B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29117, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub f'dik id-domanda, billi l-informazzjoni li ta fir-risposta hi limitata għal informazzjoni ta' xahrejn partikulari u l-kumplament tad-domanda kif imqiegħda, ma ġietx imwieġba?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ma tista’ żżomm l-ebda records ta’ vetturi bi pjanċi barranin li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni u dan peress li Artikolu 18 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta' vetturi bil-mutur, jistipola li kull vettura rreġistrata f’pajjiż ieħor tista' tiddaħħal u tinstaq f’Malta temporanjament għal perjodu konsekuttiv li ma jkunx jaqbeż seba’ xhur f’perjodu ta' tnax il-xahar, izda l-Ufficjali tal-Pulizija kif ukoll l-Ufficjali ta' l-Awtorita' jwaqqfu dawk is-sidien li l-vetturi tagħhom ma jkunux qegħdin skont ir-regolamenti stipulati u jekk jinstab li dawn mhux konformi allura dik il-vettura tiġi rmunkata.
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar kontravenzjonijiet li twettqu minn vetturi bi pjanċi barranin minn Ottubru 2016 ‘l quddiem jiena nfurmat illi din l-informazzjoni tinsab għand l-Awtoritajiet kompetenti.
Triq minn ħdejn il-breakwater ta’ Buġibba sa ħdejn il-Qawra Palace Hotel – dwal mitfija
Question
Billi jidher li numru sostanzjali ta' dwal matul it-triq li twassal minn ħdejn il-breakwater ta' Buġibba, sa ħdejn il-Qawra Palace Hotel huma mitfija, minħabba xi manutenzjoni jew raġunijiet oħra, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess dwal jiġu mixgħula kemm jista' jkun malajr peress li qed jinħolqu diffikultajiet għal dawk li jgħaddu minn dawk l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-investigazzjoni li għamlu uffiċjali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet irriżulta li n-numru ta’ arbli fi stat ħażin kien ħafna akbar milli oriġinarjament maħsub. Għal dan il-għan ittieħdet deċiżjoni li dawn l-arbli tad-dawl dekorattivi jinbidlu kollha u għall-bidu tas-sena d-dieħla ser tinħareġ sejħa għall-offerti biex isiru oħrajn ġodda minflokom.
L-arbli dekorattivi li nqalgħu ma jistgħux jerġgħu jeħlu għax huma fi stat ta’ deterjorazzjoni, tant li uħud minnhom kienu qed ikunu ta’ periklu għall-pubbliku li juza l-promenade.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' xogħol sar matul l-aħħar jiem, minn ħaddiema ta' Transport Malta (TM), jew minn kuntratturi mqabbda minn TM, biex jagħmlu xogħol fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa? Meta sar dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-aħħar sar xogħol ta’ patching kif ukoll xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bankini.
Front ta’ Buġibba, Toroq dawret il-Gżejjer u Triq il-Qawra – xogħlijiet mill-WSC
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) għamlitx xi koordinazzjoni partikulari mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) biex jiġi koordinat ix-xogħol li l-WSC qed tgħid li trid tagħmel fil-front ta' Buġibba, fit-toroq Dawret il-Gżejjer, u Triq il-Qawra? Jekk iva, meta saret din il-koordinazzjoni? X'tip ta' permessi ngħataw minn TM lill-WSC biex twettaq dan ix-xogħol? Għal liema żmien ingħataw dawn l-istess permessi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma kellha l-ebda talba għall-konsultazzjoni jew ħruġ ta’ permessi mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dawn ix-xogħlijiet.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra – belisha lights mhux jaħdmu
Question
Billi kważi l-belisha lights kollha li hemm madwar San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra mhux qed jaħdmu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fuq dawn il-lights, u x'irriżulta minn dawn l-istess spezzjonijiet? Meta hu mistenni li dawn il-lights jiġu rranġati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li f’Awwissu ta’ din is-sena, il-Belisha lights kollha ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Xemxija saritilhom manutenzjoni, li kienet tikkonsisti fi bdil ta’ arbli, żebgħa, u bdil ta’ bozoz u globi.
Minn spezzjoni li saret il-bieraħ, irriżulta li kien hemm xi dwal li ma kienux qed jiffunzjonaw . Dawn ser jiġu rranġati fil-jiem li ġejjin.
