Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet fir-rigward ta' l-inkonvenjent fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li qed tagħmel il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
L-inkonvenjent fl-imsemmi fond huwa minħabba tnixxija ta' ilma (water seepage) li qed tidħol ġo dan il-fond. Meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha dan l-ilment xi ftit taż-żmien ilu, mill-kampjun ta' l-ilma li nġabar irriżulta li dan kien ilma tax-xita u mhux tax-xorb u b'hekk waqfet l-investigazzjoni. Meta uffiċjali tal- Korporazzjoni reġghu marru fuq il-post, ma kienx hemm biżżejjed ilma biex jerġa' jittieħed kampjun. Il-Korporazzjoni qed iżżomm kuntatt mar-residenti biex jekk dan l-ilma jiżdied, jerġghu jsiru testijiet biex ikomplu jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Jista' il-Ministru jgħid meta xi darba tista' tiġi solvuta l-problema tad-drenaġġ li ilha tbati minnha għal dawn l-aħħar sentejn il-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li qed jidħlilhom id-drenaġġ fil-kamra tas-sodda fejn torqod tifla b'diżabilita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li diġa tajt lilu stess għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 2090.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1985 li għamilt dwar ħruġ ta' drenaġġ fi Triq il-Pont, fil-Mosta, jista' il-Ministru jinformani bis-sitwazzjoni llum u x'ikkawża l-ħsarat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li wara li ġiet imnaddfa is-sistema tad-drenaġġ mill-ġebel li nġarr mill-maltemp, is-sitwazzjoni ġiet għan-normal u l-fawran waqaf.
Jista' il-Ministru jgħid hux veru li qed tinbena jew diġa' inbiet substation ta' l-elettriku wara l-klabb tal-boċċi ta' Ħal Qormi San Ġorġ, f'area li issa qed tiġi żviluppata għal bini? Jekk iva, ma jidhirlux li din mhix area addattata għal substation, meta hija area li ħafna drabi tegħreq bil-wied u allura tista' tkun ta' periklu serju għan-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Is-substation ta' l-elettriku li saret wara l-klabb tal-boċċi ta' Ħal-Qormi San Ġorġ, ġiet integrata fil-bini privat stess li nbena biex dan ikun jista' jingħata jingħata l-elettriku skond ir-regolamenti għall-provvista ta' l-elettriku jiġifieri l-Electricity Supply Regulation. Ma jirriżultax li jekk is-substation tegħreq din tista' tkun ta' periklu serju għan-nies.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2703, jista' il-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-azzjoni li qed tittieħed u kemm hu previst li ddum is-sezzjoni sabiex issolvi l-problema ta' drenaġġ fi Triq Wileġ San Lawrenz u Corner Street, f'San Lawrenz, Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bdiet tinvestiga l-kondizzjoni tas-sistema tad-drenaġġ fi Triq Wileġ, San Lawrenz biex tara jekk hemmx bżonn estensjoni mas-sistema eżistenti. Jekk jinstab li hemm bżonn estensjoni, din ser issir fi żmien sitt xhur.
Fil-każ ta' Corner Street, San Lawrenz hemm bżonn li ssir fossa (cesspit) b'pompa awtomatika biex tilqa u tmexxi d-dranaġġ ta' l-inħawi. Il-Korporazzjoni bi ħsiebha tibda u tlesti dan il-boosting station is-sena d-dieħla (i.e. 2004).
Gżira — Triq Upper St. Albert - xogħlijiet mill-Maltacom
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex ħofra li saret tliet ġimgħat ilu waqt xogħlijiet fi Triq Upper St. Albert (in-naħa ta' Taljana lane) fil-Gżira in konnessjoni ma' servizzi tal-Maltacom, baqgħet miftuħa sal-lum b'periklu għall-pubbliku in ġenerali?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jinvestiga r-rapporti li waslu għandi dwar il-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li b'mod regolari llegalment qegħda toħroġ laħmijiet u l-gazzetti ta' kuljum b'mod regolari? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu sabiex dan l-abbuż jieqaf?
