B'riferenza għall-mistoqsija nru. 32535, jista' l-Ministru jwieġeb dwar jekk jistax jara li ttieħed azzjoni fir-rigward ta' ħsarat serji fis-sistema ta' drenaġġ f'kumpless ta' garages li hemm fil-parti t'isfel ta' Triq id-Deheb Fin f'Ħal Qormi, u li ilha issa s-snin, għad-detriment ta' saħħet ir-residenti ta' l-area, u dan minkejja d-diversi attentati li saru ma' awtoritajiet differenti biex sid il-propjeta' jieħu l-azzjonijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32535 (Seduta 722).
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 33230, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-293 pormozzjonijiet li ingħataw, ingħataw wara sejħa pubblika (mhux bis-seniority)?
Għall-liema gradi ingħataw dawn il-promozzjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' promozzjonijiet li ngħataw wara sejħa pubblika/interna kien ta' 138.
Jista' l-Ministru jara li jkunu kordinati aħjar ix-xogħolijiet fi Triq il-Prinjoli Santa Lucia sabiex l-immaniġjar ta' l-ilma li jinżel f'Wied Garnaw ikun rijabilitat bl-aktar mod sostennibbli u li jsebbaħ dawn l-inħawi tal-pajsaġġ tal-gżejjer tagħha?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jekk l-Onorevoli Interpellant jippreċiżali x'tip ta' rapporti għandu f'moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għal kull rapport li sar fuq perjodu ta' tliet snin sħaħ, inkun nista' niddeċiedi jekk inhix ġustifikat li nordna li jintużaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jispjega kif qegħdin jintgħażlu l-vetturi li fuqhom titwaħħal is-sistema tad-data track fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi?
Għaliex din is-sistema m'hijiex qegħda tiġi installata fuq il-vetturi kollha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-għażla tal-vetturi ġiet imqassma biex tolqot kemm jista' jkun id-dipartimenti kollha fi ħdan id-Diviżjoni, iżda l-aktar dawk il-vetturi li jkopru l-akbar distanzi jew inkella li jikkonsmaw kwantita' ta' fuel. B'dan il-mod 36% tal-vannijiet, 76% tat-trakkijiet u 53% tal-gafef ser ikunu bid-Datatrak. Minbarra hekk, ta' min jgħid ukoll li d-Datatrak qed titwaħħal fuq xi vannijiet mikrija mid-Dipartiment.
Meta din is-sistema tiġi żviluppata fuq numru ta' vetturi u nġenji, jiġi deċiż jekk għandhiex tiġi estiża.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 33058 u cioe, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni li n-numru tagħha qed jintbagħat separatament u l-pjanti relattivi tal-PA għall-bini ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tiġi mħejjija.
Diviżjoni tax-Xogħlijiet — Assistant Work Technical Officer
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-assistant work technical officer li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għadux impjegat mad-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi minħabba li ilu ma jidħol għax-xogħol aktar minn tliet xhur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħaddiem imsemmi għadu mpjegat mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, u ngħata nkarigu biex jagħmel xogħol mal-Kunsill Lokali tal-Floriana. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi informazzjoni ulterjuri, nitolbu jinfurmani.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32971 u cioe, jista' jgħid liema xogħlijiet ser isiru mid-dipartimenti tiegħu fil-Kottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għandu programm vast u ambizzjuż għat-tliet snin li ġejjin. Dan il-programm jiddependi fuq il-finanzjament li jingħata l-proġett aktar tard. Fost il-proġetti li hemm:
Master Plan għall-Kottonera
Heritage Trail
Dwal fis-swar u bini mportanti.