Il-Mosta – Triq l-Antinni – tibdil fid-direzzjoni tat-trasport
Question
Peress li fi Triq l-Antinni, il-Mosta, kienet inbidlet id-direzzjoni tat-traffiku wara li kellha tinbidel ukoll id-direzzjoni tat-traffiku ħiereġ minn Triq il-Waqqafa minħabba r-rotot tat-trasport pubbliku, u peress li issa dawn ir-rotot reġgħu nbidlu u t-trasport pubbliku m’għadux jgħaddi mit-toroq imsemmija, jista’ l-Ministru jintervjeni sabiex tiġi riveduta d-deċiżjoni dwar id-dħul tat-traffiku minn Triq l-Antinni u terġa’ ssir kif kienet oriġinarjament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta qed tistenna l-konsultazzjoni mar-residenti mingħand il-kunsill lokali sabiex tkun tista’ tevalwa din it-talba.
Transport Malta – multi lill-Kumpanija Malta Public Transport għas-servizz ħażin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm waħħlet multi Transport Malta għal servizz ħażin lill-kumpanija Malta Public Transport, xahar b'xahar, matul l-2014, l-2015 u l-2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 24225. F’din it-tweġiba kont spjegajt fid-dettal id-differenzi hekk kif jiġu applikati l-penali fil-kuntratt il-ġdid li ġie iffirmat fit- 8 ta’ Jannar 2015 u kif kienu japplikaw qabel. Kif kont spjegajt fl-istess tweġiba, il-proċedura hekk kif applikata taħt il-kuntratt il-ġdid qed tħalli riżultati pożittivi hekk kif l-operatur tat-trasport pubbliku qiegħed jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex in-nuqqasijiet innutati jiġu rranġati fil-ħin stipulat u għaldaqstant, jitjieb il-livell tas-servizz.
Fl-istess tweġiba kien ukoll ġie spjegat li, bħal ma’ kien ġara fil-kuntratt li kien ġie ffirmat mall-kumpanija Arriva, il-kuntratt il-ġdid kien jikkontempla perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ meta bdew japplikaw il-penali. Għaldaqstant, nuqqasijiet li kienu jirrigwardjaw saħħa u sigurta’ bdew jiġu notifikati mill-1ta’ Ottubru 2015, filwaqt li nuqqasijiet oħra, bl-esklużjoni ta’ puntwalità u affidabbilità, bdew jiġu notifikati mill-1 ta’ Jannar 2016.
L-applikazzjoni tal-penali f’dak li jirrigwardja l-puntwalità u l-affidabilità tas-servizz bdew jiġu applikati mill-1 ta’April 2016. Dan minħabba l-problemi industrijali li iffaċċa ruħu magħhom l-operatur tat-trasport pubbliku, fejn in-network il-ġdid kellu jiġi introdott aktar tard milli kien ippjanat u kien biss għall-aħħar ta’ Diċembru 2015 li l-maġġoranza tan-network il-ġdid seta’ jiġi introdott. Dan fisser li l-operatur tat-trasport pubbliku kellu bżonn perjodu ta’ żmien sabiex ikun jista’ jiffamiljariżża ruħu mar-rotot il-ġodda qabel ma’ jiġi espost għall-multi marbuta ma’ puntwalità u affidabilità.
Tajjeb li wieħed jinnota li taħt il- kuntratt il-ġdid jiġu mkejla l-puntwalità kif ukoll l-affidabilità filwaqt li taħt il-kuntratt preċedenti kienet tiġi mkejla l-puntwalita’ u dak li kien magħruf bħala Maximum Waiting Time, jew kemm persuna iddum tistenna sabiex taqbad il-vjaġġ tagħha. Għaldaqstant, anke hawn kien hemm tibdil ta’ kif jiġi mkejjel is-servizz. Fir-rigward ta’ puntwalità, l-penali jiġu applikati fuq dawk il-vjaġġi li jkunu operaw tard, b’tolleranza sa massimu ta’ 10 minuti, liema tolleranza tiddependi fuq il-frekwenza tar-rotta. Fir-rigward ta’ affidabilità, l-penali jibdew japplikaw wara li tiġi applikata t-tolleranza tal-vjaġġi li ma’ sarux hekk kif kontemplat fil-kuntratt.
