħra, il-ġenituri għandhom dritt jeżiġu li d-donazzjonijiet huma volontarji.
Mindu beda jopera l-MCAST, kemm kien hemm studenti istitut b'istitut li bdew xi kors u ma komplewx sena b'sena? X'tip ta' monitoring qed isir għar-rata u n-natura ta' drop-outs fl-MCAST? Qed jittieħdu xi passi biex ir-rata tonqos? X'passi qed jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nixtieq ninforma l-Onor. Membru li mindu beda jopera l-MCAST in-numru ta' studenti li bdew il-kors u ma komplewx sena b'sena qed jidher hawn taħt:
Institutes 2001 2002
Institute of Electrical and
Electronics Engineering 21 26
Institute of Building and
Construction Engineering 63 54
Institute of Information and
Communication Technology 17 40
Institute of Business and
Commerce 57 48
Institute of Art and Design 20 32
Maritime Institute 4 -
TOTAL 182 200
Informat li il-monitoring li qed isir għar-rata u n-numru ta' drop outs fl-MCAST huwa li l-Istituti jirreġistraw l-attendenza ta' l-istudenti kuljum u din tintbagħat kull xahar lir-Reġistratur tal-Kulleġġ. Mill-attendenza wieħed ikun jista' jara jekk kienx hemm każi ta' assenzi fit-tul u/jew riżenji. Fejn jindunaw li n-numru ta' studenti jkun jonqos b'mod mhux normali, jiġu eżaminati ċ-ċirkostanzi li jkollhom x'jaqsmu mal-kors u tittieħed l-azzjoni xierqa, ngħidu aħna billi l-kors jingħata struttura ġdida. Hemm maħsub li fil-futur qarib, tiġi ntrodotta sistema elettronika biex tkun aktar faċli li l-managers jew diretturi ta' l-Istituti jkollhom l-informazzjoni meħtieġa f'waqtha.
X'azzjoni qed tittieħed
Hemm ħafna raġunijiet differenti li jistgħu jwasslu lil student jitlaq mill-kors. Hemm każi li l-Kulleġġ ma jkollu ebda kontroll fuqhom, u għalhekk ma jkun jista' jagħmel xejn dwarhom. Ngħidu aħna, ġieli l-apprendisti jiġu offruti impjieg full-time qabel jispiċċaw l-apprendistat. Problemi oħra jistgħu jinqalgħu meta:
i) Studenti jidħlu f'korsijiet li ma jkunux addattati għalihom:
Azzjoni meħuda:
a) żdiedu sostanzjalment in-numru u l-varjeta' ta' korsijiet offruti partikolarment fil-livelli l-aktar bażiċi. Ngħidu aħna, fl-2001 in-numru ta' korsijiet offruti mill-Kulleġġ kien ta' 32; fl-2003 dan tela' għal 60;
b) sar assessment aħjar ta' l-abilitajiet u l-attitudnijiet ta' l-applikanti għall-korsijiet ta' livell bażiku, u ġie identifikat u pprovdut is-support meħtieġ;
c) qabel saret ir-reġistrazzjoni ngħataw pariri u gwida aktar estensivi permezz ta' taħdidiet lill-guidance teachers, lill-istudenti u lil-ġenituri u bil-ħruġ ta' prospectus u couse leaflets li kienu aktar informattivi u aktar faċli biex jiftehmu minn dawk ta' snin oħra;
ii) Studenti jiltaqgħu ma' diffikultajiet fil-kors:
Azzjoni meħuda:
a) għajnuna akbar fil-ħiliet bażiċi (tagħlim tal-Malti, Ingliż, Matematika u IT);
b) metodi ta' tagħlim u ta' assessment li jiffukaw aktar fuq il-bżonnijiet ta' l-istudenti;
c) programmi aktar estensivi ta' żvilupp u taħriġ ta' l-istaff;
d) ftuħ ta' librerija ġdida u żvilupp ta' learning resource centre biex jgħinu lill-istudenti fl-istudji tagħhom;
e) servizz ta' facilitators għall-istudenti b'diżabilitajiet fiżiċi jew li għandhom bżonn ta' għajnuna speċjali fit-tagħlim.
iii) Studenti jkunu għaddejjin minn problemi personali:
Azzjoni meħuda:
Is-servizz ta' counselling ġie msaħħaħ u mogħti aktar pubbliċita'. Is-servizz ta' counselling tal-Kulleġġ qed jaħdem mill-qrib ma' organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi simili.