Birgu: Tkomplija tal-proġett ta' Couvre Porte
Restawr ta' l-istatwa tal-Vitorja
Tkomplija ta' pavimentar fil-Collachio
Mużew fl-Armerija
Paviment f'Misraħ ir-Rebħa
Bormla: Tkomplija ta' Pjazza Santa Margherita
Playing field San Ġwann t'Għuxa
Paviment fi Pjazza P Vassallo u l-area tal-madwar
Toilets pubbliċi fi Triq il-Pellegrinaġġ
Misraħ barra Bieb Santa Liena
Isla: Restawr, paviment eċċ Mina Sant'Anna
Paviment ħdejn il-Gardjola
Kalkara: Restawr kappella tas-Salvatur
Heritage Trail mal-baħar.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u l-istqarrija dwar id-diskussjoni għall-proġett għall-iżvilupp ta' controlled landfill f'B'Buġia u fin-Naxxar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm il-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant mhix ċara għal liema pjanti u għal liema stqarrija dwar id-diskussjoni għall-proġett għall-iżvilupp ta' controlled landfill qed tirreferi, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Project Description Statement fuq is-suġġett.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 32932 jista' l-Ministru jgħid
1 kif impjegat fil-ministeru bħala
full-time consultant
qiegħed jagħmel xogħol ta' tmexxija u amministrazzjoni ġenerali tal-koperativa ta' l-indafa pubblika meta din hi koperattiva privata?
2 kif full-time adviser qiegħed jagħmel xogħol ta' on scene co-ordinator fl-oil pollution control unit meta dan il-unit jifforma parti mid-dipartiment tal-ħarsien ta' l-ambjent?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li fl-1995 sar ftehim bejn il-Gvern u l-Koperattiva Indafa Pubblika, fejn il-Gvern issussidja lill-Koperattiva Indafa Pubblika għal servizzi klerikali u management. Dan il-ftehim baqa' għaddej anke bejn l-1996 u l-1998. Fl-20 ta' Jannar ta' 2000, minflok ma ngħata s-sussidju lill-Koperattiva Indafa Pubblika, kif kien isir qabel, il-Gvern impjega persuna mal-Koperattiva Indafa Pubblika, bl-istess spejjeż, bħala full-time consultant.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara rakkomandazzjoni tal-Management Efficiency Unit, l-Oil Pollution Response Module m'għadux jifforma parti mid-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Ambjent iżda sar jifforma parti mill-Marine Section fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, azjendi u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu li jieħdu intake ta' summer workers?
Kif isiru l-għażliet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jindirizza d-domanda lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod id-ditta Cowl ġiet mogħtija kuntratt ta' aktar minn miljun lira Maltin b'direct order fir-rigward ta' l-ippjanar u bini ta' żewġ impjanti għat-trattament tad-drenaġġ meta lanqas biss ħarġet għal dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-ditta COWI ma ġiet mogħtija l-ebda kuntratt ġdid ta' miljun lira. Il-fatti huma li l-istess kumpanija ngħatat estensjoni fuq kuntratt eżistenti li kien ġie ffirmat fl-1993 u dan għall-valur ta' Lm607,696.
Ta' min wieħed jiġbed l-attenzjoni li l-kuntratt ta' l-1993 li kellha d-ditta COWI kien jikkomprendi xogħol fuq l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ta' Għawdex u dak tat-Tramuntana ta' Malta. Dan l-istess kuntratt, iżda, ma kienx ikopri s-servizzi konsultattivi neċessarji kollha bħalma huma s-superviżjoni waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. Barra minn hekk kien hemm il-ħtieġa wkoll illi d-disinji li saru abbażi tal-kuntratt ta' l-1993 issa jiġu riveduti u updated għall-esiġenzi ta' llum.
Għaldaqstant ma kienx ikun għaqli li x-xogħol li kien sar qabel, u li għalih kien diġa' tħallas il-konsulent, jintilef u jerġa' jsir mill-ġdid minn xi konsulent ieħor. Għaldaqstant id-ditta COWI intalbet li tagħti quotation diretta biex ikun jista' jispiċċa l-proċess kollu sakemm finalment iż-żewġ impjanti, kemm dak ta' Għawdex kif ukoll dak tat-Tramuntana ta' Malta jiġu kkummissjonati.
Ta' min wieħed jiġbed l-attenzjoni wkoll li, permezz ta' żewġ tenders separati, li ngħataw fl-1998 u fl-2000 għal Transmission Main fit-Tramuntana ta' Malta u l-Impjant tat-Trattament għan-Nofsinhar ta' Malta rispettivament id-ditta ta' konsulenti Kocks-CGE kienu għadhom qegħdin jagħmlu xogħol relatat ma' dawn iż-żewġ tenders. Din id-ditta ntalbet ukoll tissottometti separatament mid-ditta COWI quotation għal dak ix-xogħol li għalih intalbet tagħti quotation id-ditta COWI. Dan sar biex wieħed ikollu bażi ta' paragun minn żewġ ditti li kienu diġa' nvoluti fuq xogħlijiet simili lokalment.