Il-penali li ġew applikati fis-snin 2014, 2015 u 2016 huwa hekk kif ġej:
Sena
Valur
2014
€109,025
2015
€4,600
2016
€135,520
Il-figuri għas-sena li qegħdin fiha jirriflettu penali li inħarġu lill-operatur tat-trasport pubbliku fuq l-andament tas-servizz sa’ Ottubru 2016.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28354, jista’ l-Ministru jgħid x’irriżulta mill-investigazzjoni li qal li kienet qed tagħmel Transport Malta dwar l-aħħar vjaġġ tal-10.25pm tal-linja 72 li ma sarx fil-25 ta’ Settembru 2016? Jista’ jgħid x’azzjoni ttieħdet kontra l-operatur, dwar dan in-nuqqas ta’ servizz essenzjali tal-aħħar vjaġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saret l-investigazzjoni neċessarja, rriżulta li x-xufier ma’ għamilx il-vjaġġ hekk kif kien skedat. Infurmat ukoll li ttieħdu passi dixxiplinarji kontra dan ix-xufier mill-operatur tat-trasport pubbliku f’dan ir-rigward.
Hekk kif ġie spjegat fit-tweġibiet li ingħataw għall-mistoqsijiet parlamentari bin-numru 24225 u 29165, penali li jirrigwardjaw l-affidabilita tas-servizz jiġu kkalkulati fuq medda ta’ xahar u dan wara li tiġi applikata t-tolleranza hekk kif kontemplat fil-kuntratt.
Infurmat ukoll illi fix-xahar ta’ Settembru ma’ ġewx applikati penali fuq din ir-rotta u dan minħabba li t-tolleranza hekk kif stipulata fil-kuntratt ma’ nqabżitx.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28355, partikolarment l-aħħar paragrafu, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel l-operatur meta jkun hemm karozzi tal-linja li jkunu nvoluti f’inċidenti jew li jieqfu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-kuntratt li gie iffirmat bejn Transport Malta u l-Malta Public Transport, f’każi bħal dawn l-Operatur tat-Trasport Pubbliku irid jibgħat karozza tal-linja oħra sabiex din tkompli bil-vjaġġ.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28356, partikolarment l-aħħar paragrafu, jista’ l-Ministru jgħid x’irriżulta mill-investigazzjoni li qal li kienu qed jagħmlu Transport Malta u l-operatur dwar il-vjaġġ tal-linja 72 li ma bediex mill-Qrendi imma beda minn lokalità oħra? Jista’ jgħid liema kienet il-lokalità minn fejn beda dak il-vjaġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li x-xufier li kellu jagħmel il-vjaġġ tat-8:42 ta’ filgħodu beda mil-lokalita’ ta’ Ħal- Luqa minflok mill-Qrendi.
Jista’ l-Ministru jgħid l-aħħar vjaġġ tal-karozza tal-linja numru 73 mill-Belt għal Bubaqra, iż-Żurrieq, li suppost telaq fit-8.10pm, sarx realment il-Ħamis 24 ta’ Novembru 2016?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni miġbura minn fuq is-sistema tal-GPS li bihom huma mgħammra l-karrozzi tal linja, jirriżulta li l-vjaġġ li kien skedat li jitlaq nhar l-24 ta’ Novembru 2016, fit-08:10 ta’ filgħaxija telaq mil-Belt Valletta fit-08:11 ta’ filgħaxija, jiġifieri minuta tard.
Rotta 72 — vjaġġi tal-karozza tal-linja – ħin tat-tluq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħin effettivament telqu l-vjaġġi tal-karozza tal-linja numru 72 mill-Qrendi matul in-nofstanhar ta’ filgħodu tal-Ħamis 10 ta’ Novembru 2016?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħinijiet tat-tluq tal-vjaġġi tal-karozza tal-linja bin-numru 72 mill-Qrendi, matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu tal-Ħamis 10 ta’ Novembru 2016 huma hekk kif ġej:
Data
Rotta
Numru tal Vettura
Lokalita
Skedat
Hin tat-Tluq
10/11/2016
72
398
Qrendi
05:20
05:20
10/11/2016
72
383
Qrendi
06:00
06:00
10/11/2016
72
655
Qrendi
06:20
06:24
10/11/2016
72
398
Qrendi
06:40
06:47
10/11/2016
72
149
Qrendi
07:00
07:06
10/11/2016
72
142
Qrendi
07:20
07:37
10/11/2016
72
384
Qrendi
07:40
07:40
10/11/2016
72
418
Qrendi
08:00
07:59
10/11/2016
72
144
Qrendi
08:20
08:21
10/11/2016
72
85
Qrendi
08:40
08:39
10/11/2016
72
666
Qrendi
09:00
08:59
10/11/2016
72
142
Qrendi
09:20
09:19
10/11/2016
72
418
Qrendi
09:40
09:40
10/11/2016
72
144
Qrendi
10:00
10:00
10/11/2016
72
655
Qrendi
10:20
10:22
10/11/2016
72
666
Qrendi
10:40
10:38
10/11/2016
72
142
Qrendi
11:00
11:00
10/11/2016
72
92
Qrendi
11:20
11:19
10/11/2016
72
144
Qrendi
11:40
11:43
10/11/2016
72
655
Qrendi
12:00
11:59
Din l-informazzjoni hija migbura mill-GPS li hemm installata fuq kull karozza tal-linja.