Response (GATT, AUSTIN)
Ir-rapport qed jiġi nvestigat. Naċċerta lill-Onorevoli Membru li jekk jinstab li sar xi abbuż jittieħdu passi dixxiplinari kontra l-impjegat skond il-Ftehim Kollettiv.
Jista' il-Ministru jgħid fejn hemm talbiet mill-kunsilli lokali ta' Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Marsa, Sta. Luċija u l-Gudja biex isiru bozoz ġodda fil-lokalita' tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbilta ta' twaħħil ta' lampi ġodda ġiet delegata lill-Kunsilli Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li fihom twaħħlu bozoz ġodda fil-lokalita' ta' Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Marsa, Sta. Luċija u l-Gudja?
Response (GATT, AUSTIN)
It-toroq li fihom twaħħlu bozoz ġodda fl-irħula msemmija f'dawn l-aħħar tliet snin huma dawk murija fid-dokument anness li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Barra minnhekk ninforma lill-Onorevoli Membru illi it-tidwil tat-toroq fil-lokalitajiet msemmija ġie delegat lill-Kunsilli Lokali rispettivi f'Marzu ta l-2003.
Jista' il-Ministru jara li l-kont tad-dawl u l-ilma ta' koppja anzjani - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - jiġi ċċekkjat sewwa minħabba li huma qed jgħidu li qed jiġi għoli ħafna?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2089.
Jekk il-klijent iħoss li jrid jittestja l-meter jista' jagħmel dan billi jagħmel talba diretta. Huwa mportanti ħafna li wieħed jara li l-istallazzjoni tiegħu tkun tajba, għax ħafna drabi ma jkunx il-meter il-problema tal-kontijiet għoljien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem tal-Maltapost reġa' ġie trasferit mal-gvern wara l-ftehim li kien sar ftit xhur ilu? Kemm huwa n-numru totali li se jmorru lura mal-gvern? F'liema dipartimenti marru?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li n-numru totali ta' ħaddiema tal-Maltapost li reġgħu ġew trasferiti mal-gvern wara l-ftehim ta' ftit xhur ilu huwa ta' tmenin. Dan jista' jilħaq massimu ta' mija u sittin.
Il-ħaddiema li reġgħu lura mal-gvern ġew allokati f'diversi dipartimenti. Fir-rigward ta' l-aħħar parti tal-mistoqsija , dan it-tagħrif jista' jinkiseb mil-Management and Personnel Office fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jara s-sitwazzjoni tal-post il-ġid tal-Maltapost f'Naxxar Road Ħal-Lija, wara li rċevejt diversi lmenti minn ħaddiema dwar il-kondizzjoni fejn ġew trasferiti sitt taqsimiet tal-Posta, fosthom dawk tan-Naxxar, ta' Birkirkara, Ħal-Balzan, eċċ? Jaf il-Ministru li hemm mal-mitt ħaddiem jaħdmu hemm hekk f'bini twil qisu maħżen fejn m'hemmx tieqa waħda u l-uniku ftuħ huwa l-bieb ta' barra? Għalkemm jidher li hemm apparat għall-arja kundizzjonata dan mhux imqabbad minkejja li l-ħaddiema ilhom jaħdmu fil-post mat-tliet ġimgħat? Jista' jara li ssir xi ħaġa malajr biex tittaffa din il-problema?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-Hub il-ġdid tal-Maltapost f'Ħal-Lija, li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, ġie ċertifikat minn inġinier kompetenti bħala tajjeb mill-perspettiva ta' saħħa u sigurta'. In-numru totali ta' ħaddiema li se jkun hemm f'dan il-Hub huwa ta' sittin.
Jien infurmat ukoll li l-apparat ta' l-arja kundizzjonata f'dan il-Hub qed jiffunzjona b'mod sodisfaċenti.