L-aktar offerta vantaġġjuża kienet dik tal-COWI u, wara approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi, ingħatat estensjoni lil COWI fuq il-kuntratt ta' l-1993.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni li n-numru tagħha qed jintbagħat separatament u l-pjanti relattivi tal-PA għall-bini ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant tinkludi ammont kbir ta' dokumenti u qed titħejja kopja ta' dawn id-dokumenti. Hekk kif dawn ikunu lesti, nkun nista' nqiegħdhom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jirraporta l-Kamra x-xogħlijiet qed jsiru presentement fil-kappella tas-Salvatur Kalkara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-restawr tal-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara huwa wieħed mill-proġetti ewlenin preżentament tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Dan il-proġett qiegħed isir in kollaborazzjoni maċ-Ċentru Malti tar-Restawr (li qed jużaw dan il-proġett bħala proġett pilota ta' taħriġ) iżda finanzjat kompletament mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera.
Il-kappella tas-Salvatur hija waħda mill-eqdem kappelli li għandna fil-Kottonera u għandha importanza kbira kemm mil-lat arkitettoniku kif ukoll storiku. Għal tant snin il-kappella kienet intużat għall-armar tal-festi u saritilha ħafna ħsara, speċjalment fuq ġewwa. Fil-faċċata, fis-snin li għaddew kien sar xi xogħol bil-konkos li kompla għamel ħafna ħsara lil din il-faċċata. Ir-restawr ta' din il-kappella huwa proġett kompless u diffiċli. Ix-xogħol ta' preparazzjoni qiegħed isir minn kumitat apposta li fih hemm rappreżentanza taċ-Ċentru Malti għar-Restawr, tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u tat-Taqsima tar-Restawr.
Bħalissa għad m'hemmx stima kompluta tax-xogħol peress li qed isiru t-testijiet neċessarji biex jiġi stabbilit x'tip ta' azzjoni trid tittieħed. Ma hemmx dubju iżda li l-ispiża tal-proġett ser taqbeż il-Lm100,000 u dan il-proġett se jsir fuq medda ta' sentejn.
Jista' l-Ministru jirraporta l-Kamra x-xoglijiet qed isiru presentement fil-Mina ta' Santa Anna Senglea?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera bil-kollaborazzjoni tat-Taqsima tar-Restawr beda programm intensiv ta' restawr tal-Mina ta' Sant'Anna fl-Isla. Bħalissa qed isir xogħol biex titnaqqas il-ħsara ta' l-ilma fis-soqfa ta' din l-istruttura mportanti. Fil-ġranet li ġejjin għandha toħroġ it-tender għall-parti l-kbira tax-xogħol. L-istima tal-proġett hija ta' aktar minn Lm80,000 u dan il-proġett huwa mistenni li jieħu madwar sena biex jitlesta kollu. Dan jinkludi xogħol estensiv ta' restawr fuq il-mina propja u l-partijiet tal-ġnub tagħha, sistema ta' dawl, pavimentazzjoni u xogħlijiet oħra.
Jista' l-Ministru jirraporta l-Kamra x-xogħlijiet qed jsiru presentement fil-monument tal-Vittorja li kein sar mill-kavallieri ġewwa l-Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera ta bidu għall-proġett fuq din l-istatwa importanti fil-Birgu. Il-proġett qiegħed isir minn ditta speċjalizzata Griega. Preżentament qiegħdha ssir l-ewwel parti li tikkonsisti f'analiżi tal-ħsara li hemm u biex jiġi stabbilit liema kien il-kulur oriġinali ta' l-istatwa. Minn indaġini li diġa' saru jirriżulta li l-istatwa għandha diversi staffi ta' kulur inkluż induratura ħadra sabiex jagħti l-idea li l-istatwa, tal-ġebel, hija tal-bronż.
Wara li titlesta l-ewwel fażi, ix-xogħol għandu jitkompla wara li jgħaddi l-istaġun tal-festi fil-Birgu f'Ottubru.