Dawn is-servizzi se jkomplu jiġu mtejba u żviluppati skond ma jitolbu l-ħtiġijiet ta' l-istudenti.
Kemm kien hemm persuni jaħdmu f'Għawdex f'Awwissu 2002? F'liema oqsma? Kemm kien hemm persuni jaħdmu f'Għawdex f'Awwissu 2003? F'liema oqsma? Kemm kien hemm nies bla xogħol f'Għawdex f'Awwissu 2002? Kemm kien hemm nies bla xogħol f'Għawdex f'Awwissu 2003? Jista' f'kull każ jagħti l-istatistika bl-eta' u kemm minnhom irġiel u kemm nisa?:
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-informazjoni li għandha il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħruġ (mill-engagement u termination forma), f'Għawdex f'Awissu 2002 kien hemm 8,364 persuna jaħdmu full-time, filwaqt li f'Ġunju 2003 kien hemm 8,320 persuna jaħdmu full-time.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Kemm kien in-numru ta' rapporti li ressqu s-safety officers fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern minn Jannar sal-lum? F’liema skejjel f'Malta u Għawdex separatament ? Kemm minnhom ġew milqugħa u saru x-xogħlijiet u f’liema skejjel u kemm għadhom pendenti u fliema skejjel ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-Health and Safety Teachers fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Gvern, li, minbarra numru ta’ lezzjonijiet taghhom, ghandhom l-inkariku li jippromwovu l-elementi ta’ sahha u sigurta` fl-iskejjel, ressqu dawn it-talbiet :
Malta Għawdex
Primarji 66 11
Sekondarji 31 2
Informat ukoll li l-problemi indikati jiġu indirizzati fuq direzzjoni tal-Perit tad-Dipartiment. Uħud mix-xogħolijiet saru mis-sezzjoni tal-Maintenance tad-Diviżjoni, waqt li oħrajn jigu indirizzati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Id-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni issegwi dan il-proċess li hu kontinwu.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2474 u ċioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġiferi fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba tat-3 ta' Novembru, 2003 li tajt għal mistoqsija numru 2474.
Jista' il-Ministru jgħid x'jiġri jekk student li jkun irid jibda l-NCC course ma' jsibx sponsor? Kif tista' tgħin l-ETC f'każi bħal dawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-kors tal-National Computer Centre jaqa taħt it-Traineeship Scheme. Parteċipanti f'din l-iskema jattendu għal taħriġ teoretiku fi stabiliment ta' taħriġ vokazzjonali u taħriġ prattiku ma' employer fejn huma jipprattikaw u jakkwistaw ħiliet prattiċi relatati mal-kors. Għaldaqstant jekk persuna ma jkollux employer ma' tkunx tista' tipparteċipa bi sħiħ fil-programm u ma' titħalliex tipparteċipa fl-iskema.
Min-naħa tagħha l-ETC tgħin lil dawk kollha li japplikaw magħha biex issibilhom impjieg billi tirreferi d-dettalji ta' l-applikanti lill-employers interessati, b'dawn ta' l-aħħar jgħazlu lil min jixtiequ huma.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 2482, ninforma lill-Ministru li kont qed nirreferi għall-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-Prospektus 2003-2004, fl-MCAST hemm kors wieħed li jismu 'Ċertifikat Bażiku fin-Negożju' (Foundation Certificate in Business).
Filwaqt li kull min spiċċa l-iskola obbligatorja jista' japplika biex jidħol f'dan il-kors, l-Istitut f’dan l-istadju ta’ żvilupp għandu limitazzjonijiet .