Kunsilli lokali — Computers għat-tħaddim ta' l-e-government
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw computers lil kull kunsill lokali għat-tħaddim ta' l-e-government? X'kien l-użu ta' dawn il-computers minn mindu bdew jitħaddmu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' kompjuters mogħtija lil kull Kunsill Lokali jvarja minn wieħed sa massimu ta' erba kull kunsill. L-allokazzjoni saret skond il-popolazzjoni tal-belt jew raħal. It-tabella mehmuza tindika il-lokitajiet kollha u n-numru ta' kompjuters mogħtija lil kull belt u raħal.
L-uzu ta' dawn il-kompjuters kien wieħed tajjeb b'ammont sostanzjali ta' residenti jagħmlu użu mill-kompjuters biex jinqdew bis-servizzi ta' l-e-government kif ukoll biex jagħmlu użu mill-Internet u l-email.
Ministeru għat-Teknoloġija ta' l -Informazzjoni — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2628 u 2740, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2743 u cioe' jista' jgħid kemm hemm ħaddiema taż-żewġ tarznari li huma preżentement mislufa lill-:- a) ministeri; b) dipartimenti tal-gvern; c) kumpanniji parastatali; d) awtoritajiet?
Jista' jagħti breakdown ta' dan b'riferenza għall-grades li għandhom? Kemm minnhom jagħmlu parti mid-900 impjegat li mhux se jibqgħu fuq il-kotba tat-tarzna?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Power Station tal-Marsa — Pollution emission report
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2711 u cioe' jista' jgħid jekk f'dawn l-aħħar snin sarx xi pollution emission report dwar il-power station tal-Marsa? Jekk iva, jista' jqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra u/jew għall-inqas jippubblika executive summary tal-konklużjonijiet tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li f'Marzu ta' l-2003 sar rapport kif rikjest mir-Regolamenti dwar 'Integrated Pollution Prevention and Control', u mgħoddi lil MEPA.
Is-Sezzjoni tar-rapport li tittratta dwar il-Power Station tal-Marsa qed titqiegħed fuq il-mejda.
Enemalta — Residenza li qed issofri ħsarat fis-sistema elettrika
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq ir-rapport dwar ħsarat minħabba surge fid-dawl tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-każ ta' surge fir-residenza li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament qed jiġi mistħarreġ u għandu jiġi konkluż fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru jara li jerġa' jitwaħħal il-meter ta' l-ilma fl-indirizz li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li minn mindu sar is-servizz baqgħu mingħajr ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li l-indirizz li għalih saret referenza hu ta' block ta' tlett appartamenti li oriġinarjament kien propjeta' tas-Servizzi Ingliżi.
Sussugwentament, il-Gvern ta' dak iż-żmien kien alloka dawn l-appartamenti mingħajr ma ħa ħsieb jara li kull appartament ikollu l-meter ta' l-ilma tiegħu. Fil-fatt, għalkemm kull appartament għandu meter ta' l-elettriku separat, kien hemm servizz ta' l-ilma wieħed għall-blokk kollu u skond il-kotba tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma dan is-servizz kienet responsabli għalih l-Awtorita' tad-Djar. Naturalment, din kienet sitwazzjoni anomala.
Billi min kien qed jikkonsma l-ilma deher li ma riedx jieħu r-responsabilita' għall-ħlas ta' din il-provvista ta' l-ilma, l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma kellhiex triq oħra ħlief li tissospendi din il-provvista.
Dan l-aħħar uffiċċjali tal-Korporazzjoni ikkuntattjaw lir-residenti ta' dan il-blokk u dawn issa aċċettaw li jħallsu l-kontijiet pendenti u jibqgħu responsabbli għall-ħlas tal-konsum ta' l-ilma fil-futur.
Malli s-sitwazzjoni tkun regolariżżata b'dan il-mod, il-provvista ta' l-ilma terġa' tingħata b'mod normali lil dawn ir-residenti.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2832 u cioe' il-gvern qatt għamel human resource audit tal-kumpanniji parastatali?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-gvern qatt ma għamel human resources audit tal-kumpaniji parastatali. Pero għandna nformazzjoni li matul is-snin, diversi azjendi parastatali għamlu eżerċizzji u audits fuq human resources.