Infurmat ukoll li Transport Malta qegħda tinvestiga jekk il-vjaġġ li kellu jsir fil-05:40 ta’ filgħodu sarx.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward tindif ta’ għalqa fiż-Żejtun, li r-ritratti tagħha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi qed issir verifika min hu s-sid ta’ din l-art. Sadanittant sabiex jitneħħa l-inkonvenjent lir-residenti tal-madwar, sar tindif max-xifer ta’ din l-għalqa.
Jista’ l-Ministru jara li jitwaqqaf stage għall-karozzi tal-linja fi Triq Luqa, Paola, Tarxien fejn jgħaddu l-X3, l-X2 u l-83 peress li t-triq hi wiesgħa u jista’ jsir shelter?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jiġi stallat bus stop fiż-żona ta’ madwar l-Iskola St. Dorothy ġewwa Ħaż-Żebbuġ, minn fejn tgħaddi r-rotta 109, u dan sabiex ir-residenti taż-żona ma jkollhomx għalfejn jimxu saż-żona tal-pjazza biex jieħdu din ir-rotta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.
Mosta — Triq il-Kbira salib it-toroq ma Triq il-Kostituzzjoni - pelican lights
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li jsiru pelican lights f'tarf ta' Triq il-Kbira salib it-toroq ma' Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta, peress li din it-talba qed issir sabiex ladarba diġà hemm zebra crossing it-traffiku ma jkunx imwaqqaf kontinwament hekk kif ikun hemm kultant persuni li jkunu qed jaqsmu it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta talbet lill-Kunsill Lokali iżjed kjarifiki rigward din it-talba f’Novembru li għadda. L-Awtorita’ qed tistenna risposta mingħand l-istess Kunsill.
Mosta — Triq Valletta - xogħol ta' twessigħ tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jsir ix-xogħol li permezz tiegħu titwessa' t-triq ta' madwar ir-roundabout li hemm f'tarf Triq Valletta Mosta hekk magħrufa bħala r-roundaboutta' Kinds peress li din it-talba qed issir sabiex ir-roundabout tiċkien u tkun tista' tippermetti li madwarha jkun hemm two lane għal vetturi li jkunu jistgħu jgħaddu u jsuqu bil-mod u ferm aħjar milli qed isir fil-preżent?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġeriment se jiġi kkunsidrat mal-pjanijiet għal introduzzjoni ta’ roundabout ġdida fil-viċinanzi, liema xogħlijiet huma mistennija jibdew wara li jitlestew x-xogħlijiet tal-Proġett tal-Kappara.
Mosta — Vjal Indipendenza salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna - traffic lights
Question
Jista' l-Ministru jara li fi Vjal Indipendenza fil-Mosta salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna jsiru traffic lights u sakemm isiru dawn it-traffic lights isiru rubber bollards fl-istess Vjal Indipendenza f'salib it-toroq ma' Triq il-Mitħna peress li din it-talba qed issir sabiex jitnaqqas in-numru ta' inċidenti ta' traffiku li qed iseħħu minħabba li jkun hemm karozzi li jaqsmu mit-Triq il-Mitħna għan-naħa l-oħra opposta fl-istess triq fi Vjal Indipendenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din it-talba ser tigi investigata minn Transport Malta minħabba li Triq Pantar ġiet miftuħa għat-traffiku u għalhekk l-ammont ta’ vetturi li joħorġu minn Triq il-Mitħna għal Vjal l-Indipendenza, naqas konsiderevolment.
Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku salib it-toroq ma' Vjal Indipendenza - twessigħ fil-wesa' tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex jara li jsir xogħol li permezz tiegħu jkun hemm twessigħ fil-wesa' tat-triq li hemm madwar ir-roundabout li hemm f'tarf ta' Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta, salib it-toroq ma' Vjal Indipendenza peress li din it-talba qed issir sabiex ikun hemm twessiegħ fit-triq ħalli mar-roundabout ikunu jistgħu jgħaddu żewġ karozzi u hekk it-triq madwar ir-roundabout tiġi two-lane?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet nota ta’ dan is-suġġeriment.
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex jara li titneħħa siġra li hemm fuq il-pont ta' Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta, tali siġra qed tagħmel il-ħsara fil-binja tal-istess pont?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.