Għaldaqstant ġejt informat li għad hemm 30 student fil-waiting list biex jidħlu fil-kors.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1001, jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni dwar ħaddiema barranin li kienu qed jaħdmu ilegalment kif spjegat fl-istess mistoqsija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Compliance Unit ta' l-E.T.C. ma tidħolx fil-mertu ta' kemm jitħallsu l-ħaddiema, la dawk barranin u lanqas dawk Maltin. Dan huwa kompitu tad-Dipartiment ta' l-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali. Dwar il-kummenti li saru fuq Capital Radio, ma rriżultax min kien il-kuntrattur, il-post u meta saret din l-allegazzjoni li saret riferenza għaliha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm mature students fl-Unisversita' jew istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja u jagħti dettalji? Xi kriterju jintuża biex jiġu ammessi fl-Universita' tali studenti u f'liema korsijiet jistgħu jidhru dawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikanti maturi jistgħu jkunu ikkunsidrati għal dħul f'kull kors l-Universita' jekk, għalkemm ma jkollhomx il-kwalifiki normalment meħtieġa (Ċertifikat tal-Matrikola), ikollhom 23 sena sal-bidu tal-kors u għandhom il-kapaċita' intellettwali neċessarja biex isegwu l-kors ta' studju kkonċernat bi profit. Informat ukoll li l-evalwazzjoni ta' applikanti bħal dawn issir permezz ta' intervista u/jew test bil-miktub mill-Fakulta' li toffri il-kors partikolari.
Informat li kull sena l-Universita' ddaħħal madwar 400 student/a permezz ta' din ir-regola.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti/adulti ġodda fl-MCAST f'din is-sena skolastika? B'kollox kemm hemm studenti/adulti jsegwu xi kors fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tagħrif li ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija numru 2301.
Kemm kienet il-Youth Labour Supply (16-24 sena) fil-31 ta' Awissu, 2003? Kemm minn dan in-numru ta' żgħażagħ, f'din id-data, kienu tfajliet, u kemm kienu ġuvintur? Kemm kienet il-Labour Supply totali fl-istess ġurnata? Kemm kienu dawk iż-żgħażagħ ta' din l-eta' (maqsumin fi tfaljliet u ġuvintur) mill-Youth Labour Supply li kienu qegħdin jaħdmu f'din id-data?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond l-informazzjoni li għandha il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ fl-aħħar ta' Ġunju 2003, il-Youth Labour Supply (16-24) kien ta' 26,669 li 15,097 kienu rġiel filwaqt li 11,572 kienu nisa. In-numru ta' dawk li kienu qegħdin jaħdmu f'Ġunju 2003 kien ta' 24,623 li 13,691 kienu rġiel filwaqt li 10,932 kienu nisa.
Youth Labour Supply — Ħaddiema mal-Gvern u Korpi Gorvernattivi
Question
Kemm mill-Youth Labour Supply (16-24 sena) fit-31 ta' Awissu, 2003 (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) kienu qegħdin jaħdmu mal-Gvern u Korpi Governattivi; fil-manifattura, turiżmu, servizzi finanzjarji, servizzi oħra, bejgħ (retail), kostruzzjoni, biedja, sajd, setturi oħrajn? Liema kienu l-aktar għaxar (10) xogħlijiet (Occupations) li kienu jaħdmu fihom dawn iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur)? Kemm kienu ż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) mill-Youth Labour Supply li kienu/huma self-employed? F'liema oqsma kienu/huma jaħdmu bħala self employed? Kemm kien hemm żgħażagħ ta' l-eta' msemmija (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu qegħdin fi skema ta' apprendistat fid-data msemmija? Liema kienu dan l-iskemi, u kemm kien hemm f'kull skema (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur)?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ fl-aħħar ta' Ġunju 2003, il-Youth Labour Supply (16-24) kien ta' 26,669 li 15,097 kienu rġiel filwaqt li 11,572 kienu nisa. Mehmuż issib tabelli li juru il-labour supply għal dawn iż-żgħażagħ f'irġiel, nisa u total. It-tabelli juru wkoll f'liema settur kienu qed jaħdmu jekk kienux self-employed, jekk jaħdmux fis-settur privat jew jekk jaħdmux fis-settur pubbliku.
Tabella B turi liema kienu x-xogħolijiet li kienu jaħdmu fihom dawn iż-żgħażagħ maqsumin f'irġiel u nisa. It-tabella turi wkoll kemm kien hemm apprendisti rġiel u nisa f'kull skema li diġa' qed jagħmlu it-taħriġ tagħhom fil-post tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) mill-youth labour supply li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fil-31 ta' Awissu, 2003? Liema kienu dawk ix-xogħlijiet li kienu qed jirreġistraw għalihom iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) bla xogħol? X'kien il-livell edukattiv ta' dawk iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm kien hemm żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal aktar minn sitt xhur u x'kien il-livell edukattiv tagħhom? Kemm kien hemm żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal mill-anqas sena u x'kien il-livell edukattiv tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond l-informazzjoni li għandha il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ fl-aħħar ta' Ġunju 2003, in-numru ta' żgħażagħ ta' bejn is-16 u l-24 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 2,046 li 1,406 kienu rġiel filwaqt li 640 kienu nisa.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru għal liema xogħol kienu qed jirreġistraw, x'livell ta' edukazzjoni kellhom u kemm kien ilhom jirreġistraw.
Jista' il-Ministru jgħid fl-iskejjel tal-Knisja, mill-kindergarten sas-6 th form, kemm hemm studenti barranin li qed jattendu? Minn fejn huma u f'liema livelli jattendu? Jista' jgħid kemm iħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm hemm studenti barranin li jattendu skejjel indipendenti? F'liema livelli u minn fejn huma? X'inhu l-ħlas li dawn jintalbu?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1542, ngħarraf lill-Ministru li kont qed nagħmel referenza għal-eżami tar-Reliġjon fil-livell SEC ta' Mejju/Ġunju li għadda u għaldaqstant jista' il-Ministru jwieġeb f'dan is-sens?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fir-riżultati ta' l-eżami ta' Mejju tar-Reliġjon fil-livell tas-SEC ġew ippublikati disa' (9) riżultati ħżiena, li kienu fi blokk wieħed, minħabba żball aċċidentali tal-computer. Dawn l-iżbalji kienu rranġati qabel ma ntalbet reviżjoni tal-karti mill-kandidati konċernati. Kien hemm ukoll ħames (5) żbalji aċċidentali tal-computer fl-eżami ta' Mejju tal-Malti fil-livell tas-SEC.
Meta wieħed iqis li wara l-eżamijiet tal-MATSEC ta' Mejju b'kollox ġew ippublikati 62,367 riżultat, l-iżbalji kienu jammontaw għal 0.02 fil-mija tar-riżultati kollha.
Marsa — Skola San Ġugħepp Ħaddiem - Riħa ta' drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu sabiex il-problema ta' riħa qawwija kkawżata mid-drenaġġ ħdejn l-iskola San Ġużepp Ħaddiem fil-Marsa tiġi solvuta kompletament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kap Taqsima Infrastruttura tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħa azzjoni mmedjata fuq rapport li rċieva mill-Principal Health Inspector tad-Diviżjoni tas-Saħħa billi spezzjoni is-sit flimkien man-nies tiegħu. Ġie stabbilit li l-irwejjaħ tad-drenaġġ kienu kaġunati minħabba li parti mill-pompi ta' l-ilma tad-drenaġġ fl-arja ta' madwar l-iskola soffrew ħsara minħabba l-maltemp.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ġiet informata b'dan mingħajr telf ta' żmien b'ittra formali biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa b'ħidma u koperazzjoni sħiħa maċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tfal barranin li qed jirċievu l-edukazzjoni tagħhom Malta? Kemm qegħdin fi skejjel tal-Gvern? Kemm f'tal-Knisja u kemm fi skejjel privati?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tagħrif mogħti fil-mistoqsija numru 2058 li weġibt il-bieraħ.
Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti tal-gvern ħarġu sejħiet għall-impjieg minn Jannar 2003 sal-lum? X'tip kien kull impjieg? Kemm f'kull każ applikaw nies u kemm ġew impjegati? Jista' jagħti l-istess tagħrif għall-koperazzjonijiet, aġenzija u kumpanniji li fihom il-gvern għandu sehem?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif li ingħatali dwar dipartimenti u aġenziji pubbliċi li jaqgħu fi ħdan id-dekasteru tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.